29.4.19

Liberaliżmu jew triq oħra għall-Komuniżmu?




1.    Sejrin fi triqitna għal festa importanti fil-ħajja tagħna.  Il-maġġoranza assoluta tal-pajjiż jiddikjaraw ruħhom li huma Nsara.  Dik hija l-identità reliġjuża u kulturali tagħhom.  L-Għid il-Kbir niċċelebrawh bħala poplu u nazzjon, b’ħeġġa u passjoni.  Diversi fis-soċjetà tagħna jqattgħu, anzi ħafna, jqattgħu ħinhom fi preparamenti proprju għall-Ġimgħa Mqaddsa li deħlin fiha.  M’għandniex nitilfu dawn it-tradizzjonijiet, u fil-preżent, ma jidhirx li aħna qegħdin.

Is-sitwazzjoni ekonomika

2.    Biss, f’dan irridu naċċettaw li l-pożizzjoni ekonomika ta’ diversi mhix waħda tajba.  Il-ħaddiem qiegħed jgħaddi minn tbatija partikolari fid-diversi sigħat tax-xogħol li jrid jidħol għalihom sabiex ilaħħaq mal-ħajja.  Mhumiex ftit dawk li, barra l-impjieg prinċipali tagħhom, jidħlu għal impjieg ieħor part-time.  Mhumiex ftit dawk il-koppji li, sabiex iżommu lilhom infushom għaddejjin, jaħdmu t-tnejn li huma f’ħinijiet diffiċli u fit-tul.  Dan qiegħed jolqot direttament lis-soċjetà tagħna fil-pedament li żamm ruħu sod għal ħafna snin – il-familja.

Il-familja taħt attakk

3.    Fir-realtà, il-Gvern li għandna bena struttura ta’ soċjetà li hija bażata fuq l-aspett materjalista tal-bniedem.  F’dawn is-snin ma rajniex miżuri biex il-familji jkollhom iktar ulied, inqas li jgħinu direttament fil-bżonnijiet tagħhom.  Bnejna, minflok, inċentiv li jippremja lill-familja jekk il-mara toħroġ taħdem flok trabbi ‘l-ulied.  Ma nistgħux ngħidu li l-“in work benefit” kien pass f’direzzjoni li tħares il-valur tal-familja.  Proprju għalhekk ukoll li, meta nħarsu lejn il-bniedem f’dak li huwa biss bħala servizz lejn id-dinja ekonomika, inkunu qed inwettqu dak li seħħ fi Stati Komunisti.  Kien f’dak iż-żmien, fl-Istati Sovjetiċi, li l-bniedem kien tilef kull dinjità bħala parti mit-teħid tal-mezzi tal-produzzjoni.

Il-parteċipazzjoni reliġjuża

4.    Il-kultura, hekk żbaljatament imsejħa “sekulari”, qegħda tiġġustifika dan kollu bħala xi att nobbli ta’ separazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja.  Fir-realtà, hija pass f’direzzjoni żbaljata għall-bniedem f’dawn il-gżejjer.  Il-bniedem għandu l-bżonn fih li jikkultiva lilu nnifsu.  Il-bniedem għandu ċertament ruħ, u f’dawn il-gżejjer ma hemmx bżonn persważjoni sabiex dan jiġi rikonoxxut.  Il-fatt li tul is-sena hemm inqas attendenza għall-quddies mhix proprju marbuta mar-raġunijiet li ċerti persuni jressqu.  Il-verità hija li l-ħin għad-dispożizzjoni naqas.  Ħafna iktar qed jidħlu jaħdmu s-Sibt u l-Ħadd, li ma jippermettilhomx ħin ieħor.

Il-bniedem ħaqqu dinjità

5.    F’diversi Stati Komunisti, l-ateiżmu kien ifisser iċ-ċaħda tar-reliġjon Nisranija.  F’dawk iż-żminijiet ma kienx hemm Ħdud, imma jiem tax-xogħol.  Fejn iċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi ma kienux jiġu tollerati u l-Insara kienu persegwitati.  Dan wassal sabiex il-persuna umana tilfet mid-dinjità sħiħa tagħha għax il-bniedem għandu ferm iktar fih mill-aspett ekonomiku.  Illum għandna l-libertà reliġjuża, imma l-ħin biex nipprattikawha qed jonqos sew.  L-industrijalizzazzjoni mhijiex proprju l-għadu ta’ dan, imma l-mod ta’ kif qed isiru l-affarijiet, fejn il-paga tal-ħaddiem niżlet l-isfel u ma hemmx mod ta’ kif titla’ ‘l fuq, il-pożizzjoni marret iktar lura.

Il-valuri tagħna

6.    Il-verità hija li l-valuri ta’ dan il-poplu huma Nsara.  Hekk aħna magħġuna.  Nistgħu ma nwettqux dan f’ħajjitna, imma meta niġu biex niġġudikaw u ngħarblu, naraw fina li l-linja li nużaw hija marbuta ma’ dawk il-valuri.  Anki jekk hemm bumbardament il-kontra biex ngħidu li issa sirna liberali, u dak li nemmnu fih, speċjalment fil-valur tal-ħajja ma jgħoddx, il-poplu għadu jaħseb il-kontra.  Il-kwistjoni tal-abort, il-kwistjoni tat-tneħħija tal-Kurċifiss minn postijiet pubbliċi, jimmarkaw dan.  Anki fi żmien il-Komuniżmu, dan kien isir.  Kien mhux biss permess, imma parti mil-liġi.  Mal-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin, dak kollu li ġie mpost kontra r-rieda, kontra dak li huwa naturali fil-bniedem, tneħħa.

Il-Kurċifiss

7.    Ma tantx kien mument indikat, jew għażla tajba, li xi ħadd stranament iddeċieda li jneħħi l-kurċifissi.  Xi ħadd ħass li, billi kif qed jingħadilna issa sirna sekulari, liberali u kosmopolitani, allura l-poplu ma kien ser jgħid xejn.  Dan jitlob mument ta’ riflessjoni, mhux tant għar-reazzjoni, imma għall-impożizzjoni liberali-komunista li tneħħih mingħajr diskussjoni u approvazzjoni.  Il-pajjiż qam għal dan, u rreaġixxa kif wieħed kien jistenna.  Mhux biss minħabba l-aġir unilaterali u “dittatorjali”, imma l-iktar għax ma hemmx qbil.

Qed jixba

8.    Il-bnedmin ma tantx qed jogħġobhom dan kollu.  Qed jiddejqu li, bil-maġġoranza preżenti, hawn affarijiet li qed isiru li qed ineħħulna l-identità tagħna.  Dan huwa dak li seħħ fil-pajjiżi dominati mill-Komuniżmu Sovjetiku.  Kien hemm min impona kultura differenti, anti-Nisranija f’isem is-suppost “progress” materjalista li ma seħħx.  Il-passat jista’ jdejjaq lil xi wħud, imma jagħtina lezzjonijiet li m’għandniex ninsew.  Proprju għalhekk li nistaqsi: fejn qegħdin?  Fil-liberaliżmu, jew fi triq oħra sejrin lejn il-Komuniżmu?






No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...