18.7.19

AMBAXXATA TA’ MALTA FL-EMIRATI GĦARAB MAGĦQUDA - ĦIDMA




10554. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Emirati Għarab Magħquda fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Emirati Għarab Magħquda fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena huwa:

Bilaterali
·               Matul l-erba’ xhur ta’ din is-sena, l-Ambaxxata kompliet issegwi l-proċess tan-negozjar dwar ftehimiet pendenti fosthom :

§              Memorandum ta’ Ftehim dwar ir-Rikonoxximent Mutwali dwar il-Liċenzji tas-Sewqan;
§              Memorandum ta’ Ftehim fl-Oqsma tal-Edukazzjoni Għolja u Riċerka Xjentifika;
§              Memorandum ta’ Ftehim fuq it-Twaqqif ta’ Kummisjoni Mħallta;

·               L-Ambaxxata assistiet fl-organizzazzjoni taż-żjara tal-Prim Ministru ta’ Malta, l-Onor. Dr Joseph Muscat, bejn l-14 u s-16 ta’ Marzu 2019.  L-Ambaxxata assistiet fl-organizzazzjoni ta’ din iż-żjara, u ħadmet sabiex isiru laqgħat bejn l-Onor. Prim Ministru u uffiċjali tal-Emirati Għarab Magħquda. Waqt din iż-żjara, l-Onor Prim Ministru kellu diversi laqgħat, fosthom mal-Crown Prince tal-Emirati Għarab Magħquda, Sheikh Mohammed bin Zayed Al Nahyan.

·               L-Ambaxxata kellha diversi laqgħat ma’ uffiċjali tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Emirati Għarab Magħquda bl-għan li jissaħħu ir-rabtiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi. Waqt dawn il-laqgħat ġew diskussi il-Memoranda ta’ Ftehim li qed jiġu negozjati bejn iż-żewġ pajjiżi, kif ukoll il-possibilità ta’ Memoranda oħra li jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet bilaterali. Il-Memorandum dwar il-Rikinoxximent Mutwali dwar il-Liċenzji tas-Sewqan u il-Memorandum fl-Oqsma tal-Edukazzjoni Għolja u Riċerka Xjentifika jinsabu fi stadju avvanzat u viċin li jiġu iffirmati.

·               L-Ambaxxata għenet fl-organizzazzjoni ta¿-¿jara f’Jannar f’Abu Dhabi tal-Onor. Joe Mizzi, Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, biex jattendi il-Konferenza annwali tal-IRENA (International Renewable Energy Agency).

·               L-Ambaxxata ikkomunikat mal-aġenziji tal-Pulizija taż-żewġ pajjiżi dwar kompetizzjoni bejn id-dipartimenti SWAT tal-pulizija ta’ diversi pajjiżi li ser issir f’Abu Dhabi f’Awwissu 2019. Il-Pulizija ta’ Malta eventwalment iddeċidiet li ma tipparteċipax f’din il-kompetizzjoni.

·               L-Ambaxxata ipparteċipat f’laqgħat ta’ kull xhar, bejn id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-Ambaxxati tal-Pajjiżi Membri tal-Unjoni Ewropea, fejn ġew diskussi avvenimenti relevanti interni u fir-reġjun tal-Golf.

Kummerċjali

·               L-Ambaxxata ħadmet sabiex tiġi organizzata ¿jara lejn Malta minn uffiċjali għolja tal-Abu Dhabi Fund for Development. Dan sar wara laqgħa fl-Ambaxxata mad-Direttur Ġenerali tal-Abu Dhabi Fund for Development, fejn ġie diskuss l-interess f’investiment sostanzjali f’Malta mill-Abu Dhabi Fund for Development.

·               L-Ambaxxata għenet persuni u entitajiet lokali li wrew interess li jinvestu f’Malta, billi tindikalhom l-awtoritajiet pertinenti Maltin li jistgħu jgħinuhom biex jinfetħu kumpaniji f’Malta.

Kulturali

·               L-Ambaxxata ħadet sehem fl-Esebizzjoni “Sheikh Zayed and the Europeans” li ġiet organizzata bejn id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea.  F’din l-Esebizzjoni, li  kkommemorat il-100 sena mit-twelid tal-Fundatur tal-Emirati Għarab Magħquda, Sheikh Zayed bin Nahyan, l-Ambaxxati tal-Pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea esebixxew oġġetti u ritratti li jfakkru ir-relazzjoni tagħhom mal-Emirati Għarab Magħquda.

Konsolari

·               L-Ambaxxata ipproċessat 515 il-applikazzjoni ta’ viża għal Malta u għat-territorju tax-Schengen.

·               L-Ambaxxata ipprovdiet servizzi konsolari relatati ma’ dokumentazzjoni:

§              legalizzazzjoni ta’ dokumenti: 67
§              ċertifikazzjoni ta’ kopji ta’ dokumenti: 17
§              xhieda ta’ firem: 43
§              applikazzjoni għal ċittadinanza: 2
§              reġistrazzjoni tat-twelid: 1

·               L-Ambaxxata għenet lil persuni Maltin li talbu l-għajnuna tagħha għal raġunijiet varji ta’ natura konsolari.

Promozzjoni ta’ Malta

·               L-Ambaxxata kellha laqgħat u offiet l-għajnuna tagħha lil istituzzjonijiet edukattivi Maltin li wrew interess li jinġiebu studenti bbażati fl-Emirati Għarab Magħquda biex jistudjaw f’Malta.

·               L-Ambaxxata ħadmet għall-promozzjoni ta’ kandidaturi Maltin għal Instituzzjonijiet Internazzjonali waqt laqgħat ufficjali u waqt avvenimenti soċjali.

Oħrajn

·               L-Ambaxxata offriet l-għajnuna tagħha lill-kontinġent Malti li pparteċipa fl-Olimpjadi Speċjali li saru f’Marzu f’Abu Dhabi. Id-delegazzjoni Maltija kienet immexxija mis-Sinjura Michelle Muscat, u kienet irrappreżentata minn 28 atleta. Il-parteċipazzjoni Maltija kienet success notevoli u id-delegazzjoni rebħet 40 midalja: 12 tad-deheb, 13 tal-fidda u 15 tal-bronż.

·               L-Ambaxxata irrappurtat lura lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ ta’ Malta fuq diversi avvenimenti ta’ interess għal Malta li seħħew fl-Emirati Għarab Magħquda u fir-reġjun tal-Golf u kif dawn jolqtu lil Malta.

