23.10.20

Għażiż Frederick

 

 

1.    Ma kontx nafu.  Iltqajt miegħu f’Settembru 1988, waqt li t-tnejn konna qed nistennew ir-riżultati tal-Elezzjoni Ġenerali f’Ta’ Qali.  Ftit kliem, salv li qalli li, skont hu, kont ser niġi elett.  U hekk kien.  Fil-ġenerożità tiegħu, dik li skoprejt iktar tard fil-ħidma parlamentari tagħna, kien tani żewġ pariri x’għandi nagħmel, u segwejtu.  Kienet elezzjoni li ġiebet lill-Partit lura fil-Gvern, din id-darba b’żieda fil-maġġoranza, sija elettorali kif ukoll fis-siġġijiet.  Kien hemm vantaġġ ta’ ħamsa.  U Frederick u jien ġejna eletti għall-ewwel darba flimkien.

 

Fid-dell

 

2.    Kienet elezzjoni li saret fid-dell ta’ nuqqas ta’ qbil qawwi fi ħdan il-Partit Laburista.  Wieħed li wassal għal bidla fi żmien tnejn u għoxrin xahar.  Kont għadni nidħol f’din id-dinja u t-Tnejn, 24 ta’ Ottubru, ħadna l-ġurament.  Anki jekk huwa ikbar minni, ittrattani ta’ mparu.  B’umiltà, b’attenzjoni, jistaqsi, jaħseb u jiddiskuti.  F’dawk l-ewwel jiem bil-Partit Laburista mimli b’diffikultajiet, mimli wkoll b’rabja għal dak li kien ġara, konna nsibu ruħna flimkien, drabi wkoll mal-kollega Michael Bonnici.  Stajt nitkellem miegħu, tafda kelma u taf li ser iżommha għandu.  Tgħallimt ħafna mingħandu.  Maż-żmien stajt niddikjara li kien wieħed minn dawk l-eroj tal-Partit li ħadd ma jsemmi, jew jagħtih il-veru ġieħ li jixraqlu.  Kien fost dawk it-teżori ġenwini li jaħdmu mingħajr ma jingħataw il-kreditu li verament ħaqqhom.

 

Il-Partit

 

3.    Frederick kien ġej minn attività politika qawwija fost in-nies.  Jum wara jum kien imur għand diversi ministri jaqbeż għal kostitwent jew ieħor.  Drabi kien jiġi għandi jistaqsini xi parir legali, dejjem, ovvjament, għal ħaddieħor.  Kien jaf x’inhuwa jagħmel.  It-temperament tiegħu kien mill-iktar sabiħ.  Għalkemm kien suċċess u rnexxielu jiġi elett elezzjoni wara oħra, qatt ma smajt lil xi ħadd igerger kontra tiegħu li aġixxa żbaljatament.  Anzi, tifħir ġenerali.  Qatt ma smajtu jkompli ma’ xi ħadd iġerger kontra kollega jew xi uffiċjali fil-Partit.  Dak li ma kienx jogħġbu kien jgħidli, imma b’attenzjoni f’diskrezzjoni mill-ikbar, ċert li mhux sejjer iweġġa’ lil ħadd.  Però, f’dan fetaħli għajnejja: f’dak li kont ser insib bejn il-politika li kont naf u dak li kien għaddej fi ħdan il-Partit f’dak iż-żmien.

 

Gwida

 

4.    Kien għalija gwida f’ħafna sitwazzjonijiet.  Kien ġie iktar minn darba jiftaħli għajnejja fuq dak li kont beħsiebni nagħmel jew li l-oħrajn kienu ser jagħmluli.  Kellu boxxla interna soċjali u fejn kien jara li l-poplu, dawk l-iktar ‘l isfel, il-fqar li ser b’xi mod jintlaqtu, kien jiċċaqlaq b’qawwa.  Mhux darba jew tnejn kien, għalhekk, jieħu pjaċir b’numru ta’ liġijiet li ġibt fis-seħħ.  Uħud kontra l-kurrent u b’attakki varji.  Kien konfort u gwida għalija meta fil-kuriduri, jew fil-kamra li kelli bħala ministru fil-Palazz, kien jgħidli li ġass jew ieħor qiegħed jaħdem tajjeb.  Kien għalija ċ-ċertezza tal-ħidma.  Balzmu uniku.  Minnu kont inkun naf li l-maġġoranza silenzjuża li ma tinkitibx fil-gazzetti kienet ħadet benefiċċju.

 

Niftehmu mill-ewwel

 

5.    Ma’ iktar snin u ħin flimkien, sirna nafu lil xulxin sew.  Kellna fiduċja reċiproka fuq l-onestà, l-integrità u l-ġenwinità.  Ftit kliem kienu biżżejjed biex ngħaddu messaġġ.  Iktar u iktar hu, li kien jaf sew il-kumplikazzjonijiet li kien hemm fil-gżira ta’ qalbu.  Kien minjiera ta’ informazzjoni.  Kien gwida u kumpass ta’ fejn il-qalb tas-sewwa għandha tmur.  Kien il-bniedem li tista’ tiddependi fuqu.  Fil-ħajja politika tiegħi kien dejjem hemm.  Jitbissem, jispjega u jaqbeż għall-proxxmu.  Konna kompatti fl-ideat tagħna.  Konna nafu dak li kien għaddej u fejn għandna nżommu biex nippruvaw li ma jsirux ħmerijiet.  Allejat naturali għalija u għall-ideali li għadni ngħożż.

