16.5.19

Jingħad fil-verità



1.    Tul din il-ġimgħa ċċelebrajna Jum il-Ħaddiem.  Ma hemmx monopolju ta’ ebda partit.  Il-Partit fil-Gvern kien għamel żmien jipprova jibgħat il-messaġġ li huwa l-uniku difensur, huwa l-uniku sostenitur u huwa ffurmat biss mill-proletarjat.  Attentat li ma rnexxiex.  Il-Partit Nazzjonalista huwa ffurmat minn maġġoranza qawwija ta’ ħaddiema.  Hekk kien fil-passat, u hekk baqa’.  Jekk għadux il-mument, iż-żmien li fih wieħed jinżel fit-toroq b’dimostrazzjonijiet, b’meetings pubbliċi, huwa punt differenti.  Hekk għażel il-Partit Soċjalista Malti.  Jekk hekk huwiex il-metodu t-tajjeb biex wieħed jirrifletti aħjar fuq il-pożizzjoni tal-ħaddiem.  Fuq il-kwalità u l-valur li x-xogħol qiegħed jingħata f’din is-soċjetà tagħna.  Jekk id-dinjità tal-bniedem hix tiġi rispettata.  Dan, naħseb, li jkun iktar aħjar li għandna niddiskutu.



Rerum Novarum



2.    Tul din il-ġimgħa, fuq dan ma stajtx ma naħsibx li jekk kellu jitwieled u jinħatar mill-ġdid il-Papa Ljun XII, kien jerġa’ jikteb din l-enċiklika.  L-enċiklika Rerum Novarum, li dehret għall-ewwel darba fil-15 ta’ Mejju 1891, fetħet staġun ġdid.  Wieħed li fetaħ il-bibien sabiex id-dottrina soċjali tal-Knisja Kattolika tinbena.  Ngħid dan għax il-pożizzjoni tallum, li fiha ħafna elementi minn dak li kien hemm mija u tmienja u għoxrin sena ilu, reġgħet nibtet lura.  Qed ngħixu f’soċjetà fejn l-ekonomija hija dominanti.  Qed ngħixu f’xenarju Malti fejn il-bniedem huwa għas-servizz tal-ekonomija f’dimensjonijiet ferm u ferm kbar.  Id-dinjità tal-ħaddiem qegħda, pass wara pass, tintilef.  Min għandu l-kapital, min għandu s-saħħa fis-suq ekonomiku qiegħed jiddomina mill-ġdid.



Liberaliżmu, Soċjaliżmu



3.    Il-Partit fil-Gvern, illum, qiegħed f’pożizzjoni ferm iktar kumplikata milli kien.  Waħda li ma ġietx fuqu, imma waħda li ġieb fuqu nnifsu.  Ftit xhur ilu, niftakar, li fid-diskors tal-Budget, il-Ministru tal-Finanzi kien iddikjara, b’mod mill-iktar ċar, li l-liberaliżmu hija t-triq tagħhom.  Dak li nbeda fil-politika ta’ dan il-Gvern huwa mwieled minn ħsieb li fih, diversi kapitalisti, iħossuhom komdi żżejjed.  Meta l-Gvern kien qiegħed jiddikjara li huwa “pro-business” kien, fil-fatt, jissiġilla din id-deċiżjoni.  Ma kienx qiegħed jgħid li huwa favur assistenza lil min huwa fid-dinja ekonomika u huwa żgħir.  Id-dikjarazzjoni ma saritx favur dawk il-ħwienet jew kumpanniji mmexxija minn familji.  Saret favur min għandu ħafna u kapaċi, mhux bil-kompetizzjoni ġusta, imma bl-imbuttaturi politiċi, li jsir iktar sinjur.



Naqset il-ġustizzja soċjali



4.    F’ebda mument ma smajna li l-Gvern kien beda programm politiku soċjalista.  F’ebda mument ma kellna “road maps” politiċi sabiex min qiegħed isfel jitla’ iktar ‘il fuq.  Fil-fatt, kien biss il-Ħadd li għadda li l-Prim Ministru għamel dikjarazzjoni li, fir-realtà politika, m’għandhiex rabta mal-fatti li huwa xi forma ta’ soċjalista.  Dawk li qegħdin ‘l isfel u fin-nofs tas-soċjetà tagħna jafu biċ-ċar li ma kellniex liġijiet li tawhom għajnuna diretta fil-problemi li qed imissu.  Il-paga tal-ħaddiem ma ċċaqilqitx ‘il fuq.  Anki jekk kien hemm ħafna li tkellmu li taħt dan il-Gvern il-pagi kienu ser jiżdiedu u jsiru bħal tal-aqwa ħaddiema fl-Ewropa, dan baqa’ ma seħħx.  Minflok, il-ġustizzja soċjali ġiet abbandunata favur forom ġodda ta’ “skjavitù”.