§              Rapport dwar l-inklużjoni tal-Emirati Għarab Magħquda fil-lista tal-Ġurisdizzjonijiet Non-Kooperattivi fil-Qasam ta’ Tassazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Seduta  249
17/07/2019


AMBAXXATA TA’ MALTA FL-ARABJA SAWDIJA - ĦIDMA.




10553. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa  l-Arabja Sawdija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Arabja Sawdija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena huwa:
Bilaterali
·               Matul l-erba’ xhur ta’ din is-sena l-Ambaxxata kompliet issegwi l-proċess tan-negozjar dwar ftehimiet pendenti fosthom, abbozz ta’ ftehim dwar Ħelsien mill-b¿onn ta’ Viża fir-rigward ta’ Passaporti Diplomatiċi, u abbozz ta’ ftehim dwar Garanziji dwar Investiment. Saru wkoll kuntatti dwar id-dħul fis-seħħ ta’ MoU dwar Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Edukazzjoni Għolja u r-Riċerka Xjentifika li kien iffirmat bejn Malta u l-Arabja Sawdija fl-4 ta’ Mejju 2018.
·               L-Ambaxxata kienet ukoll impenjata f’ħidma sabiex jiltaqgħu l-Ministri għall-Affarijiet Barranin ta¿-¿ewġ pajji¿i. Il-laqgħa bejn il-Ministru Carmelo Abela u l-Ministru tal-Istat tal-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija, Adel Al Jubeir, saret f’Brussell fl-4 ta’ Frar 2019 fil-marġni tal-ħames laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea u tal-Lega Għarbija. Matul din il-laqgħa iż-żewġ naħat kellhom l-opportunità li jiddiskutu żviluppi reġjonali u bilaterali.
·               Fil-perjodu msemmi l-Ambaxxata ħarġet 32 Kommunikazzjonij Uffiċjali (NVs) lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija, u l-Ambaxxati tal-Baħrejn u Jemen f’Rijad  dwar diversi aspetti fosthom politiċi, ekonomiċi, konsulari u amministrattvi. Saru wkoll laqgħat u kuntatti ma’ uffiċjali fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
·               Qasam ieħor ta’ ħidma kien dak tal-kandidaturi fejn saru talbiet għal sostenn fir-rigward ta’ kandidaturi f’diversi organizzazzjonijiet internazzjonali.

Kummerċjali
·               L-Ambaxxata iżżomm kuntatt ma’ Trade Malta sabiex tassisti kumpaniji Maltin interessati fis-suq Sawdi. Dan is-suq qiegħed f’fażi interessanti hekk kif l-Arabja Sawdija tinsab fi proċess ta’ tranżizzjoni u ta’ riformi bil-għan li tattira kummerċ u investiment f’oqsma innovattivi bħal Intelliġenza Artifiċjali u Katina tal-Blokok  (blockchain), li jistgħu joffru opportunitajiet ta’ skambji u ta’ kollaborazzjoni bejn Malta u l-Arabja Sawdija.

Kulturali
·               Saru preparamenti għal parteċipazzjoni tal-Ambaxxata flimkien mal-Ambaxxati ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea f’Rijad, f’avveniment kollettiv fl-okkażjoni tal-Jum Nazzjonali tal-Unjoni. Għal dan l-avveniment kien ippjanat li jintwerew filmati qosra li jirrapreżentaw il-Membri tal-Unjoni fosthom Malta.

Konsulari
·               L-Ambaxxata impenjat ruħha biex toffri assistenza konsulari lill-Maltin rigward diversi talbiet għal passaporti, reġistrazzjoni ta’ twelid, u applikazzjonijiet għal ċittadinanza Maltija. L-Ambaxxata tipproċessa ukoll applikazzjonijiet għal viża, fejn inħarġu 156 viża matul dan il-perjodu. L-Ambaxxata ipproċessat ukoll applikazzjonijet għal permessi diplomatiċi fir-rigward ta’ titjiriet li jgħaddu minn Malta magħrufa bħala ‘overflights’. L-Ambaxxata illegalizzat 27 dokument għal użu f’Malta.  Informazzjoni dwar żviluppi interni u reġjonali tinġieb għall-attenzjoni tad-Direttorat Konsulari fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ biex isservi bħala gwida fir-rigward tal-kumpilazzjoni tal-lista ta’ Pariri għal Vjaġġar. L-informazzjoni f’din il-lista tgħin liċ-ċittadini Maltin ikunu jafu bis-sitwazzjoni tal-pajjiż li beħsiebhom iżuru.

Promozzjoni ta’ Malta
·               Fil-bidu tas-sena l-Ambaxxata kienet impenjata sabiex tippromwovi l-ħidma tal-uffiċċju f’Malta magħruf bħala ECLASLO u sabiex tisħaq dwar l-importanza ta’ dan l-uffiċċju, li għandu rwol importanti biex iqarreb l-Unjoni Ewropea u l-Lega Għarbija, u jżomm id-djalogu bejn iż-żewġ reġjuni ħaj u attiv.
·               Saret ħidma sabiex informazzjoni dwar ir-rwol tal-IMLI f’Malta, u partikularment dwar applikazzjonijet ghal-programmi f’livell ta’ Masters relatati mal-liġi marittima fi ħdan dan l-Istitut, titwassal lill-Awtoritajiet fl-Arabja Sawdija u fil-Baħrejn.
·               Il-promozzjoni ta’ Istituzzjonijiet Edukattivi f’Malta kienet ukoll fost il-ħidmiet tal-Ambaxxata, fejn ingħataw pariri u informazzjoni relatati mar-regolamenti u kundizzjonijiet fl-Arabja Sawdija f’dan il-qasam.

Oħrajn
·               L-Ambaxxata wasslet ukoll informazzjoni lill-Awtoritajiet kompetenti fl-Arabja Sawdija, l-Baħrejn u l-Jemen dwar laqgħat li jsiru f’Malta fosthom il-Laqgħa Għolja bejn l-Istati tal-UE u Għarab dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabiltà li saret f’Malta f’April 2019, fejn delegazzjoni mill-Arabja Sawdija ipparteċipat f’din il-laqgħa.

