17.7.20

L-Isptarijiet u ċ-Ċimiterji tagħna lkoll


 

1.     Niġġudikaw il-gvernijiet, mhux  minn dak li jgħidu, iżda minn dak li jagħmlu.  Dan il-Gvern, li beda taħt Joseph Muscat u issa qiegħed taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, għandu jiġu ġġudikat, fost ħwejjeġ oħra, xi wħud forsi iktar gravi, fuq il-fatt li għadda t-tmexxija tal-isptarijiet u ċ-ċimiterji f’idejn il-barranin.  Mhux f’idejn għaqdiet filantropiċi, jew xjentifikament speċjalizzati, iżda f’idejn min għandu l-iskop li jagħmel il-profitt.

 

2.     Dan ma sarx għaliex il-Gvern kien miexi fuq l-ideoloġija Soċjalista, jew għallinqas, Laburista.  Assolutament il-kuntrarju.  Gvernijiet Soċjalisti jinnazzjonalizzaw l-isptarijiet, mhux jikruhom lill-privat (la Malti u lanqas stranġier).  Gvernijiet Soċjalisti kienu ġelużi li s-servizzi pubbliċi jkunu tal-pubbliku, jew, kif kien jingħad, tal-poplu.  Ma joħorġux minn idejna.

 

3.     Wieħed jistaqsi għaliex rajna dan il-fenomenu f’pajjiżna.  L-ewwelnett, f’pajjiżna, ilna bi sptarijiet tal-poplu sa mill-Medjuevu.  Skont speċjalista fl-istorja tal-Mediċina f’Malta, il-Professur tal-Ostetriċija C. Savona Ventura, l-ewwel li jissemma Sptar f’Malta kien fl-1372, u f’Għawdex fl-1454.  L-Isptar ta’ Santu Spirtu fir-Rabat, barra l-Imdina, kien jieħu ħsieb il-morda iktar minn sitt mitt sena ilu.

 

4.     Dejjem bnejna l-isptarijiet tal-Gverna għal kulħadd, u dawn dejjem tmexxew mill-Maltin.  Wieħed ifakkar li l-Isptar ta’ Santu Spirtu (li llum fih l-Arkivju Nazzjonali) nbena mill-Maltin għall-Maltin, u tmexxa għal sekli twal mit-tobba u l-infermiera Maltin.  Warajh, meta ġew il-Kavallieri, inbniet l-Infermerija, li serviet mhux biss lill-Kavallieri, iżda wkoll lill-baħħara u lil bosta oħrajn.  Santu Spirtu ma żżarmax, baqa’ għaddej, u f’din is-Sagra Infermerija li kellu l-Ordni ta’ San Ġwann servew ħafna tobba Maltin.  Anzi, meta nfetħet l-Università ta’ Malta, u bdiet il-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija, hemm kienu jagħmlu l-prattika l-istudenti.  Fi żmien il-Gran Mastru de Vilhena, inbena l-Isptar Ċentrali, fil-Furjana, fejn illum hemm id-Depot tal-Pulizija.

 

5.     Fi żmien l-Ingliżi nbnew sptarijiet oħra.  Kollha tmexxew mill-Maltin, barra minn dawk tas-Servizzi, bħal dak Navali tal-Kalkara, li nafuh bħala ‘Ta’ Bighi’, u dak militari tal-Imtarfa.  Fi żmien il-Gwerra tal-Krimea kienu bnew ieħor fejn illum hemm il-Kulleġġ ta’ St Edwards.  Ma hemmx għalfejn ngħidu l-Istorja kollha.  Infakkru biss li l-Isptar ta’ San Luqa nbena mill-Gvernijiet Maltin fi żmien is-Self-Government.  U l-Isptar Mater Dei inbena fi żmien il-Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi.

 

6.     Ma kellna bżonn lil ħadd biex jgħallimna kif jitmexxa sptar.  U taħt il-gvernijiet kollha, ta’ kwalunkwe kulur politiku li seta’ kien, ħadd ma ħolom li jipprivatizza l-isptarijiet li nbnew bi flus il-poplu Malti kollu u tmexxew dejjem mill-Maltin.  Fihom, kull Malti u Maltija kien imur/tmur bi dritt.  U fil-Parlament tagħna, id-deputati tal-poplu jikkritikaw, ukoll bi dritt, kif jitmexxew, għaliex huma ta’ kulħadd.  U l-gvernijiet tal-poplu Malti jagħmlu superviżjoni u jinżammu responsabbli tat-tmexxija u tas-servizz li jagħtu lill-poplu.

 

7.     L-isptar tal-poplu jagħti servizz lil min għandu biex iħallas u lil min m’għandux.  Huwa l-aqwa servizz soċjali, għax jingħata meta bniedem l-iktar ikun fil-bżonn u vulnerabbli.  Kien hemm, terġa’, żmien twil fejn il-Gvern Laburista ma kienx jaħmel li jkun hawn sptarijiet privati bi ħlas.

 

8.     L-istess iċ-ċimiterji.  L-ipoġej li għandna juru li pajjiżna ilu jidfen fil-qima, u biċ-ċiviltà, għal eluf twal ta’ snin.  Issa, għall-kuntrarju, Gvern li għadu jsejjaħ lilu nnifsu ‘Laburista’, iżda li biddel il-mentalità u t-twemmin, sar jemmen li l-barranin kapaċi jmexxu ċ-ċimiterji iktar minna.

 

9.     L-isptarjijiet privati hemm lokhom.  Iserrħu mill-piż lill-isptarjijiet pubbliċi.  Iżda l-isptarjijiet tal-poplu għandhom jibqgħu tal-poplu, u kull gvern għandu jġorr ir-responsabbiltà tat-tmexxija tajba.  Iċ-ċimiterji tal-Knisja ukoll hemm bżonnhom, iżda ma nistgħux ninsew liċ-Ċimiterju tal-Addolorata, fejn il-maġġoranza l-kbira tal-poplu tagħna għandha midfuna l-għeżież tagħha.  Dawn żbalji politiċi li diġà qed inħallsu l-konsegwenzi tagħhom.  Din hija linja żbaljata li trid tinbidel għall-ġid komuni tagħna lkoll.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...