 

Ġentili ħafna

 

6.    Kien bniedem mimli ġentilezza u l-politiku tal-iva.  Imma dan ma kienx ifisser li kien lest li jċedi għal dak li ma jaqbilx miegħu.  Kellu fih l-irġulija, il-vibra morali u s-sħħa li kont indorri naħdem magħhom.  Fost dawk id-diversi partitarji li batew tul il-leġislaturi tal-Partit Laburista.  Dawk id-diversi li baqgħu sodi, minkejja kull theddid, swat, arresti u angeriji varji.  Kien hemm patt silenzjuż għas-sewwa li żammejna mingħajr ma kellna bżonn niddikjaraw.  Kien jaf dwari għax kien staqsa.  Kien jaf l-esperjenzi politiċi tiegħi.  Jien sirt naf dejjem iktar dwaru jum wara jum.  Rispett u għarfien reċiproku ta’ dak li kellu jsir.  Kien għalija sur ta’ irġulija.

 

Għaddejna

 

7.    Kien ħdejja fid-diversi diffikultajiet li kelli fil-Partit sabiex inżommu l-linja politika li ġiet f’idejna. Konna nitkellmu f’dawk il-mumenti.  Daqqa nitolbu gwida, informazzjoni, il-ħsieb tiegħu jien, u daqqa l-kontra.  Qatt ma ddispjaċieni.  Qatt ma stajt ma ngħidx ‘grazzi’.  Frederick ma kienx bniedem diffiċli.  Bi ftit, kien ikun kuntent.  Ferħan li għen lil xi ħadd jew li ta gwida tajba.  Kien ifakkarni fit-tradizzjoni ta’ żewġ deputati li l-Partit kellu fil-gżira Għawdxija: Coronato Attard u Amabile Cauchi.  Politiċi li kont iltqajt magħhom ta’ avukat, meta klijenti kienu jeħduni fuq xi diviżjoni ta’ wirt jew kwistjoni bejn il-familji.  Fred kien bħalhom: paċifiku, jipprova jressaqhom, medjatur u stmat minn min kien imiss miegħu.

 

Ħames leġislaturi

 

8.    Ġimgħa oħra kien jagħlaq tnejn u għoxrin sena minn meta ħa l-ġurament ta’ membru parlamentari. Kellna tlett leġislaturi fil-Gvern, u tnejn fl-Oppożizzjoni.  Kull waħda bil-kumplikazzjonijiet tagħha.  L-aħħar tnejn sibna post mertu tal-emenda li tiggarantixxi l-voti li l-Partit iġib.  U huwa sab ruħu darbtejn involut f’kawżi kostituzzjonali.  L-ewwel waħda damet tkaxkar.  It-tieni waħda konna flimkien fis-sajf tal-2017, b’kawża mill-Partit Laburista tipprova ċċaħħadna milli nservu ta’ deputati tal-poplu.  Lilna t-tnejn, żewġ bnedmin tas-sens komun, tal-moderazzjoni, fiċ-ċentru kien hemm min deherlu li jaqbel li ma nkunux hemm.  Fortunatament, wara jiem twal u seduti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, il-każ ġie deċiż favur u stajna nservu bi pjaċir u b’forma ta’ “trijonf”.

 

OECD

 

9.    Kien jirrappreżenta lil pajjiżna f’numru ta’ fora internazzjonali.  Kien attent f’dak li jagħmel u jgħid.  Id-diskorsi tiegħu kienu dejjem korretti.  Niftakru jgħidli li Filippo Lombardi, li kien jippresjedi taħt il-Presidenza Svizzera, kien semmieni miegħu bħala ħabib antik fil-movimenti Ewropej demokristjani.  Filippo kien is-Segretarju Ġenerali meta kien ġie f’pajjiżna u ndirizza meeting tal-Partit f’Ta’ Qali fl-1986, biex wara ġie arrestat.  Għad għandi xi mkien ir-rikors li konna ffirmajna numru ta’ avukati biex jingħata l-libertà proviżorja.  Ovvjament, lil Fred għabbejtu b’numru ta’ dokumenti passati biex jgħaddihom lura lil Filippo.  Li, kif kien qalli, ħa pjaċir bihom, bit-tbissima tipika tiegħu.

 

L-aħħar żmien

 

10.   F’dawn l-aħħar xhur, minn meta f’Novembru tas-sena l-oħra ma ħassux sew fil-Marokk u ġibuh lura, ma rajniex ħafna lil xulxin.  Darba jew tnejn iltqajna, u żammejt kif stajt il-kuntatt miegħu.  Ma kienx ferħan b’dak li kien għaddej fil-Partit.  Ried jgħin sabiex tinstab soluzzjoni.  Kien impenjat fuq dan.  Tkellimna u talabni l-aħħar parir.  Ferħan li għaddejtlu t-tajjeb.  Għex jaqbeż għall-poplu.  U l-Ħallieq tagħna għażel fit-triq tas-salvazzjoni tiegħu li jsejjaħlu jservi lill-proxxmu.  Għandu l-unur li baqa’ deputat sal-aħħar.  Għandi l-unur li sirt naf, ħabbejt, irrispettajt u ħdimt ma’ iben denju, mill-aqwa, tal-gżira Għawdxija u ta’ dawn il-gżejjer tagħna.  Insellimlek għalhekk, mill-qalb, għażiż Frederick.  

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...