·               L-Ambaxxata tieħu sehem fil-laqgħat regolari ta’ kull xahar tal-Unjoni Ewropea fejn jiġu diskussi żviluppi domestiċi u reġjonali. F’dan il-kuntest l-Ambaxxata tirraporta lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ bl-andament ta’ dawn l-iżviluppi, kif ukoll iżżomm il-Ministeru aġġornat dwar żviluppi ta’ interess politiku, kummerċjali, u soċjali fl-Arabja Sawdija u fir-reġjun.

Seduta  249
17/07/2019


AMBAXXATA TA’ MALTA FIL-FEDERAZZJONI RUSSA - ĦIDMA.





10552. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Federazzjoni Russa fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Federazzjoni Russa fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena huwa:

Bilaterali:

·               Ittieħdu numru ta’ inizjattivi f’ dan il-qasam. Matul dan il-perjodu, bħal perjodi oħra, l-Ambaxxata kompliet taħdem sabiex ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Federazzjoni Russa jkomplu jissaħħu.

·               Kien hemm numru ta’ laqgħat bejn uffiċjali tal-Ambaxxata u uffiċjali tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Federazzjoni Russa, fejn iddiskutew għadd ta’ temi, fosthom inviti għal Uffiċjali Għolja, avvenimenti u possibiltajiet biex jiġu ffirmati xi ftehimiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi.

·               L-Ambaxxatur kellu wkoll serje ta’ laqgħat ma’ Diretturi ewlenin fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Russu fejn tkellmu fuq temi kif ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi jkomplu jimxu ‘l quddiem.

Kummerċjali:

·               Matul dan il-perjodu, l-Ambaxxata kompliet bil-ħidma tagħha biex tattira investituri Russi sabiex jinvestu f’Malta. L-Ambaxxata attendiet diversi fieri b’temi varji, fosthom it-turiżmu, it-teknoloġija u l-informatika.

·               F’Marzu l-Awtorità tat-Turiżmu ipparteċipat  f’fiera rinomata f’Moska, fejn l-Ambaxxata għenet kif setgħet. L-Ambaxxatur indirizza wkoll sensiela ta’ laqgħat ma’ agenti ta’ l-ivvjaġġar.

Kulturali:

·               F’Jannar l-Ambaxxatur Agius iltaqa’ mal-Metropolitan Hilarion ta’ Volokolamsk. Il-Metropolitan huwa wkoll il-President tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Esterni tal-Knisja Ortodossa tal-Patrijarkat ta’ Moska.

·               Ftit tax-xhur ilu l-Ambaxxata bbenifikat ukoll mill-Fond għad-Diplomazija Kulturali fejn Mużiċist Malti ta prestazzjoni quddiem udjenza Russa f’wieħed mill-aktar postijiet kulturali rinomati f’Moska. Mhux hekk biss, imma l-Ambaxxata bdiet b’ ħidma wiesgħa biex tippromwovi l-lingwa u l-letteratura Maltija f’diversi oqsma tas-soċjetà Russa, fosthom fil-libreriji u organizzazzjonijiet. L-Ambaxxata wittiet it-triq biex fix-xhur li  ġejjin ikunu jistgħu jittellgħu diversi attivitajiet relatati mal-letteratura Maltija.

·               L-Ambaxxata tinforma wkoll li t-tħejjijiet biex pittura ta’ Katrina l-Kbira tkun eżebita f’Moska waslu fi stat avvanzat u l-wirja se tinfetaħ dan is-sajf stess.

Konsolari:

·               L-Ambaxxata u l-Konsolat tagħha dejjem wettqu ħidma kontinwa biex jiġu moqdija d-dmirijiet konsolari li jinkludu verifikazzjoni u approvazzjoni ta’ viżas, ċittadinanzi u kwistjonijiet oħra relatati maċ-ċittadini Maltin fir-Russja.

·               L-Ambaxxata u l-Konsolat jassiguraw li dejjem kienu ta’ għajnuna bl-iktar mod professjonali f’każ ta’ emerġenzi u talbiet oħra għal assistenza.  Sal-aħħar ta’ April 2019, il-perjodu li fuqu qiegħed jiġi rraportat inħarġu kwazi 3000 visa. 

·               L-Ambaxxata kellha wkoll ka¿ijiet partikulari fejn estendiet għajnuna lil ċittadini Maltin li tilfu t-titjira ta’ ritorn tagħhom, baqgħu fit-territorju Russu wara li skaditilhon il-viża u li ġew misruqa.

Promozzjoni ta’ Malta:

·               Malta ssemmiet diversi drabi fil-Medja Russa bħala destinazzjoni turistika, kif ukoll bħala pajjiż għani fl-iżvilupp storiku tiegħu. L-Ambaxxatur Malti f’Moska kien ukoll ta xi intervisti lil medja lokali dwar Malta inkluż fuq ir-rivista inflight tal-linja tal-arju nazzjonli l-Aeroflot li għandha ċirkolazzjoni ta’ aktar minn nofs miljun kopja.

·               L-Ambaxxatur ta wkoll diversi lectures f’universitajiet Russi inklu¿ fost l-oħrajn fl-Iskola tal-Ekonomija ta’ Moska,  u fil-Fakultà tal-Ġurnali¿mu fl-Università Statali ta’ Nizhny Novogorod.  L-Ambaxxatur żar ukoll diversi skejjel fejn ippromwova lil Malta bħala destinazzjoni għat-tagħlim tal-Ingliż.

·               L-Ambaxxata Maltija f’Moska kienet ukoll ferm attiva tippromwovi l-kultura Maltija u ġabet f’Moska artisti Maltin li tellgħu produzzjonijiet f’postijiet pretiġjużi kif ukoll fi skejjel pubbliċi.

Oħrajn:

·               L-Ambaxxata qed tagħmel l-almu tagħha biex tiddeversifika r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Bħalma wieħed jista’ jara, qed isir ħafna xogħol fl-isferi kollha u huwa mistenni li l-attivitajiet tal-Ambaxxata jkomplu jiżdiedu biex nassiguraw l-aħjar bejn Malta u l-Federazzjoni Russa.  Għaddejjin preparamenti għal proġetti interessanti li ser jiġu rrealizzati aktar tard din is-sena.  Fost dawn hemm wirjiet ta’ livell internazzjonali, kunċerti, u sensiela ta’ lectures fuq il-lingwa Maltija u kittieba Maltin.