Il-ħaddiem barrani



5.    Kienet, u għadha, l-istrateġija ta’ dan il-Gvern li jinġiebu f’pajjiżna diversi ħaddiema minn barra.  Dan mingħajr forma ta’ attenzjoni, ta’ preparazzjoni u direzzjoni.  Waqgħu kull forma ta’ passi ta’ razjonalizzazzjoni.  Il-vit infetaħ tant, li ma nafux l-ilma fejn qiegħed jaqa’.  F’pajjiżna, ir-realtà hija li ħadd ma jaf kemm hawn ħaddiema barranin.  Hawn dawk li huma regolati u protetti bil-liġijiet soċjali tagħna.  Imma hawn ferm aktar li mhumiex.  Hawn ħafna li jitħallsu b’rati baxxi, sfruttati mmens.  Hawn diversi abbandunati jgħixu f’kundizzjonijiet verament diżumani.  L-aħbarijiet, kif nafu, jsemmgħulna dan kontinwament.  Dan l-istat ta’ fatt qiegħed iwassal sabiex il-pagi għandhom il-ġustifikazzjoni ekonomika biex ma jiċċaqilqux.  Dan l-istat ta’ fatt qiegħed iwassal għal żidiet sproporzjonati fil-kirjiet li jrid iħallas, xahar wara xahar, il-ħaddiem.



Dinjità umana



6.    Waqt li ċċelebrajna l-ħmistax-il sena mid-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea, irridu niftakru li għamilna dan proprju sabiex ngħollu l-livell fl-għixien tal-klassi tal-ħaddiema.  Aħna, li ridna nsiru parti mill-Unjoni, nafu b’dan.  Napprezzawh ferm iktar minn min ma riedx, u qalbu għadha ma ġietx fejn għandha tkun.  Proprju għalhekk li rridu nħarsu ‘l quddiem.  Hemm bżonn programm li jbiddel din il-linja politika.  Hemm bżonn li naċċettaw mill-ġdid id-dottrina soċjali tal-Knisja, fonti ta’ għerf li għandna nagħrfu u nħaddnu mill-ġdid.  Nibnu fuq il-kunċett li għalina, kull persuna fis-soċjetà hija importanti.  Hadd ma huwa indispensabbli, kif ħadd mhu dispensabbli.  Dmirna huwa dak li naħdmu sabiex inbiddlu għall-aħjar, għal kulħadd.  Proprju għalhekk li nibqgħu ninsistu li naħdmu għal min huwa lura, għal min għandu bżonn.  Proprju għalhekk li wieħed irid jgħid il-verità, sabiex dak li nagħmlu, u dak li nibnu, jġib ‘il quddiem id-dinjità umana fil-ġustizzja soċjali.





  


29.4.19

Liberaliżmu jew triq oħra għall-Komuniżmu?




1.    Sejrin fi triqitna għal festa importanti fil-ħajja tagħna.  Il-maġġoranza assoluta tal-pajjiż jiddikjaraw ruħhom li huma Nsara.  Dik hija l-identità reliġjuża u kulturali tagħhom.  L-Għid il-Kbir niċċelebrawh bħala poplu u nazzjon, b’ħeġġa u passjoni.  Diversi fis-soċjetà tagħna jqattgħu, anzi ħafna, jqattgħu ħinhom fi preparamenti proprju għall-Ġimgħa Mqaddsa li deħlin fiha.  M’għandniex nitilfu dawn it-tradizzjonijiet, u fil-preżent, ma jidhirx li aħna qegħdin.

Is-sitwazzjoni ekonomika

2.    Biss, f’dan irridu naċċettaw li l-pożizzjoni ekonomika ta’ diversi mhix waħda tajba.  Il-ħaddiem qiegħed jgħaddi minn tbatija partikolari fid-diversi sigħat tax-xogħol li jrid jidħol għalihom sabiex ilaħħaq mal-ħajja.  Mhumiex ftit dawk li, barra l-impjieg prinċipali tagħhom, jidħlu għal impjieg ieħor part-time.  Mhumiex ftit dawk il-koppji li, sabiex iżommu lilhom infushom għaddejjin, jaħdmu t-tnejn li huma f’ħinijiet diffiċli u fit-tul.  Dan qiegħed jolqot direttament lis-soċjetà tagħna fil-pedament li żamm ruħu sod għal ħafna snin – il-familja.

Il-familja taħt attakk

3.    Fir-realtà, il-Gvern li għandna bena struttura ta’ soċjetà li hija bażata fuq l-aspett materjalista tal-bniedem.  F’dawn is-snin ma rajniex miżuri biex il-familji jkollhom iktar ulied, inqas li jgħinu direttament fil-bżonnijiet tagħhom.  Bnejna, minflok, inċentiv li jippremja lill-familja jekk il-mara toħroġ taħdem flok trabbi ‘l-ulied.  Ma nistgħux ngħidu li l-“in work benefit” kien pass f’direzzjoni li tħares il-valur tal-familja.  Proprju għalhekk ukoll li, meta nħarsu lejn il-bniedem f’dak li huwa biss bħala servizz lejn id-dinja ekonomika, inkunu qed inwettqu dak li seħħ fi Stati Komunisti.  Kien f’dak iż-żmien, fl-Istati Sovjetiċi, li l-bniedem kien tilef kull dinjità bħala parti mit-teħid tal-mezzi tal-produzzjoni.

Il-parteċipazzjoni reliġjuża

4.    Il-kultura, hekk żbaljatament imsejħa “sekulari”, qegħda tiġġustifika dan kollu bħala xi att nobbli ta’ separazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja.  Fir-realtà, hija pass f’direzzjoni żbaljata għall-bniedem f’dawn il-gżejjer.  Il-bniedem għandu l-bżonn fih li jikkultiva lilu nnifsu.  Il-bniedem għandu ċertament ruħ, u f’dawn il-gżejjer ma hemmx bżonn persważjoni sabiex dan jiġi rikonoxxut.  Il-fatt li tul is-sena hemm inqas attendenza għall-quddies mhix proprju marbuta mar-raġunijiet li ċerti persuni jressqu.  Il-verità hija li l-ħin għad-dispożizzjoni naqas.  Ħafna iktar qed jidħlu jaħdmu s-Sibt u l-Ħadd, li ma jippermettilhomx ħin ieħor.

