10.4.19

Mhux lest li jbiddel.




1.     Jidher li qegħdin naqblu, mhux direttament, imma indirettament.  Pajjiżna għandu bżonn jibdel triqtu, u f’dan, jitnaddaf fil-verità.  Ma jistax ikun li ħadd ma huwa jinduna kemm inħkimna minn kultura tal-flus.  Mhux materjaliżmu storiku, ċertament, imma t-triq li tħares lejn kif isir il-qliegħ mhux b’mezzi leċiti u legali.  Hawn wisq xamma ta’ flus li jgħaddu minn id għal oħra meta m’għandhomx.  Wisq: dak li jissejjaħ ħidmet u effett ta’ mentalità li titwieled minn dik li l-korruzzjoni ġġib magħha.

Wisq u wisq

2.     Hawn wisq u wisq kilba għall-missjonijiet li minnhom l-iktar ħaġa importanti hija dik li minnha wieħed jakkwista flus li m’għandux.  Dawn il-flus qegħdin, ċertament, iħassru t-tessut soċjali u morali tagħna.  Il-kwantità kbira ta’ kuntratti u psewdo-proġetti li ħerġin kontinwament, fejn hemm mhux ftit eluf.  Hemm miljuni fuq miljuni mas-saqajn li qed iġibu lill-bnedmin jikkomportaw ruħhom differentement.  Hemm kanal kbir, li ma jiqafx, ta’ flus maħmuġa li qed iduru u jħassruna.

Tlifna u qed nitilfu

3.     Hawn mewġa.  Dell twil, iswed, li qed jidħol biċċa biċċa f’kollox.  Bħal żejt użat: ma hemmx faċċata, aspett tal-ħajja soċjali u ekonomika tagħna li ma ġewx imniġġsa.  Din hija r-realtà.  Il-klassi professjonali, dik ekonomika, dik politika, semmi li trid: hemm l-id ta’ din il-proċedura għaddejja.  Iktar ma jkun hemm fil-kalatura, iktar qed ikun hemm talbiet.  Din hija r-realtà li kibret b’tant saħħa, li terġa’, ironikament, qed isseħħ taħt dan il-Gvern Soċjalista li għamel tant kritika, meta kien fl-oppożizzjoni, kontra l-korruzzjoni.

Ħatriet u diskorsi

4.     Jista’ jkun hemm min imeri dan.  Jista’ jkun li jkun hemm min jidħak bir-realtà u bih innifsu.  Imma l-verità din hija.  Proprju taħt id-dell ta’ San Sidor, nhar l-4 ta’ April kellna żewġ diskorsi u ħatra importanti għal pajjiżna.  It-tnejn tkellmu direttament, imma wkoll iktar indirettament dwar il-pożizzjoni preżenti u l-bżonn li nirreaġixxu kontra tagħha.  Il-bżonn li ma nibqgħux fejn aħna, imma li niċċaqilqu biex nindafu mit-timbru ikrah li dħalna fih.  Nibdlu l-komportament uman.

Ma hawnx xebgħa

5.     Ma hawnx xebgħa għal-leblieba li għaddejja.  Kull fejn hemm il-possibilità ta’ “laħam” finanzjarju, hemm tara l-manuvri għaddejja.  Fejn hemm il-possibilità ta’ kuntratti fuq mega-proġetti, kull fejn hemm wirt tal-Istat, jew proprjetà tal-istess li tista’ tiġi negozjata, hemm tara l-gabirjoli.  Ir-regoli ma jiġux osservati.  Hemm biss ħaġa waħda: il-bżonn li wieħed ikabbar il-but tiegħu u ta’ numru ta’ oħrajn.  Proċess xejn dekoruż, li issa qiegħed isir b’mod li tista’ faċilment tinduna li għaddej.  Imma, f’dan iż-żmien fejn suppost qed ngħixu t-trasparenza, il-ġustizzja soċjali u l-mertu, dan il-Gvern abbanduna kull soċjaliżmu.

Il-bidla mhux faċli

6.     Il-bidla, biex terġa’ ġġid ‘l-Istat lura josserva r-regoli u tneħħi dan, mhix faċli.  Imma l-verità hemm bżonn li tingħad u tiġi rikonoxxuta.  Bħalissa, il-pożizzjoni politika tal-Gvern Soċjalista hija marbuta maċ-ċaħda assoluta ta’ dak li hu għaddej.  Dan irid jinbidel, jekk irridu naqbdu lura t-triq tas-sewwa.  Għax għandna bżonn li ngħixu fil-verità, u nassiguraw stat demokratiku li jħaddanha.  Kif sibt miktub: “Truth is not a doctrine, a teaching, a series of concepts.  Truth is a force that denounces and destroys the lie.  Truth is the birth of a new reality.”

Kerdokrazija u kleptokrazija

7.     Għandu raġun l-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna jitkellem dwar dawn iż-żewġ punti.  Fl-omelija tiegħu jgħid hekk: “Jekk l-ewwel u l-uniku ħaġa li nfittxu jkun il-qligħ jew il-profitti, minn demokrazija nsiru kerdokrazija (soċjetà mmexxija mill-ġirja għall-profitt) u malajr niżżerżqu lejn il-kleptokrazija (soċjetà fejn il-poter huwa ta’ min jaħtaf l-iżjed).”  Kliem f’postu, għax ir-realtà, il-verità hija li diġà qegħdin f’dawn il-pożizzjonijiet.  Mhux sejrin għalihom.  Din kienet, u għadha, il-politika tal-Gvern Soċjalista: waħda li, kif qed naraw, mhux lest li jbiddel jew ineħħi.





No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...