·               L-Ambaxxata ta’ Malta tipparteċipa wkoll f’diversi laqgħat ta’ kull ġimgħa f’koordinazzjoni mal-pajjiżi l-oħra Ewropej u tibgħat rapporti regolari fuq l-iżvilupp u l-avvenimenti ġewwa l-Federazzjoni Russa.

Seduta  249
17/07/2019

AMBAXXATA TA’ MALTA FIL-POLONJA - ĦIDMA.




10551. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI st.aqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Polonja fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan huwa l-elenku tal-attivitajiet tal-Ambaxxata ta’ Malta fil-Polonja bejn Jannar u April 2019:

Bilaterali
·               L-Ambaxxata kompliet bl-isforzi tagħha sabiex tikkonvinċi lill-Awtoritajiet Pollakki sabiex jiftħu Ambaxxata f’Malta.  Fi Frar 2019, l-Ambaxxatur Malti John Paul Grech,  kellu diskussjoni għal dan il-għan mal-President Pollakk, Andrzej Duda, mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Czaputowicz u ma’ Uffiċjali Għolja fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Pollakk, li matulha informa lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ ta’ Malta illi l-Awtoritajiet Pollakki waslu għad-deċiżjoni li jiftħu Ambaxxata f’Malta.  Ix-xogħol ta’ tħejjija  mal-Awtoritajiet Maltin  diġà beda biex jiġu ffinalizzati l-formalitajiet kemm f’Varsavja kif ukoll f’Malta.  Dan sabiex tiġi identifikata proprjetà f’Malta sabiex isservi bħala Ambaxxata u jitħaffef il-proċess sabiex tinfetaħ.
·               L-Ambaxxata organizzat iż-żjara tal-Ambaxxatur Chris Grima – Koordinatur tat-Talba ta’ Malta sabiex isservi bħala Membru mhux Permanenti fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda bejn l-2023-2024 – f’Varsavja, sabiex jipparteċipa f’serje ta’ konsultazzjonijiet politiċi mal-Awtoritajiet Pollakki fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Pollakk.  Il-Polonja bħalissa tinsab isservi f’dan ir-rwol u għalhekk l-esperjenza miksuba għandha sservi ta’ għajnuna kbira għal Malta tul il-preparamenti tagħha għal din il-kampanja.
·               L-Ambaxxata kkoordinat it-twaqqif tal-Grupp Parlamentari Pollakk-Malti.  L-Ambaxxatur Malti  kellu laqgħa mal-Vici-Speaker tal-Kamra tad-Deputati tal-Polonja (Sejm), Ms. Mazurek, bl-iskop illi tiġi deċiża l-ewwel laqgħa bejn ir-Rappre¿entanti tal-Grupp Parlamentari Pollakk-Malti.
·               L-Ambaxxata kompliet bil-konsultazzjonijiet mal-Awtoritajiet Pollakki fir-rigward tal-invit pendenti tal-Gvern Malti, għaż-Żjara Statali tal-President Pollakk, Andrzej Duda f’Malta.  Ġew skambjati sensiela ta’ dati bejn iż-żewġ pajjiżi li, minħabba l-bidla tal-Kap tal-Istat f’Malta f’April li għadda, id-diskussjoni dwarhom għadha għaddejja.
·               L-Ambaxxata kkoordinat iż-żjara tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Onor. Carmelo Abela u d-Delegazzjoni tiegħu li inkludiet is-Segretarju Permanenti kif ukoll c-Chief of Staff, għal-Laqgħa Ministerjali dwar il-Promozzjoni ta’ Futur ta’ Paċi u Sigurtà fil-Lvant Nofsani, li ttellgħet f’Varsavja bejn it-13 u l-14 ta’ Frar, 2019.
·               L-Ambaxxata assistiet l-Aġenzija tal-Adozzjoni, APPOĠĠ, sabiex jiġu identifikati numru ta’ individwi professjonali eliġibbli għall-po¿izzjoni ta’ Rappreżentant tal-APPOĠĠ dwar l-Adozzjoni ġewwa l-Polonja.  Il-proċess tal-għażla ġie mmexxi minn Delegazzjoni mibgħuta apposta mill-Agenzija APPOĠĠ ġewwa l-Polonja fejn saru l-intervisti meħtieġa ġewwa l-Ambaxxata ta’ Malta.  Il-proċess tal-għażla ġie ffinalizzat u dan għandu jwitti t-triq sabiex jibda l-proċess tal-adozzjoni mill-Polonja.
·               L-Ambaxxata ffaċilitat il-korrispondenza uffiċjali li tikkonċerna r-reviżjoni tal-Ftehim Dwar Taxxa Doppja bejn il-Polonja u Malta. L-abbozz tar-reviżjoni ta’ dan il-Ftehim jinsab bħalissa għall-attenzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi Pollakk.
·               Tul April, flimkien mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja, il-Kanċellerija tal-Prim Ministru Pollakk u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Pollakk, l-Ambaxxata kkoordinat iż-żjara tal-Prim Ministru Malti, l-Onor. Joseph Muscat kif ukoll il-Ministru Għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza, l-Onor. Helena Dalli u d-Delegazzjonijiet rispettivi f’Varsavja għal-Laqgħa Għolja  ‘Together for Europe – High Level Summit’ sabiex jiġi ċċelebrat il-15-il Anniversarju mis-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, li seħħ nhar l-1 ta’ Mejju 2004.
·               L-Ambaxxata assigurat il-parteċipazzjoni tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Onor. Carmelo Abela għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Forum tas-Sigurtà ta’ Varsavja (WSF) li ser jinżamm f’Varsavja, nhar it-2 u t-3 ta’ Ottubru 2019, u diġà bdiet bil-preparamenti tagħha għal dan il-għan.

