1. Fix-xenarju politiku huwa evidenti li hemm min għandu
interess li jbiddel l-aġenda nazzjonali.
Hemm forzi varji li jridu jaljenaw minn dak li huwa l-iktar importanti u
li jrid jiġi affrontat. Meta wieħed
jibda jaqra b’allegazzjonijiet varji dwar politiċi jifhem ferm iktar kemm din
hija linja ta’ strateġija passata. Dik
imwielda fil-bżonn li l-pajjiż, wieħed jixħetlu l-attenzjoni tiegħu mhux dwar
dak li ser ikollu jaffronta. Mhux fuq li
jaqbad it-triq prinċipali, imma li jħares fil-ġnub. Sewwieq tajjeb jaf li dmiru huwa li jħares
‘il quddiem, u mhux ikun distratt fit-truf.
Difiża politika
2. Hija
kjarament parti minn forma ta’ difiża politika.
Waħda li tħares li tipproteġi dak li m’għandhiex, l-ewwel, u t-tieni li
tiddefenti lil dak li m’għadux difensibbli.
Kollox jitlaq mill-fatt li dak li seħħ fit-tmexxija tal-Gvern tal-pajjiż
mill-Partit Laburista mhuwiex l-aqwa fl-istorja politika. Issa dan jew jiġi affrontat, inkella mċaqlaq
għal jiem u persuni oħra fil-futur. Dak
li kien beda l-ġimgħa li għaddiet fl-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, issa
twaqqaf ħesrem. Dak li beda tajjeb, li
jkun hemm l-aċċettazzjoni tal-iżbalji li saru u d-deċiżjonijiet dwarhom, issa
spiċċa.
Il-messaġġi
3. Il-pajjiż,
b’dan, qiegħed jiġi aggravat iktar. Diġà
kien serju u tal-mistħija. Serju u gravi
li ġew permessi tant korruzzjoni, nepotiżmu, klijenteliżmu u inġustizzji. Iktar, li kien hemm involviment, b’xi mod,
fil-qtil ta’ persuna umana bl-intriċċi kollu tiegħu. Il-poplu saritlu, l-ewwel, azzjoni żbaljata
f’dan. Wara, u fl-istess ħin it-tieni,
li f’dan kollu saret kampanja sistematika , maħsuba u mimlija ngann li taħbi
dak li sar, kien u għadu jsir. Hemm min
jaħseb li jekk tiċħad, allura jfisser li jkun hemm min jemmen li l-affarijeit
ma ġrawx. Biss, f’dan tkun biss qiegħed
taħrab mill-problema li ġejja b’qawwa ikbar għalik.
Effetti negattivi
4. Il-linja
politika fil-partit tal-Gvern hija dik li hemm bżonn ikomplu jaħirbu
mir-realtà. Biss, il-korruzzjoni hija
ta’ ħsara kbira mhux biss għall-politika, imma iktar minn hekk, għall-ħajja
soċjali u ekonomika tagħna. Meta
pajjiż jippermetti li jinsteraq minn uħud, ikun qed iċaħħad oħrajn minn dak li
huwa tagħhom. Iktar persuni f’dawn
il-gżejjer ser ikollhom bżonn għajnuna tal-Istat li mhumiex ser isibuha. Iktar ser ibatu minn problemi
finanzjarji. Iktar ser jersqu viċin
il-linja tal-bżonn. Mhux biss, imma ser
nitqegħdu fejn il-Gvern qiegħed jeħodna: ma’ dawk is-soċjetajiet li ma jridux,
u mhumiex kapaċi jaffrontaw il-kriminalità u l-illegalità. Tiċpis irreparabbli għalina.
Nifhmu
5. Fil-ħajja
hemm il-linja tal-prinċipju u hemm dik tal-konvenjenza. Hemm għażla.
Il-bnedmin fil-politika jsibu ruħhom f’dan. Ftit imorru għall-prinċipji diversi, għal dak
li jaħsbu li jaqbillhom. L-istorja
tifridhom. Dawk li, b’intelliġenza,
jżommu mal-linja tas-sewwa jirbħu mhux biss rispett, imma iktar il-kamp
elettorali. Dawk li jfittxu t-triq
il-qasira tal-konvenjenza, jispiċċaw ħażin.
Diġà, il-Partit Laburista għandu eżempju ta’ dan. Diġà, fl-istorja reċenti, kellu mexxej li
kien l-iktar b’saħħtu elettoralment, li flok għażel il-prinċipju u qata’
fil-laħam il-ħaj, ċeda għal dak tal-konvenjenza. Issa huwa ċar li hemm min irid jirrepeti
l-istess żball.
Il-verità tibqa’
6. Il-fatti ma
taħrabhomx. Għandek il-libertà li
tiddiskutihom, tgħarbilhom u tinterpretahom, imma hemm jibqgħu. Minn dak li jum wara jum qed joħroġ
fil-beraħ, huwa iktar ċar li mhumiex iktar allegazzjonijiet. Anqas li huma imputazzjonijiet foloz jew żbaljati. Hemm fatti konkreti. Din hija l-verità. Issa, jekk hemm min irid ir-rispett lejh, dan
irid jaffrontah. Irid jifhem, l-ewwel:
li għandu jibda t-triq twila tat-tindif intern u estern. It-tieni: li jagħżel li jibni regoli ġodda li
jneħħu, darba għal dejjem, il-ħidma tal-qarnit mafjuż. Biss, jekk inti lest li tibqa’ tgħix fl-istess
kamra magħhom, allura għandek problema.
Tindif ġenerali
7. Min huwa lest
li jgħix fit-tajn tal-oħrajn jitħammeġ huwa wkoll. Min lest li jibqa’ jqum u jaħdem magħhom isir
parti minnhom f’għajn kull persuna. Min
irid juri li huwa differenti minn ta’ qablu ma jistax jagħmel l-istess
bħalu. Min irid jagħmel il-ġid
lill-Partit Laburista u ‘l-politika Maltija fit-tul irid jibda jnaddaf
serjament. Din hija r-realtà. Biss, fil-jiem li għaddew, ġie iktar ċar li
dan il-proċess mhuwiex ser iseħħ.
It-tama li wħud kellhom issa qegħda, biċċa biċċa, tispiċċa. Mill-apparenza għall-intolleranza għall-atti
żbaljati, issa ċerti mit-tolleranza assoluta għal dawk li saru qabel u dawk li
għadhom qed isiru.
Sistema
8. Mhux ser ikun
faċli biex wieħed iwassal din ir-realtà tal-fatti lill-pajjiż. Ser ikun hemm ħafna ostakli biex is-sewwa,
fl-aħħar, tirbaħ lura. Ser, ċertament,
naraw iktar aġendi moħbija ħerġin biex iżommu lura u jtawlu. Imma, kif nafu u rajna, “tardre si, scappare
no”. Għax il-ġlieda għas-sewwa bdiet
tintrebaħ. Dak li seħħ fil-kurituri ta’
Kastilja huwa tal-mistħija. Illum jew
għada hemm proċess li ser ikompli jikxifhom.
Il-ħidma popolari tagħna, però, trid tibqa’, biex dan ikun ċar quddiem
il-pajjiż, u t-tieni: li jkun hemm mekkaniżmi legali li ma jippermettux li dan
iseħħ mill-ġdid. Pajjiżna dan
jixraqlu. Għax dan huwa, u jibqa’
dejjem, l-interess veru tan-Nazzjon tagħna.
No comments:
Post a Comment