Il-bniedem ħaqqu dinjità

5.    F’diversi Stati Komunisti, l-ateiżmu kien ifisser iċ-ċaħda tar-reliġjon Nisranija.  F’dawk iż-żminijiet ma kienx hemm Ħdud, imma jiem tax-xogħol.  Fejn iċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi ma kienux jiġu tollerati u l-Insara kienu persegwitati.  Dan wassal sabiex il-persuna umana tilfet mid-dinjità sħiħa tagħha għax il-bniedem għandu ferm iktar fih mill-aspett ekonomiku.  Illum għandna l-libertà reliġjuża, imma l-ħin biex nipprattikawha qed jonqos sew.  L-industrijalizzazzjoni mhijiex proprju l-għadu ta’ dan, imma l-mod ta’ kif qed isiru l-affarijiet, fejn il-paga tal-ħaddiem niżlet l-isfel u ma hemmx mod ta’ kif titla’ ‘l fuq, il-pożizzjoni marret iktar lura.

Il-valuri tagħna

6.    Il-verità hija li l-valuri ta’ dan il-poplu huma Nsara.  Hekk aħna magħġuna.  Nistgħu ma nwettqux dan f’ħajjitna, imma meta niġu biex niġġudikaw u ngħarblu, naraw fina li l-linja li nużaw hija marbuta ma’ dawk il-valuri.  Anki jekk hemm bumbardament il-kontra biex ngħidu li issa sirna liberali, u dak li nemmnu fih, speċjalment fil-valur tal-ħajja ma jgħoddx, il-poplu għadu jaħseb il-kontra.  Il-kwistjoni tal-abort, il-kwistjoni tat-tneħħija tal-Kurċifiss minn postijiet pubbliċi, jimmarkaw dan.  Anki fi żmien il-Komuniżmu, dan kien isir.  Kien mhux biss permess, imma parti mil-liġi.  Mal-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin, dak kollu li ġie mpost kontra r-rieda, kontra dak li huwa naturali fil-bniedem, tneħħa.

Il-Kurċifiss

7.    Ma tantx kien mument indikat, jew għażla tajba, li xi ħadd stranament iddeċieda li jneħħi l-kurċifissi.  Xi ħadd ħass li, billi kif qed jingħadilna issa sirna sekulari, liberali u kosmopolitani, allura l-poplu ma kien ser jgħid xejn.  Dan jitlob mument ta’ riflessjoni, mhux tant għar-reazzjoni, imma għall-impożizzjoni liberali-komunista li tneħħih mingħajr diskussjoni u approvazzjoni.  Il-pajjiż qam għal dan, u rreaġixxa kif wieħed kien jistenna.  Mhux biss minħabba l-aġir unilaterali u “dittatorjali”, imma l-iktar għax ma hemmx qbil.

Qed jixba

8.    Il-bnedmin ma tantx qed jogħġobhom dan kollu.  Qed jiddejqu li, bil-maġġoranza preżenti, hawn affarijiet li qed isiru li qed ineħħulna l-identità tagħna.  Dan huwa dak li seħħ fil-pajjiżi dominati mill-Komuniżmu Sovjetiku.  Kien hemm min impona kultura differenti, anti-Nisranija f’isem is-suppost “progress” materjalista li ma seħħx.  Il-passat jista’ jdejjaq lil xi wħud, imma jagħtina lezzjonijiet li m’għandniex ninsew.  Proprju għalhekk li nistaqsi: fejn qegħdin?  Fil-liberaliżmu, jew fi triq oħra sejrin lejn il-Komuniżmu?






Spiċċaw l-ispettri tal-Marxsiżmu?




1.    Diversi, fil-mewġa ta’ bidliet li rajna wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin, ipproklamaw li ladarba kien spiċċa l-Komuniżmu Sovjetiku, kien miegħu wkoll il-Marxsiżmu.  Kien hemm min wasal biex jiddikjara li l-istorja spiċċat, u issa d-dinja ser tkun immexxija mill-mudell ta’ kapitaliżmu liberali.  Min kellu, jew għandu raġun inkunu nafu iktar ‘il quddiem.  Imma ċertament, persuni fi ħdan il-Partit Laburista fil-Gvern ħadu dan bħala t-triq il-ġdida tagħhom.  Il-politika tallum hija fi ħdan abbandun ta’ dak li ħadem, jew dak li kienu.

Il-programm politiku?

2.    Wieħed jistaqsi: fil-konfużjoni interna tallum, x’linja politika għandu sewwasew il-partit li għandu fuqu r-responsabbiltà tal-poter?  Ma hemmx wisq li għadom jemmnu li l-partit baqa’ wieħed li jista’ jsejjaħ lilu nnifsu ‘soċjalista’.  Dan anke jekk, fuq livell Ewropew, huwa parti minn dik il-familja politika.  Il-linja hija waħda li abbandunat, kważi kompletament, il-ġustizzja soċjali.  Abbandunat is-sejħa tal-batut.  Abbandunat it-tkabbir intelliġenti u personalizzat tal-“welfare state”.