       Kulturali
·               L-Ambaxxatur Malti, John Paul Grech, beda kuntatti bejn il-Kunsill tal-Arti f’Malta u l-Istitut Grotowski, fi Wroclaw, bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim sabiex jiġi pprovdut taħriġ professjonali għal atturi Maltin kif ukoll għal artisti-residenti f’dan l-Istitut tat-Teatru ta’ fama dinjija.
·               L-Ambaxxatur Malti beda kuntatti – bl-għajnuna tal-Konslu Onorarju ta’ Malta fi Krakovja – mal-Akkademja tal-Arti, Jan Matejko, fi Krakovja.  Waqt iż-żjara tiegħu fi Krakovja, l-Ambaxxatur iltaqa’ mar-Rettur u l-Viċi-Rettur tal-Akkademja tal-Arti Jan Matejko, bil-ħsieb li jiġi ffirmat proġett Erasmus bejn l-Akkademja u l-Università ta’ Malta dwar skambju ta’ studenti u akkademiċi, kif ukoll kollaborazzjoni f’wirjiet tal-arti kemm bejn l-istudenti, kif ukoll bejn l-akkademiċi.
·               L-Ambaxxatur Malti beda kuntatti mal-Akkademja tal-Arti ta’ Varsavja bil-ħsieb li titkattar kollaborazzjoni bejn l-Akkademja u l-Università ta’ Malta.  Huwa kellu laqgħa mal-Professur Pawel Nowak, Direttur responsabbli mill-Gallerija tal-Akkademja, bil-ħsieb li jiġu organizzati wirjiet ta’ artisti Maltin f’Varsavja.
·               L-Ambaxxatur beda wkoll kuntatti mal-Akkademja tal-Arti fi Gdansk.  Huwa ¿ar Gdansk bejn id-9 u l-10 ta’ April, fejn iltaqa’ mar-Rettur u l-Viċi-Rettur tal-Akkademja tal-Arti fi Gdansk.  Intlaħaq ftehim sabiex tinbena kollaborazzjoni bejn l-Akkademja u l-Università ta’ Malta fuq diversi livelli.  Bħala bidu, beda x-xogħol sabiex tittella’ Wirja tal-Arti tal-artist promettenti Malti, Garbiel Buttiġieġ, bejn l-10 u s-26 ta’ Ottubru 2019. 
·               L-Ambaxxatur ġie mistieden ukoll fl-Iskola Sekondarja Għolja ‘Lajos Kossuth’ f’Varsavja, sabiex jassisti għal pre¿entazzjonijiet dwar il-gżejjer Maltin.  L-attività involviet riċerka kif ukoll sensiela ta’ esibiti minn numru sabiħ ta’ studenti li qed jistudjaw l-Ingli¿ bħala parti mill-istudji tagħhom qabel ma żaru l-gżejjer Maltin fuq btala mal-iskola tagħhom, f’Marzu li għadda.  L-Ambaxxatur tkellem dwar ir-rikkezzi kulturali Maltin kif ukoll l-attrazzjonijiet li qegħdin jistennew lil dawk il-familji u żgħażagħ Pollakki li beħsiebhom jżuru Malta u Għawdex.
·               L-Ambaxxata pparteċipat fi proġett tal-EUNIC li ttratta ‘Poems in the City’ 2019. Il-pajjiżi parteċipanti ġew mitluba sabiex jagħżlu poeta kif ukoll poe¿ija qasira tal-istess poeta dwar it-tema tal-imħabba.  Barra li ġie organizzat avveniment fejn inqraw il-poeżiji magħżula, kemm bl-ilsien oriġinali kif ukoll bil-Pollakk, akkumpanjati minn atturi Pollakki, il-poeżiji magħżula ġew ippreżentati tul il-belt ta’ Varsavja, fuq waqfiet tal-karozzi tal-linja, fuq billboards u f’postijiet pubbliċi, għal ġimagħtejn sħaħ, bil-ħsieb li l-poe¿ija tal-Membri tal-Unjoni Ewropea titwassal qalb il-poplu Pollakk. Malta kienet irrappreżentata mill-poeta Glenn Calleja bil-poeżija ‘Totalità’.
·               L-Ambaxxata għamlet kuntatt u ltaqgħet mad-Direttur u t-Tmexxija tal-Mu¿ew u l-Ġnien Lazienki – sabiex tiġi esplorata l-possibiltà li tiġi esebita għal perjodu ta’ żmien, l-iskultura tal-artist Malti – Austin Camilleri – ZIEME, f’dan il-ġnien meraviljuż.  Il-proġett jinsab f’fażi avvanzata u wieħed jittama li dan iseħħ fix-xhur li ġejjin.
·               L-Ambaxxata, f’kollaborazzjoni mal-Maestro Mark Agius – kompożitur Malti tal-mużika klassika – beda t-tħejjijiet sabiex jorganizza ‘Quddiesa għall-Paċi’ fl-Arċi-Katidral ta’ San Ġwann fil-belt l-antika ta’ Varsavja, f’Novembru li ġej.  Ix-xogħol huwa wieħed oriġinali li ser jagħmel il-‘premier’ dinji tiegħu proprju f’Varsavja, bit-tieni kunċert jittella’ fi Krakovja, b’kollaborazzjoni mal-Kor Rotondo, minn Poznan, il-Polonja.  Il-Kardinal ta’ Varsavja, u l-uffiċċju tiegħu, se jikkollaboraw mal-Ambaxxata.
Konsolari
L-Ambaxxata ta’ Malta f’Varsavja:
·               Ġiet mitluba sabiex tagħmel kontro-firma fuq dokument ta’ non-impediment, iffirmat mill-Ambaxxata Amerikana, għal koppja li mhix ta’ nazzjonalità Maltija, li beħsiebha tiżżewweġ Malta.
·               Assistiet koppja mhux ta’ nazzjonalità Maltija dwar il-proċedura meħtieġa sabiex jiżżewġu Malta.
·               Assistiet l-Uffiċċju tar-Reġistru Pollakk sabiex jiġi miksub ċertifikat tal-mewt għal ċittadin Pollakk li ħalla ħajtu Malta.
·               Assistiet l-Uffiċċju Konsolari fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ f’Malta sabiex jiġu identifikati l-ispejjeż sabiex jinħarġu ċertifikati Pollakki mir-Reġistru Pubbliku.
·               Assistiet ċittadin Malti – li jgħix il-Polonja – sabiex jibda l-proċess u l-kuntatti mal-Awtoritajiet Maltin sabiex jibda jirċievi l-pensjoni minn Malta.
·               Assistiet ċittadin ta’ nazzjonalità Maltija li nsterqulu d-dokumenti ġewwa Krakovja.  Ma ġiex maħruġ ETD għaliex il-pulizija fi Krakovja sabu d-dokumenti misruqa u ġew irritornati.
·               Assistiet żewġ ċittadini Pollakki li ntilfulhom id-dokumenti waqt li kienu għal btala f’Malta bil-proċedura meħtieġa sabiex jinħarġilhom ETD.
·               L-Ambaxxatur żar diversi drabi lil ċittadin Malti li bħalissa jinsab miżmum f’Ċentru ta’ Detenzjoni fi Grojec, il-Polonja.  Sadanittant, l-Ambaxxata intervjeniet mal-Uffiċċju tal-Gwardjan taċ-Ċentru ta’ Detenzjoni sabiex jiġi trasferit f’Ċentru ta’ Detenzjoni aktar addattat għall-età tiegħu kif ukoll aktar qrib ir-residenza tal-ġenituri tiegħu.  It-talba ġiet milqugħa.
·               Assistiet 30 ċittadin Pollakk li xtaqu informazzjoni sabiex jivvjaġġaw lejn il-gżejjer Maltin.
·               Assistiet 10 ċittadini Pollakki b’informazzjoni rigward validità tal-passaporti jew karta ta’ identifikazzjoni sabiex dawn ikunu jistgħu jivvjaġġaw lejn Malta.
·               Assitiet 9 ċittadini Ukreni b’informazzjoni dwar il-possibiltà ta’ vjaġġar mingħajr Visa lejn Malta permezz tal-passaport biometriku. 
·               Assistiet grupp ta’ 15-il ċittadin Pollakk b’informazzjoni dwar ivvjaġġar lejn Malta bit-tfal zgħar.
·               Assistiet ċittadin Malti li jgħix Katowice li ltaqa’ ma’ problemi mas-sidien tal-post fejn kien alloġġjat waqt li kien fuq perjodu ta’ studju fil-Polonja.

