17.7.20

Riflessjonijiet tal-mument


 

1.     Hemm ħafna letteratura klassika fuq l-epidemiji, speċjalment fuq il-pesta bubonika.  Fil-klassiċi Griegi nsibu r-rakkonti ta’ Tuċidide, fil-ktieb tiegħu Il-Gwerra fil-Peloponnesu [II.49] f’Ateni, fis-sena 430 qabel Kristu.  Imbagħad insibu wkoll dik il-pesta ta’ żmien l-Imperatur Marcus Aurelius Antoninus, li ddeskriva t-tabib Galenu fil-ktieb tiegħu ‘Methodus Medendi’, fis-sena 165 wara Kristu.  Iktar qrib lejna hemm id-deskrizzjoni stupenda ta’ Alessandro Manzoni, fir-rumanz storiku I Promessi Sposi.  Wara dan hemm ir-rumanz, relattiv modern (1944) ta’ Albert Camus, bit-titolu La Peste, li jikteb fuq il-pesta f’Oran, fl-Alġerija.  Ta’ Manzoni u ta’ Camus huma żewġ kapolavuri letterarji.  Valur xjentifiku m’għandhomx: ta’ Galenu, però, għandu valur kbir fl-istorja tal-Mediċina.

 

2.     Qiegħed niftakar fihom għaliex bħalissa għaddejjin minn esperjenza simili.  Altru l-letteratura, u altru r-realtà.  Ir-realtà taż-żminijiet l-oħra kienet forsi agħar: la f’Ateni tal-430 Q.K., la f’Milan tal-1630, u lanqas, għal kollox, f’dik ta’ Oran tal-1944 ma kellhom tagħrif xjentifiku veru dwar kif jinxtered il-mard.  Mill-esperjenza kienu ndunaw li kien jinxtered billi jgħaddi permezz tal-kuntatt ta’ bniedem ma’ ieħor.  In-nies jiġu kuntaġġjati: dan kien żgur, iżda kif u x’fatta ma kinux jafu.  B’danakollu, l-uniku rimedju kien li toqgħod ‘il bogħod u timponi kwarantina fuqek innifsek.

 

3.     Illum, ix-xjenza taf ħafna iktar fuq il-virus, il-batteri, u l-mikrobi in ġenerali.  Għadha ma sabitx tarf tal-Coronavirus, iżda lil hemm miexja.  S’issa, il-kwarantina u li żżomm ‘il bogħod huma l-mezzi biex tevita l-mard, u fuq kollox l-indafa, il-ħasil tal-idejn u l-għata fuq il-ħalq.  Dawn l-epidemiji jdaħħlu lill-bnedmin f’qoxrithom.  L-għadu, għalkemm nafu bih, għadna ma nafux kif neqirduh għal kollox.  Nafu biss kif nistgħu naqtgħulu nifsu, qabel ma jaqta’ tagħna, billi nieħdu l-prekawzjonijiet.

 

4.     Aħna, li m’aħniex tobba, jeħtiġilna nobdu t-twissijiet.  Anke t-tobba jridu jobdu, anzi forsi iktar huma, għaliex iktar esposti, billi huma jeħtieġu li jagħmlu kuntatt mal-morda.  Huwa żmien ta’ periklu għal kulħadd, iżda napprezzaw ħafna l-fatt li bħalissa t-tobba, l-infermieri, l-ispiżjara u l-pulizija huma iktar esposti għall-periklu.

 

5.     Fil-pajjiż hawn arja stramba.  Toroq vojta.  Knejjes magħluqa.  Ħafna ħwienet ibiegħu bi prekawzjonijiet eċċezzjonali.  Jew jibqgħu magħluqa.  Il-ħajja soċjali tal-każini, tal-ħwienet tax-xorb, waqfet.  Kemm it-tiġrijiet, kif ukoll il-funerali huma effettwati.  Ħafna qed jgħixu l-esperjenza tal-patrijiet trappisti: magħluqin waħedhom fiċ-ċella.

 

6.     Il-poplu Malti huwa poplu matur u fehem il-bżonn tad-dixxiplina.  Ikun hemm min jabbuża, iżda jiġi mċanfar, għaliex il-kotra fehmet il-bżonn tad-dixxiplina.

 

7.     Fil-gwerer kbar tas-seklu li għadda, li laqtu ‘l-popli b’mod qawwi, wieħed seta’ jara li l-esperjenza komuni tbiddel il-mentalità.  Il-ġrajja tas-7 ta’ Ġunju 1919 inħmew fil-Gwerra l-Kbira (1914-18).  It-tibdiliet radikali ta’ wara l-1945, saru possibbli minħabba l-esperjenzi komuni 1939-45.

 

8.     Meta, jekk Alla jrid, neħilsu minn din l-epidemija mondjali, id-dinja kollha ser titlob tibdil ieħor kbir.  Mhux il-mument, bħalissa, li nagħmlu attakki feroċi fuq xulxin, iżda ġrajja bħal dawn jikxfu n-nuqqasijiet strutturali.  Issa huwa l-mument li nosservaw f’hiex pajjiżna seta’ mexa aħjar.  Issa l-mument li nieħdu nota, sabiex nibnu aħjar is-soċjetà.  Issa l-mument li nifhmu kif nippreparaw stat demokratiku li jħares lejn il-futur.

 

9.     Hemm għoqda li bħalissa qegħda tiġi diskussa fuq pjan politiku: dik ta’ sptarijiet Maltin f’idejn il-barranin.  Esperjenza li mhix sabiħa.  L-interess pubbliku għandu jkun suprem, l-iktar fil-qasam tas-saħħa.  Bil-Latin kienu jgħidu: Salus populi suprema lex esto.  Kif insibu tant tajjeb fil-ktieb ta’ Ċiċerun, De Legibus (Liber III, parti III, sub. VIII): Is-saħħa tal-poplu għandha tkun l-aqwa liġi.  Il-profitt għandu liġijiet oħra.

 

 

 

 


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...