Mhux kulħadd jgħix f’dan

3.    Nifhmu li diversi ma jistgħux jgħixu ġewwa dan il-ġisem li ma jagħrfux.  Nifhmu li fl-elezzjoni lejn kap ġdid tal-partit, dan ser iqum mill-ġdid.  Però, iktar minn hekk, qed naraw kif persuni li kienu, u għadhom Marxsisti, forsi wkoll segwaċi ta’ Lenin, qed jitkellmu u jaġixxu.  Hemm affermazzjonijiet interni li mingħajr diffikultà jfakkruna f’dak li Jeremy Corbyn jirrappreżenta fir-Renju Unit.  Dikjarazzjonijiet li waqfu diversi li ma jistgħux jemmnu li hemm min irid idaħħalna f’xi forma ta’ ġlieda ta’ klassi, fejn il-proletarjat li m’għadux jirrappreżenta ser imexxihom f’xi ġlieda kontra l-borgeżija l-ġdida.

Mhux Mosè tkellem

4.    Le, ma kienx hemm rinkarnazzjoni tal-profeta bibliku Mosè.  L-għajn għal għajn u sinna għal sinna erġajna smajnihom f’kuntest li proprju ma jinftehimx.  M’aħniex fi żmien it-Testment l-Antik, għalkemm jista’ jkun hemm min jaħseb li hemm min għadu hemm.  Hemm bżonn spjegazzjoni.  Dan, jekk kemm-il darba wieħed jistaqsi, lejn min, u għal liema kuntest dan jista’ japplika?  L-ewwel: il-Partit Nazzjonalista ddikjara, mill-bidu tal-kampanja elettorali preżenti, li ma rridux diskors, aġir li b’xi mod jeħduna biex niżirgħu l-mibgħeda f’soċjetà mkissra fil-valuri.  It-tieni: mhux biss, imma x’għadu politiku aħna, jekk, kif qed jgħidu tal-istess partit, ser ikaxkru kollox?

Vuċijiet, spettri mill-passat?

5.    Kien hemm żmien meta, fi ħdan il-familja Soċjalista, kien hemm ideat ċari u iktar moderati.  Kien hemm punti li kien hemm konverġenza magħna, li konna u għadna Demokratiċi Nsara.  Biss, illum, dawk l-ideat ġew kompletament mitluqa u m’għadhomx jinstemgħu.  M’għadniex nisimgħu, kif kienu jgħidu: “the egalitarian distribution of income, increased work-place democracy, the end of economic exploitation and the eradication of class difference.”  M’għadniex nisimgħu b’politika li tħares li tipproteġi ‘l-bniedem u l-klassi tal-ħaddiem.

The time is out of joint

6.    Gvern jiġi, u kif rajna u nibqgħu naraw, imur.  Jista’ jittama li jdum ħafna.  Jista’ jimmaġina li huwa destinat jidħol fl-annali tal-eternità, imma hemm pendlu normali li jirbaħ.  L-amministrazzjoni preżenti telgħet bi programm li huwa bażat fuq kunċett liberalista u materjalista tal-Istat, mhux Marxsista.  Wieħed li qabad forom żbaljati ta’ konvenjenza, klijenteliżmu u, sfortunatament, korruzzjoni.  Dawn m’humiex pedamenti sodi għall-futur.  Huma djar li, ma’ l-ewwel maltemp, ser jaqgħu.

Korruzzjoni u ġustizzja soċjali

7.    Ġejna kritikati, u ser nibqgħu niġu, fuq kemm suppost aħna ħżiena u ma nafux x’aħna nagħmlu.  Kemm ma nafux niktbu bil-lingwa nazzjonali.  Imma hemm punti li dan il-Gvern anqas jazzarda jipprova jikkonvinċi l-kontra, għax jaf li ma jitwemminx.  L-ewwel: ħadd ma jista’ jemmen li l-partit għadu wieħed jemmen fis-Soċjaliżmu.  It-tieni: li qed jieħu l-miżuri t-tajba biex jgħin lil min huwa minn taħt, bħal min qed imiss mal-ħajja togħla, min qed isib li ma jistax ilaħħaq mal-kirjiet li splodew, min m’għandux pensjoni adegwata, min qiegħed ikollu jixtri l-mediċina għax dik tal-Gvern hija rħisa u qed tagħmel il-ħsara.  It-tielet: li ma hawnx korruzzjoni qawwija f’kollox.  Jista’ xi ħadd imeri dan?  Ċertament li le.





Nibqgħu Nsara.




1.  Tul il-ġimgħa, ma stajniex ma nħarsux b’dieqa.  Il-Katidral ta’ Notre Dame (iddedikat lil Sidtna Marija) f’Pariġi, żammna naraw dak li qatt ma xtaqna.  Wieħed mill-effetti tal-mezzi tal-komunikazzjoni huwa proprju dan.  Dak li qed iseħħ f’parti mid-dinja, bnedmin oħra, anke jekk mhumiex preżentio fiżikament, jaraw x’kien qed iseħħ.  Ċertament traġedja għall-wirt kulturali Ewropew.  Parti mill-istorja taċ-ċiviltà tagħna li l-famuż Kenneth Clarke jibda, fl-ewwel kapitolu tiegħu “The Skin of our Teeth”, bil-kliem: “Just visible upstream is the Cathedral of Notre Dame – not perhaps the most lovable of cathedrals, but the most rigorously intellectual façade in the whole Gothic art.