Promozzjoni tal-Kummerċ
·               L-Ambaxxatur Malti, John Paul Grech, beda kuntatti mal-Ministeri u l-awtoritajiet Maltin bi preparazzjoni sabiex jiġi organizzat avveniment fil-Borża ta’ Varsavja sabiex jiġu promossi l-gżejjer Maltin fl-oqsma tas-Servizzi Finanzjarji kif ukoll tal-Katina tal-Blokok.  Dawn il-kuntatti u preparamenti jinsabu għaddejjin sabiex tiġi assigurata parteċipazzjoni ta’ livell għoli, kemm fuq livell Ministerjali kif ukoll mill-entitajiet, flimkien ma’ partijiet interessati Pollakki fl-oqsma bankarji, legali u fil-kummerċ.  Huwa maħsub li dan l-avveniment jittella’ s-sena d-dieħla.
·               Bejn id-9 u l-10 ta’ April, l-Ambaxxatur żar ir-reġjun ta’ Gdynia-Sopot-Gdansk sabiex jesplora possibiltajiet ta’ kooperazzjoni kummerċjali f’dan ir-reġjun marittimu.  Huwa ltaqa’ mas-Sindku u mal-Voivod ta’ Gdynia u miegħu ddiskuta possibiltajiet f’dan il-qasam.  Il-kuntatti – flimkien mal-parteċipazzjoni tal-Konslu Onorarju – għadhom għaddejjin.
Kummerċjali
·               l-Ambaxxatur Malti, John Paul Grech, iltaqa’ mas-Sur Dariusz Zajakala, Direttur tal-kumpanija Ispot Malta – kumpanija b’ishma Maltin li topera fil-Polonja, fejn ġiet diskussa l-possibiltà ta’ kooperazzjoni ekonomika u promozzjoni tal-kummerċ fil-Polonja.
·               l-Ambaxxatur Malti ltaqa’ mas-Sinjura Beata Sokolowska-Weglarz, Direttur Maniġerjali, ALLCOM – kumpanija b’ishma Maltin li topera fi Gdynia – fejn ġew diskussi kooperazzjoni ta’ natura ekonomika kif ukoll possibiltajiet ta’ promozzjoni tal-kummerċ.

Oħrajn
·               L-Ambaxxata bdiet il-proċess sabiex jinstab bini ġdid għall-Ambaxxata.  L-Ambaxxatur żar diversi postijiet u ppropona suġġerimenti lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ sabiex jiġu kkunsidrati. 
·               L-Ambaxxata żammet kuntatt mal-komunità Maltija fil-Polonja dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li kienu ser isiru f’Mejju 2019 u nfurmatha dwar il-possibilità li kienet qiegħda tiġi offruta sabiex ċittadini Maltin setgħu jivvjaġġaw lejn Malta bi prezzijiet speċjali kif ukoll dwar il-possibiltà li ċittadini Maltin setgħu jivvjaġġaw sabiex jivvutaw ġimgħa qabel.
·               L-Ambaxxata għadha kif fetħet  kont ta’ Twitter  flimkien ma’ kont ta’ Face Book li ilha topera għal dawn l-aħħar sentejn.



·               L-Ambaxxata bdiet it-tħejjijiet sabiex jittella’ r-riċeviment nazzjonali fil-Jum Nazzjonali.  Din is-sena, dan ir-riċeviment ser isir nhar l-20 ta’ Settembru.

Seduta  249
17/07/2019


AMBAXXATA TA’ MALTA FIL-KUWAJT - ĦIDMA.




10550. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Kuwait fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Kuwait fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena huwa:

