23.10.20

Ebda forma ta’ gwadann

 

1.    Nikteb tul il-ġimgħa, u għalhekk ma nafx x’ser ikun ir-riżultat tal-vot tal-Kunsilliera tal-Partit.  Mhux ser nipprova nbassar.  Ngħid, però, numru ta’ punti li nressaq għall-kunsiderazzjoni tagħkom illum. Għandi jew m’għandix raġun, iġġudikaw intom.  Għax huwa x’inhuwa l-ħsieb tagħkom, hemm ċertament quddiemna toroq twal u diffiċli ħafna.  Diġà, wara l-aħħar elezzjonijiet ġenerali, il-pożizzjoni kienet kumplikata.  Diġà kienet f’sitwazzjoni fejn riedet attenzjoni u għaqal politiku.  Illum, il-Ħadd filgħodu, dan kollu żdied ferm u ferm iktar.  U dan, fix-xejn.  Żidna fuqna piżijiet akbar milli kellna l-bżonn tagħhom.

 

Deċiżjoni nieqsa mill-għaqal

 

2.    Ngħid iktar dan għax l-għażla li wieħed imur għall-proċess li qegħdin fih, tindika b’mod ċar nuqqas qawwi ta’ għaqal politiku.  Minn dak li sar, seta’ kien hemm min ħa ‘pjaċir’ għal mument, imma l-Partit Nazzjonalista ma ħa ebda forma ta’ gwadann politiku.  Il-problema li ilna niffaċċjaw tul dawn l-aħħar sentejn u nofs li għażilna demokratikament Kap ġdid ġejja minn ħaġa waħda.  Il-fatt huwa li ġabra ta’ persuni baqgħu ma nġabrux warajh.  Jista’ jkun hemm min jipponta sebgħu naħa jew oħra, imma dawn huma l-fatti.  Partit ma jistax javvanza, f’għajnejn il-poplu, jekk ma jkunx hemm linja waħda u għaqda sħiħa.  Jekk it-tesserat iddeċieda, dik id-deċiżjoni kellha tiġi rispettata u mhux dubitata, skreditata u kontestata kontinwament.

 

Żball politiku

 

3.    Jekk l-argument inġieb li l-polls mhumiex favur tagħna, is-soluzzjoni mhix li trendi l-Partit ineffikaċi.  Jekk ir-riżultati tal-istħarriġ li bdew isiru xahar wara xahar mhumiex favorevoli, ma tmurx għal din it-triq.  Jekk xi ħadd huwa konvint li żidna l-voti b’dan, ma nafx.  Jekk xi ħadd ħaseb li billi nkissru ser inżidu fil-persentaġġi, allura qed ngħixu f’dinja politika differenti.  Jekk kellna diffikultajiet ġejjin mit-telfiet elettorali, min-nuqqas ta’ għaqda interna u minn dik finanzjarja, ma naħsibx li b’dan kollu naqqasnih, imma żgur li kabbarnih ferm iktar.  U l-verità hija li konna fuq it-triq it-tajba.  Il-verità hija li wara dawn is-snin ta’ sforzi, kien hemm sinjali ta’ ċaqliq pożittiv, li llum jidhru li kienu biss apparenti, daħk fil-wiċċ, artifiċjali u mhux sinċiera.

 

Il-Belt Imfarrka

 

4.    Il-Partit Nazzjonalista jista’ biss javvanza jekk jitkabbar u jiġi ssudat.  F’dan l-eżerċizzju, sejjaħlu kif trid, kull ma qiegħed isir huwa li jitkisser iktar.  Dak il-ftit li kellna, u li sar sforz kbir biex jikber, issa ser jiġi mfarrak iktar.  Ma naħsibx li b’dan, min irid jipprova ‘jaqleb’ l-affarijiet, ser jiret xi minjiera tad-deheb.  Il-pożizzjoni, jekk ma noqogħdux attenti u nippruvaw insalvaw dak li huwa salvabbli, ser tiġi iktar kumplikata u aggravata.  Kien diġà diffiċli, fix-xhur li għaddew, biex tmexxi u tipprova tipperswadi, imma b’din id-deċiżjoni qed naraw iktar atrit u pożizzjonijiet ferm iktar diffiċli biex tirrikonċilja.  Min jaħseb li huwa tant kapaċi li ser jibni għax huwa ‘speċjali’ jew ‘differenti’ qiegħed jilludi ruħu, u miegħu dawk il-partitarji li jsegwuh.