Ġenerazzjonijiet

2.  Katidral uniku, rappreżentant ta’ ġenerazzjonijiet ta’ bnedmin li mhux biss ħassew, imma wkoll bnew tempji uniċi.  Katidral li jiġi trasmess fil-kotba tal-istorja, tal-arti u tal-istorja tal-arkitettura bħala parti minn wirt kulturali uniku, rajna fih wiċċ differenti.  Nammetti li kont nistenna diskors ta’ dieqa mill-mezzi.  Biss, inġbidt iktar meta, speċjalment f’dawn il-jiem, nara ritratti ta’ kwantità kbira ta’ żgħażagħ.  Żgħażagħ għarkubbtejhom jgħidu r-rużarju.  Wiċċ kompletament differenti għal dak li nsibuhom jippontifikaw fuq il-mezzi tax-xandir Ewropej.

Mhux tkissir

3.  Bħal diversi wkoll, waqaft inħares fit-tul lejn ir-ritratt meħud tal-parti interna tal-Katidral.  Il-Kurċifiss dehbien, u taħtu l-istatwa tad-Duluri, baqgħu intatti.  Baqgħu hemm, iħarsu lejn it-tifrik u l-injam maħruq li waqa’ quddiemhom, mingħajr ma messhom.  Baqgħu tama għall-futur.  Baqgħu simbolu tas-sewwa u l-fidi Nisranija.  Franza, li għaddiet minn tant mumenti ta’ reazzjoni kontra l-Kristjaneżmu, f’dan il-mument tal-istorja ma ferħitx.  Ħadd ma qal li għandna nneħħu l-katidrali, bħal ma smajna u qrajna li wettqu oħrajn fl-istorja ta’ dak il-poplu.  Ħadd ma sostna li issa għandha tinbena xi struttura differenti li mhix lura knisja Kattolika.  Il-ġenerazzjoni preżenti, anzi, qegħda ssostni b’saħħa li hemm bżonn li dak li nħaraq jiġi mibni mill-ġdid.

Insostnu l-istess valuri Nsara

4.  Nifhmu ‘l-poplu Franċiż u aħna viċin tiegħu f’dan il-mument iebes.  Nifhmuh aktar għax għandna rabtiet u valuri Nsara komuni.  Il-Franza kulturali li mexxiet il-quddiem kellha diversi wlied li mhux talli ma ċaħdux, anzi li sostnew b’konvinzjoni dan il-pedament.  Insemmi partikolarment tlieta: Antoine de Saint-Exupery, Jean Danielou u Fernand Baudel.  Dan l-istoriku jgħid: “Christianity is an essential reality in Western life: it even marks atheists, whether they know it or not.  Ethical rules, attitudes to life and death, the concept of work, the value of effort, the role of women and children – these may seem to have nothing to do with Christian feeling; yet all derive from it nevertheless.”

Jailissant du Rocher

5.  Il-Kristjaneżmu jibqa’ f’din it-triq id-dritta tiegħu.  L-istorja mhix ċirkolari, wisq inqas ripetittiva, imma għandha l-perkors tagħha.  Il-linja lejn is-sewwa li nikkumbattu għaliha.  Imma f’dan tibqa’ kostantement dik li minnha joħroġ ilma ċar u frisk.  Joħroġ minn ġewwa l-ġebel b’saħħa, b’ferħ u determinazzjoni.  Biex jagħti sens u sustanza.  Biex iwettaq il-ġid lill-bniedem.  Il-Katidral ta’ Notre Dame huwa f’dan simbolu attwali.  Huwa dak li, mingħajr ma rridu, inġibu quddiemna f’dan il-mument tas-solennità tal-Għid il-Kbir.

Qawmien mill-Mewt

6.  Lil Sidna Ġesù Kristu b’ferħ niċċelebraw illum filgħodu tul it-toroq tagħna.  Il-purċissjonijiet bl-istatwi mill-isbaħ ta’ Kristu Rxoxt iferrħu u jkomplu jżidu fil-valur tagħna bħala soċjetà.  Fortunatament m’aħniex nabbandunaw dan il-wirt, dawn it-tradizzjonijiet.  Għadhom ħajjin.  Għadhom mimlija b’saħħa interna li jiġu ċelebrati mhux f’ritwal mejjet, imma f’wieħed li kull sena titwieled mill-ġdid.  Mhux il-ġisem ta’ qabel, imma dak ġdid.  Dak li ġie trasformat.  Dak li wara t-tridu jqum trasfigurat, kif jgħid Danielou: “Mais la résurrection est la trasfiguration même du corps.

Is-Sewwa jirbaħ

7.  Fid-dinja nafu li għandna l-ħażen.  Dak li huwa l-għadu dikjarat tas-sewwa, tat-tajjeb.  Mhuwiex f’kantuniera.  Jipprova jiddomina.  Jipprova jikkonvinċi lil diversi li huwa sejjer ikollu l-aħħar kelma, u jkun huwa li jirbaħ fuq it-tajjeb.  Imma dan mhuwiex minnu.  Il-messaġġ Nisrani, il-messaġġ ta’ Sidna Ġesù Kristu llum filgħodu huwa direttament il-kontra ta’ dan.  Il-ħażen ma jirbaħx, imma jitlef.  Kull min juża mezzi żbaljati, dawk li mhumiex parti mill-verità, mill-onestà, jintilef fix-xejn.  It-tajjeb mhux biss jirbaħ, imma jittrijonfa fuq il-ħażen.  Il-vittorja finali kienet, għadha u tibqa’ tiegħu – dik tat-tajjeb.