Xogħol Bilaterali

·               L-Ambaxxata organizzat u ħadet ħsieb mawra ta’ Uffiċjali Għolja mill-Università ta’ Malta li saret fil-Kuwajt. L-għan ewlieni tal-mawra kien biex tippromwovi l-Univeristà ta’ Malta fil-Kuwajt. Dan billi tagħti tagħrif lill-uffiċjali tal-Kuwajt dwar il-progress tal-istudenti tal-Kuwajt li qed jistudjaw f’Malta bħalissa u toffri aktar postijiet lil studenti oħra mill-istess pajjiż f’diversi oqsma fosthom il-qasam mediku, dentistrija u inġinerija. Id-delegazzjoni Maltija żaret skejjel privati minn fejn hemm il-possibilità li jintbagħtu studenti Malta. Ix-xogħol fuq dan il-proġett għadu għaddej.
·               Hemm taħdidiet għaddejjin biex jigi ffirmat MoU bejn l-Awtorità tal-Investiment Dirett tal-Kuwajt u l-Malta Enterprise.
·               Ġie mwaqqaf il-Grupp Parlamentari Malta-Kuwajt. L-Ispeaker tal-Assemblea tal-Kuwajt ħareġ stedina lill-Onorevoli Dott Anġlu Farrugia biex iżur il-Kuwajt f’data u ħin tajjeb għaż-żewġ naħat.
·               Għaddejjin taħdidiet biex jiġi ffirmat MoU bejn il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ta’ Malta u l-Ministeru tal-Kooperazzjoni, Protezzjoni  u Difiża Ċivili tal-Kuwajt.
·               Saru taħdidiet mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Kuwajt bil-għan li tintwera l-importanza lill-Kummissjoni Ewropea tal-uffiċċju tal-Lega Għarbija (ECLASLO) f‘Malta. Intalab ukoll appoġġ wiesa’ mingħand il-Gvern tal-Kuwajt għal dan l-uffiċċju bħalissa u fil-futur.
·               L-Ambaxxatur kien mistieden minn waħda mill-gazzetti ewlenin tal-Kuwajt fejn fl-okkażjoni tal-Jum Nazzjonali u tal-Libertà tal-Kuwajt ta l-awgurju tiegħu lill-Eċċellenza Tiegħu l-Emir tal-Kuwajt u tenna l-impenn tiegħu biex ikompli jsaħħaħ il-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi.
·               L-Ambaxxata ħarġet stedina lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Kuwajt biex jibgħat rappre¿entanti għal-Laqgħa Għolja bejn l-UE u l-Istati Għarab dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità li saret f’Malta bejn l-24 u l-25 t’April 2019. Il-Kuwajt aċċetta din l-istedina u ħa sehem f’din il-Laqgħa Għolja permezz ta’ delegazzjoni ta’ tliet Uffiċjali.
·               Saret ħidma biex Malta u l-Kuwajt jilħqu ftehim reċiproku bejn il-kandidatura ta’ Malta għall-Kunsill tal-IMO f’kategorija “C” u l-kandidatura tal-Kuwajt fl-istess Kunsill, liema elezzjoni ser issir f’Novembru 2019.
·               Il-Kuwajt talab l-apoġġ ta’ Malta għall-kandidatura tiegħu fuq il-Kummissjoni tal-Istatistika, il-Kunsill dwar l-Iżvilupp tal-Ġnus Magħquda u l-Uffiċċju għall-Proġetti tas-Servizzi tal-Ġnus Maqgħuda.
·               L-Ambaxxatur ħa ħsieb Delegazzjoni mill-Università Amerikana f’Malta magħmula min Dott Lewis Walker, President, u Dott Thomas Lechner, Direttur. L-għan taż-żjara kien biex iħeġġu studenti mill-Kuwajt isegwu l-istudji tagħhom f’din l-Università.
Ħidma Kummerċjali

·               L-Ambaxxata tat l-għajnuna tagħha biex kumpanija kbira tal-ikel minn Malta tordna u tesporta ikel magħmul Malta. L-ewwel kunsinja tal-ikel dalwaqt tasal il-Kuwajt.
·               L-Ambaxxata organizzat numru ta’ laqgħat għal delegazzjonijiet Maltin li marru l-Kuwajt biex jagħtu tagħrif dwar ir-residenza Maltija u l-Aġenzija tal-Viża kif ukoll dwar il-possibiltà li ’l quddiem ikun hemm fiera li tiffokka fuq l-investiment barrani u opportunitajiet oħra fir-reġjun.
·               L-Ambaxxatur attenda għall-Forum tal-Kummerċ (EU-GCC). Dan kien organizzat mid-Delegazzjoni tal-UE f’Rijad, il-Kamra tal-Kummerċ u Industrija tal-Kuwajt u l-Awtorità tal-Promozzjoni tal-Investiment Dirett tal-Kuwajt.

Il-Kultura u l-Promozzjoni ta’ Malta

·               Saru arranġamenti biex grupp ta’ ġurnalisti u tekniċi mill-Kuwajt iżuru Malta f’Settembru biex jagħmel filmat fuq kull qasam tal-kultura Maltija u l-industrija tat-turiżmu. Dan il-filmat ser isir flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
·               L-Ambaxxata ħadet sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet f’Jum l-Ewropa li kienu jinkludu kunċert mużikali u tqassim materjal li jippromwovu lil Malta.
·               Il-mara tal-Ambaxxatur ġiet maħtura Vici-President tal-Grupp Internazzjonali tan-Nisa. Dan il-Grupp jista’ jservi biex nippromwovu t-turiżmu lejn Malta kif ukoll l-istorja u l-kultura Maltija.

Il-Ħidma Konsolari

·               Minn Jannar sa April 2019, inħarġu total ta’ 74 viża.

Ħidma Oħra

·               L-Ambaxxatur kien membru fuq Grupp ta’ Ħidma tal-UE fuq id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kuwajt. Dan ir-rapport ingħata lill-EEAS f’Rijad biex jintbagħat Brussell.
·               L-Ambaxxatur kien mistieden mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u ċ-Ċentru Ban Ki Moon biex jattendi seminar dwar kif jista’ jingħata appoġġ fil-qasam tal-iżvilupp taż-żgħażagħ u n-nisa fil-Kuwajt; kif ukoll seminar ieħor dwar il-Governanza Tajba u Trasparenti organizzat mill-Fond Monetarju Internazzjonali, iċ-Ċentru tal-Ekonomija u Finanzi tal-Lvant Nofsani u l-Fond Ekonomiku u ¯vilupp Soċjali Għarbi.
·               L-Ambaxxatur ingħata tagħrif mingħand id-Direttur Ġenerali u d-Direttur  tal-UE dwar it-Terroriżmu.
·               L-Ambaxxata Amerikana stiednet lill-Ambaxxata Maltija biex tieħu sehem f’diskussjoni dwar il-prevenzjoni tal-frodi.
·               L-Ambaxxatur ħa sehem f’diversi ċerimonji u avvenimenti organizzati minn Ambaxxati oħra kif ukoll entitajiet tal-Kuwajt.