 

L-Istorja

 

5.    Mhux biss, imma fl-Istorja hemm żewġ eżempji ċar li l-kapitoli ma jingħalqux għax wieħed jipprova jelimina mexxej.  Hemm min, fil-konġuri passati, li ġie maqtul.  Hemm min baqa’ ħaj.  Fit-tnejn, il-konsegwenzi kienu gravi u wasslu għal iktar u ferm iktar ġlied.  Ġulju Ċesri nqatel fil-pubbliku taħt l-istalletti tas-Senaturi Rumani li kienu ġġustifikaw ħidmiethom minħabba l-ambizzjonijiet tiegħu.  Huwa miet, imma warajh ġew politiċi oħra li mhux biss ivvendikawh, imma eliminaw lil kull min qam kontra tiegħu.  Lorenzo dè Medici għadda wkoll mill-Konġura tal-Pazzi.  Qamu għalih minħabba l-poter li kellu ġewwa Firenze, waqt li kien għal quddiesa solenni.  Qatlu lil ħuh, imma huwa baqa’ ħaj.  U l-poplu qam għal dawk li kienu kontrih, u dawn spiċċaw kienu huma li tilfu ħajjithom.

 

Il-gwadann fejn huwa

 

6.    Il-gwadann ta’ dan kollu sejjer, ħelu ħelu, f’ħoġor il-Partit Laburista.  Minn dan kollu, huwa biss hu li qiegħed jirbaħ.  Qiegħed, f’dan, jingħata rigal politiku li jaf jerġa’ jsalvah.  Għax, jingħad x’jingħad, jista’ xi ħadd jifhem il-loġika li tidħol għal proċess ta’ ġlied intern fil-Partit Nazzjonalista, meta l-partit fil-Gvern huwa mifni bi problemi u kumplikazzjonijiet kbar?  Jista’ xi ħadd jifhem kif qed immorru għas-sokkors ta’ min ma ħaqqux?  Jista’ xi ħadd ifehemni jekk is-soluzzjoni għall-korruzzjoni li kien hemm, u għad hemm, hix din?  Jista’ xi ħadd jgħidli li l-kriżi ekonomika li sejrin għaliha daqt, hix ser tiġi solvuta b’dan il-mod?  Jista’ xi ħadd jgħidli jekk b’dan il-kuntratt mill-iktar skandaluż tal-isptarijiet huwiex ser jiġi terminat b’dan?  Jista’ xi ħadd jgħidli l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari u dik tal-pandemija hix ser issib soluzzjoni f’dan?  Dak il-partit li kellu jmur lura fl-Oppożizzjoni, issa qed nagħtuh raġuni biex ikompli għaddej.  Forsi hemm min, fil-Partit Nazzjonalista, li jista’ jkun li huwa kuntent b’dan ir-riżultat. Ċertament, mhux jien.

 

Il-passi li jmiss

 

7.    Forsi l-loġika politika tiegħi hija kompletament differenti minn dik ta’ ħaddieħor.  Biss, fl-appuntament li ġej, ikun żball ieħor jekk wieħed ma jagħtix sostenn u jipprova jbiddel il-Kap.  Politikament, f’dawn ix-xhur ħa esperjenza u tbaskat sew.  Mhux biss, imma rnexxilu jasal fejn ma konniex qegħdin naslu.  Għamel sforzi kbar u ma qatax qalbu.  Għamel ħiltu, u anzi għandi kuraġġ qawwi li jkompli jaħdem.  Mhux jingħata mertu minn min m’għandux grazzja miegħu, imma dan sar.  Jekk isir l-iżball strateġiku li jidħol ħaddieħor, ikun biss qiegħed jassigura ferm iktar telfa elettorali oħra, li tagħha dik il-persuna jiġi assoċjat fir-responsabbiltà futura.  Fir-rebħa hemm ħafna li jċapċpulek.  Fid-doloruż, l-abbandun u l-insolenzi.  Karrieri politiċi, ħajjiet ta’ bnedmin, fil-frattemp jinħarqu u jitwarrbu.

 

Nappella għas-sens komun

 

8.    Wasalna fejn wasalna.  Biss, xorta issa nappella sabiex nifhmu u nirrealizzaw li m’għandniex inkomplu nkissru dak li għandna fil-Partit Nazzjonalista.  Minn dan kollu, gwadann politiku ma ħadniex.  Nistgħu biss nippruvaw innaqqsu l-emorraġija li hemm, u flok nitilfu litri kbar, innaqqsuhom.  Kemm ilni nservi f’dan il-Partit, kien min kien il-Kap, fhimt u ġejt mgħallem li għandi nsostnih, anke fejn ma qbiltx miegħu.  Kien x’kien l-istaġun politiku tiegħu, fl-aqwa u fl-inqas, xorta l-lealtà hekk tagħti parir għaqli.  Kull mexxej tagħna għadda minn dan.  Fl-inċertezza li nħolqot irridu nagħmlu, però, l-isforz sabiex indaħħlu lura l-istabilità.  Nippruvaw nifhmu x’għandna, u fuq x’hiex nistgħu nibnu lura.  Nippruvaw innaqqsu mill-effetti negattivi ta’ dan kollu.  Nippruvaw ma nkomplux inżidu fil-gwadann politiku li, lil ħaddieħor, qegħdin nagħtuh.

 

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...