Nawguraw

8.  Minn qalbi nsostni lill-poplu Franċiż.  Ċert li minn dak li seħħ ser ikun hemm proċess sabiex jinbena mill-ġdid, u isbaħ, il-Katidral ta’ Notre Dame.  It-tieni, nawgura lilkom qarrejja ta’ din il-gazzetta, u lil kulħadd, l-Għid il-Kbir it-tajjeb, mimli b’sens u sustanza.



10.4.19

Mhux lest li jbiddel.




1.     Jidher li qegħdin naqblu, mhux direttament, imma indirettament.  Pajjiżna għandu bżonn jibdel triqtu, u f’dan, jitnaddaf fil-verità.  Ma jistax ikun li ħadd ma huwa jinduna kemm inħkimna minn kultura tal-flus.  Mhux materjaliżmu storiku, ċertament, imma t-triq li tħares lejn kif isir il-qliegħ mhux b’mezzi leċiti u legali.  Hawn wisq xamma ta’ flus li jgħaddu minn id għal oħra meta m’għandhomx.  Wisq: dak li jissejjaħ ħidmet u effett ta’ mentalità li titwieled minn dik li l-korruzzjoni ġġib magħha.

Wisq u wisq

2.     Hawn wisq u wisq kilba għall-missjonijiet li minnhom l-iktar ħaġa importanti hija dik li minnha wieħed jakkwista flus li m’għandux.  Dawn il-flus qegħdin, ċertament, iħassru t-tessut soċjali u morali tagħna.  Il-kwantità kbira ta’ kuntratti u psewdo-proġetti li ħerġin kontinwament, fejn hemm mhux ftit eluf.  Hemm miljuni fuq miljuni mas-saqajn li qed iġibu lill-bnedmin jikkomportaw ruħhom differentement.  Hemm kanal kbir, li ma jiqafx, ta’ flus maħmuġa li qed iduru u jħassruna.

Tlifna u qed nitilfu

3.     Hawn mewġa.  Dell twil, iswed, li qed jidħol biċċa biċċa f’kollox.  Bħal żejt użat: ma hemmx faċċata, aspett tal-ħajja soċjali u ekonomika tagħna li ma ġewx imniġġsa.  Din hija r-realtà.  Il-klassi professjonali, dik ekonomika, dik politika, semmi li trid: hemm l-id ta’ din il-proċedura għaddejja.  Iktar ma jkun hemm fil-kalatura, iktar qed ikun hemm talbiet.  Din hija r-realtà li kibret b’tant saħħa, li terġa’, ironikament, qed isseħħ taħt dan il-Gvern Soċjalista li għamel tant kritika, meta kien fl-oppożizzjoni, kontra l-korruzzjoni.

Ħatriet u diskorsi

4.     Jista’ jkun hemm min imeri dan.  Jista’ jkun li jkun hemm min jidħak bir-realtà u bih innifsu.  Imma l-verità din hija.  Proprju taħt id-dell ta’ San Sidor, nhar l-4 ta’ April kellna żewġ diskorsi u ħatra importanti għal pajjiżna.  It-tnejn tkellmu direttament, imma wkoll iktar indirettament dwar il-pożizzjoni preżenti u l-bżonn li nirreaġixxu kontra tagħha.  Il-bżonn li ma nibqgħux fejn aħna, imma li niċċaqilqu biex nindafu mit-timbru ikrah li dħalna fih.  Nibdlu l-komportament uman.

Ma hawnx xebgħa

5.     Ma hawnx xebgħa għal-leblieba li għaddejja.  Kull fejn hemm il-possibilità ta’ “laħam” finanzjarju, hemm tara l-manuvri għaddejja.  Fejn hemm il-possibilità ta’ kuntratti fuq mega-proġetti, kull fejn hemm wirt tal-Istat, jew proprjetà tal-istess li tista’ tiġi negozjata, hemm tara l-gabirjoli.  Ir-regoli ma jiġux osservati.  Hemm biss ħaġa waħda: il-bżonn li wieħed ikabbar il-but tiegħu u ta’ numru ta’ oħrajn.  Proċess xejn dekoruż, li issa qiegħed isir b’mod li tista’ faċilment tinduna li għaddej.  Imma, f’dan iż-żmien fejn suppost qed ngħixu t-trasparenza, il-ġustizzja soċjali u l-mertu, dan il-Gvern abbanduna kull soċjaliżmu.

Il-bidla mhux faċli

6.     Il-bidla, biex terġa’ ġġid ‘l-Istat lura josserva r-regoli u tneħħi dan, mhix faċli.  Imma l-verità hemm bżonn li tingħad u tiġi rikonoxxuta.  Bħalissa, il-pożizzjoni politika tal-Gvern Soċjalista hija marbuta maċ-ċaħda assoluta ta’ dak li hu għaddej.  Dan irid jinbidel, jekk irridu naqbdu lura t-triq tas-sewwa.  Għax għandna bżonn li ngħixu fil-verità, u nassiguraw stat demokratiku li jħaddanha.  Kif sibt miktub: “Truth is not a doctrine, a teaching, a series of concepts.  Truth is a force that denounces and destroys the lie.  Truth is the birth of a new reality.”