Seduta  249
17/07/2019

15.7.19

AMBAXXATA TA’ MALTA FL-ISTATI UNITI - ĦIDMA

 
10537. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10314 u jgħid x’ħidma diplomatika saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa New York tul din is-sena?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma tal-Ambaxxata tagħna fi New York, jew aħjar kif inhi msejjħa ir-Rapprezentanza Permanenti ta’ Malta, hi mifruxa fuq diversi oqsma u tikkonsissti  fuq varjeta ta’ azzjonijiet li jittieħdu matul il-perjodu indikat fil- mistoqsija.
L-ewwel ħaga ta’ min jingħad li Malta bħala membru tal-Unjoni Ewropea, taħdem f’dan il-qafas u bil-għan li jintlaħqu l-objettivi prinċipali tal-Unjoni Ewropeja fi ħdan in – Nazzjonijiet Uniti. Għaldaqstant Malta taħdem mas-sieħba l-oħra tal-Unjoni biex jissaħħaħ il-multilateralizmu u s-sistema mondjali bbazata fuq regoli predeterminati hekk msejjha ‘rules based system’. Fid-dawl ta’ x’qed jiħri fid-dinja, bħala pajjiz zgħir, Malta għandha kull interess li s-sistema ta’ ordni internazzjonali  tkun effettiva u id-djalogu multilaterali jissaħħaħ. Mhux dan biss imma, Malta permezz tar-Rapprezentanza Permanenti ġewwa New York   taħdem ma’ pajjizi oħra u mas-Segretarju Generali biex kemm jista’ jkun nkattru l-prevenzjoni ta’ konflitti, nistabbilixxu paci u sigurta, nippromovu d-drittijiet umani madwar id-dinja, nindirrizzaw l-isfidi tal kambjamenti fil-klima, il-migrazzjoni u l-estremizmu vjolenti u t-terrorizmu, nimplimentaw is-Sustainable Development Goals bil-għan li nilħqu l-miri tagħna tal-Agenda 2030, kif ukoll naħdmu biex iċ-ċirkostanzi jippermettu li nnaqqsu l-proliferazzjoni tal-armi nukleari u npoggu fuq bazi soda id-dizarm in ġenerali.
Ir-Rapprezentanzaa Permanenti ta’ Malta  tieħu ħsieb dawn id-dossiers b’ħidma differenti u tippromovi u tissalvagwarda l-interessi ta’ Malta f’oqsma oħra bħal dawk relatati mall-Law of the Sea, mar-Riforma fil-Kunsill tas-Sigurta, sanzjonijiet, mas-sitwazzjoni fil-Libja, is-sitwazzjoni fis-Sahel, il-process ta’ paci fil-Lvant Nofshani, ir-regjun tal-Balkani, u l-konflitti l-oħra kollha speċjalment dawk li huma fl-Ewropa jew vicin tagħha u dawk li jistgħu ikollhom effetti  fuqna.
Għaldaqstant ir-Rapprezentanza Permanenti ta’ Malta tieħu sehem b’mod regolari u kontinwu fid-diskussjonijiet li jsiru kemm ta’  ko-ordinament mal-grupp tal-Unjoni Ewropea u mal-grupp aktar wiesgħa tal-WEOG, imma wkoll fid-diskussjonijiet fin-Nazzjonijiet Uniti skont kif ikun il-kaz u l-bzonn.
Malta permezz tar-Rapprezentanza Permanenti  ġewwa New York, hi co-chair tal Group of Friends Children and Armed Conflict u tmexxi id-diskussjonijeit f’dan ir-rigward. Hija wkoll membru attiv  tal- Group of Friends on Oceans and Seas,  tal-Group of Friends for Climate and Security, tal-Group of Friends of the Mediterranean Diet, tal-Group of Friends for the Prevention of Drowning u tal-Group of Friends on Water. Malta hija wkoll membru attiv tal-Committee on the Inalienable Rights of the Palestinian People, tal- Forum of Small States u minn din is-sena membri tal- ECOSOC.
Matul din is-sena, ir-Rapprezentanza Permanenti ta’ Malta fi New York ħadet sehem fis-17 ir-rizoluzzjoni mgħoddija mill-Assemblea Generali li minnhom Malta iko-sponorizzat 5. Minn dawn is-17 ir-rizoluzzjoni, Malta astjeniet fuq waħda dwar Advisory Opinion of the ICJ on the legal consequences of the separation of Chagos Archipelago from Mauritius in 1965. Fuq il-bqija jigifieri, 16 ir-rizoluzzjoni kien hemm adozzjoni mingħajr vot, jigifieri kulħadd qabel.
Minkejja li m’aħniex membri tal-Kunsill tas-Sigurta, f’certi kazijiet hu permess li stati membri tan- Nazzjonijiet Uniti jissieħbu ma’ dawk membri tal-Kunsill tas-Sigurta biex jisponsorizzaw ċerti rezoluzzjonijiet. Il-Kunsill tas-Sigurta approva 22 rizoluzzjoni li minnhom Malta ħadet sehem fi tnejn bħalha co-sponsor, waħda fuq Silencing the guns in Africa u l-ohra Missing persons in conflicts.
Matul is-sena, ir-Rapprezentanza Maltija gewwa New York ikontribwixxiet għal bosta diskorsi magħmula f’isem l-Unjoni Ewropeja kif ukoll ħadet sehem b’interventi nazzjonali f ‘aktar minn 12 il-okkazjoni f’High Level Meetings organizzati mill-President tal-General Assembly u jew f’Open Debates tal-Kunsill tas-Sigurta.
Ir-Rapprezentanza Permanenti fi New York  tkopri hafna laqgħat bħala delegazzjoni ufficcjali ta’ Malta. Dawn jinkludu il Commission on Population and Development, il-Commission on the Status of Women, l-ECOSOC Youth Forum, il-Committee of Experts on International Tax Matters, High Level Meeting on Cyclone Idai, is-sezzjonijiet tan-negozjait fuq An international legally binding instrument under UNCLOS on the conservation and sustainable use of marine biological diversity of areas beyond national jurisdiction, tal-Commission on Social Development u taghti ghajnuna lill-delegazzjonijiet Maltin li jitilgħu għal konferenzi speċifiċi fi New York.
Ir-Rapprezentanza Permanenti fi New York tattendi b’mod regulari il-laqgħat tal-WEOG u tieħu ħsieb tikkordina il-kandidaturi li jitolbu appoġġ minn Malta. Ir-Rapprezentanza tattendi b’mod regulari ukoll id-diversi laqgħat ta’ koordinanment tal-Unjoni Ewropea li jinkludu il- HOMs, Deputies meetings, article 34 meetings, GA Committee Coordination meetings, resolutions facilitations meetings u ħafna oħrajn. Tattendi ukoll il-laqgħat ta- koordinament tal-Commonwealth u Francophonie.
Fil-qosor din hija ftit mill-ħidma tar-Rapprezentanza Permanenti ta’ Malta ġewwa New York.


Seduta  246
08/07/2019


KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...