Kerdokrazija u kleptokrazija

7.     Għandu raġun l-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna jitkellem dwar dawn iż-żewġ punti.  Fl-omelija tiegħu jgħid hekk: “Jekk l-ewwel u l-uniku ħaġa li nfittxu jkun il-qligħ jew il-profitti, minn demokrazija nsiru kerdokrazija (soċjetà mmexxija mill-ġirja għall-profitt) u malajr niżżerżqu lejn il-kleptokrazija (soċjetà fejn il-poter huwa ta’ min jaħtaf l-iżjed).”  Kliem f’postu, għax ir-realtà, il-verità hija li diġà qegħdin f’dawn il-pożizzjonijiet.  Mhux sejrin għalihom.  Din kienet, u għadha, il-politika tal-Gvern Soċjalista: waħda li, kif qed naraw, mhux lest li jbiddel jew ineħħi.





6.4.19

One hundred years ago Don Sturzo’s founded his Partito Popolare





With the sour taste left in the mouths of many Europeans, by the tragic events that disentangled violently the close connections between the Altar and the Throne, during the French Revolution, and the subsequent, no less bitter, sequels, it was decided by men of sense on both sides, that it was much safer to keep the Church separate from the State. 

Camillo Benso Cavour , the Prime Minister of an Italy that had become United through the invasion and annexation of the Papal States and the virtual imprisonment of the Pope in the Vatican enclave, expressed his considered opinion in the famous phrase, (originally coined by C. de Montalembert), when acclaiming in the Camera dei Deputati, the capture of Rome from the Pope: Libera Chiesa in Libero Stato.

In truth, the State was thus being declared free from Ecclesiastical injunction and perhaps, ethical compunction; whilst the Church was being declared free from the duty of admonishment towards the people in charge of the State machinery. Some Churchmen were resigned to this simplification. A decree of the 29th  February 1868 issued by the Holy Penitentiary declared:; "Non expedit - Neither electors nor elected”.

It was not expedient for Catholics to vote or to stand for  election. Pope Pius IX explained in an audience, that as the suffrage was too restricted, the Church could not hope for a true representation of the Catholic masses. Elsewhere in Europe this, too timid approach, resulted in the supposedly democratic, constitutionally structured, nations being occupied by a limited number of notables from the elite, mostly connected by very secret bonds.

This formula benefited neither the Church nor the State; most of all it was harmful for the citizens of the State and the faithful of the Church, which, in part, at least, coincided.

Two priests in Italy rebelled against this abstention of Catholics from public affairs. One was Don Romulo Murri, whose defiant methods brought about his suspension a divinis. The other was the more prudent in style, more physically frail, but no less adamant Don Luigi Sturzo.  He entered into politics through the local government of his native Caltagirone.  Murri’s first steps at Democrazia Christiana found insurmountable obstacles. 

Sturzo founded in 1919 the Partito Popolare. Meanwhile the electoral system had been changed by Giolitti in accord with the Socialists, in return for support in the Italo-Turkish War of 1912. When the Partito Popolare contested their first elections in November 1919, they managed to receive 20% of the electoral vote and 100 deputies. After Mussolini’s March on Rome, a section of the Party opted for collaboration, which Sturzo strenuously opposed, proposing, instead, forming a united front with the Socialists, who, however, under Maximalist leadership refused. After the brief illusion of a possible collaboration with Mussolini,  Sturzo and his all his deputies went into opposition to the Fascist Regime and Sturzo himself went into Exile. He returned to Italy after the Second World War and his Party, now under the name of Democrazia Christiana, soon became the leading Party of post-war Italy.
When one goes back to Sturzo’s electoral manifesto of 1919 which included substantially much of the Social Teaching of the Church, and the achievements of Governments led by Christian Democrats from 1945 to 1993, one has to admire his vision and ideals, as his enduring influence. In 1919, he had proposed: 1.Strengthening the integrity of the family; 2.Introducing for women the right to vote ;3. Freedom of choice in education; 3.Trade Union rights; 4.Social legislation, on a national as well as on the international plane; 5. Decentralising state administration through the establishment of regions; 6.Absolute freedom of worship; 7. Joining the League of Nations; 8.Universal disarmament. 9.Latifondo Lands redistribution [eventually brought into being by the legge stralcio no. 841 of the  21st. October 1950,]
Except for universal disarmament, which entailed much more than unilateral disarmament: all the other points were, in time, substantially achieved in Italy by his followers.
As part of the Christian Democrat movement through out this year we celebrate with gratitude Don Sturzo’s great contribution, to social justice, to reform, to democracy and subsidiarity, and to strenuous resistance to Fascist imposition.


4.4.19

Il-futur huwa miftuħ?




1.   Hija neċessità vitali għas-soċjetà miftuħa li tiddubita jekk għandhiex f’idejha l-verità.  Imma jkun periklu mortali għaliha li tiddubita li din, fil-fatt, tista’ tinstab.  Hekk kien qal Karl Popper xi snin ilu.  F’dinja tal-hekk identifikat bħala “populiżmu”, fejn il-ħsieb hyuwa li wieħed jgħix f’dinja politika li ma tfittixx il-verità, dan il-kliem fih sens.  Nafu li l-bnedmin ma jgħidux il-verità.  Nafu li jippruvaw ibiddlu l-fatti b’kummenti li jmorru l-kontra ta’ dak li hemm fil-verità.  Nafu li hemm min iħobb ikabbar l-affarijiet għall-oħrajn, deċiżament mhux għalih.  Imma dan ma jfissirx li l-verità ma teżistix.

X’kuntrasti

2.   Waqt li f’pajjiżna l-istatistika bdiet turi li għandna problemi soċjali serji, l-aġenda nazzjonali, minflok, titqiegħed fuq mewġa oħra ta’ aljenazzjoni.  Ngħid dan għax hemm punti ta’ prijorità li wieħed għandu jidħol għalihom b’konvinzjoni u b’passjoni.  Hemm diversi oħra li wieħed jinduna li qed isiru minn dan il-Gvern b’konvenjenza.  L-aljenazzjoni politika sservi ħafna.  Isservi lil dawk li ma jridux iwettqu r-riforma soċjali li hemm bżonn iseħħ.  Ma jridux iġibu fis-seħħ dak li huwa verament prijorità għall-poplu, imma jippreferu li jintilfu fi sqaqien oħra.  Logħob politiku ieħor, li qed narawh u  mmissuh.

Ma tantx jitwemmnu

3.   Il-Gvern tilef ħafna mill-kredibilità politika tiegħu f’din it-tieni leġislatura.  Diġà r-“road maps” famużi tal-kampanja tal-2013 irrendew lilhom infushom f’dak li huma.  Ineżistenti.  Biex isir ċaqliq soċjali jew politiku jrid ikun hemm min jimbotta.  Min jinsisti.  Min jikkritika bl-aħrax.  Inkella jkunu ċerti interessi oħra, li mhux dejjem wieħed jinnutahom.  Inkella kollox jibqa’ kif inhuwa.  Hawn, preżentement, mument ta’ waqfien.  Mument ta’ stennija għal dak li ser iseħħ, jew li jista’ jkun li jseħħ fi ħdan il-Partit Laburista.

Ħatra ġdida

4.   Anki jekk il-Prim Ministru jerġa’ jibdielu, qed naraw biċċiet varji fi ħdan il-partit fil-Gvern.  Fir-realtà, minn eżami partikolari, wieħed isib lilu nnifsu fl-għażla li kienet saret wara r-riżenja ta’ Dr Alfred Sant.  Hemm lealtajiet passati li qed jerġgħu jiġu lura f’daqqa.  Dawn bdew proċess intern li, fis-soċjetà tal-lum, jimmarkaw ruħhom mill-ewwel esternament.  Dak li l-bnedmin jiktbu.  Dak li jgħidu.  Kollox juri li reġa’ hemm il-kurrenti jikkumbattu f’pożizzjoni politika mhux proprju opportuna.

Diskussjoni jew diviżjoni

5.   F’dan, bdejna naraw il-proċess li fih jiġu reġistrati punti ta’ nuqqas ta’ qbil.  “Ideoloġiku”, jew iktar kulurit “personali”.  Ċertament, il-kwistjoni morali hija għolja.  Hemm dawk li jirrappreżentaw it-tkomplija tal-linja politika preżenti.  Dik li ma tħarisx li tneħħi l-elementi identifikati bħala nieqsa mill-onestà u integrità politika.  Fuq l-oħra dawk li jridu bidla u distinzjoni bejniethom u bejn min mhuwiex nadif fil-kamp politiku.  Dwar dak li huwa personali, sakemm jibqa’ fil-livell tad-diskussjoni huwa tajjeb, imma jekk jaqbeż u jmur lejn id-diviżjoni, l-affarijiet jafu jinbidlu.

Skaldi u travi

6.   Nisimgħu u naraw, min-naħa tagħna, lejn dik tal-Gvern.  Naqraw fil-gazzetti.  Dawk tal-Gvern.  Dawk viċin ħafna l-Gvern, u dawk li ma jridux jeħduha kontra tiegħu.  Il-kandidati li mhumiex wisq “favoriti” għall-“establishment” intern isibu li dnubiethom jitqegħdu mill-ewwel fil-livell tal-mortali.  Dawk il-kontra, la jingħad li dinbu, u jekk iva, jidhru dejjem venjali.  Ngħid dan iktar u iktar għax hemm il-proċess ta’ dawk li jaraw l-iskaldi bħala travi f’għajnejn l-oħrajn u ma jistgħux jaraw il-kontra.  Mhumiex kapaċi jaraw xi travi kbar u ħoxnin għandhom huma.

Fl-Aqwa Żmien

7.   Ċertament qegħdin f’din il-fażi id f’id mal-aqwa żmien ta’ kif qed issir il-politika.  Ser jingħad dak li m’għandux.  Ser ikun hemm aġendi varji.  Kemm dan, però, ser iġib il-bidla fi ħdan il-Partit Laburista, ftit jafu.  Kemm ser jieqaf  dak li kien iddikjara Giuseppe Tommasi di Lampedusa: “Cambiare tutto perché niente cambi”.  Kif, anzi, ngħadli forsi aħjar: sa issa l-politika tal-midluka baqgħet għaddejja; min jaf jekk tinbidilx?  Inħarsu u naraw jekk, kif kien jgħid Popper fil-ġlieda tiegħu kontra l-istoriċizju ideoloġiku, li l-futur huwa miftuħ, u għalhekk kollox jista’ jiġri fi ħdan dak il-partit fil-Gvern.




KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...