29.4.19

Nibqgħu Nsara.




1.  Tul il-ġimgħa, ma stajniex ma nħarsux b’dieqa.  Il-Katidral ta’ Notre Dame (iddedikat lil Sidtna Marija) f’Pariġi, żammna naraw dak li qatt ma xtaqna.  Wieħed mill-effetti tal-mezzi tal-komunikazzjoni huwa proprju dan.  Dak li qed iseħħ f’parti mid-dinja, bnedmin oħra, anke jekk mhumiex preżentio fiżikament, jaraw x’kien qed iseħħ.  Ċertament traġedja għall-wirt kulturali Ewropew.  Parti mill-istorja taċ-ċiviltà tagħna li l-famuż Kenneth Clarke jibda, fl-ewwel kapitolu tiegħu “The Skin of our Teeth”, bil-kliem: “Just visible upstream is the Cathedral of Notre Dame – not perhaps the most lovable of cathedrals, but the most rigorously intellectual façade in the whole Gothic art.

Ġenerazzjonijiet

2.  Katidral uniku, rappreżentant ta’ ġenerazzjonijiet ta’ bnedmin li mhux biss ħassew, imma wkoll bnew tempji uniċi.  Katidral li jiġi trasmess fil-kotba tal-istorja, tal-arti u tal-istorja tal-arkitettura bħala parti minn wirt kulturali uniku, rajna fih wiċċ differenti.  Nammetti li kont nistenna diskors ta’ dieqa mill-mezzi.  Biss, inġbidt iktar meta, speċjalment f’dawn il-jiem, nara ritratti ta’ kwantità kbira ta’ żgħażagħ.  Żgħażagħ għarkubbtejhom jgħidu r-rużarju.  Wiċċ kompletament differenti għal dak li nsibuhom jippontifikaw fuq il-mezzi tax-xandir Ewropej.

Mhux tkissir

3.  Bħal diversi wkoll, waqaft inħares fit-tul lejn ir-ritratt meħud tal-parti interna tal-Katidral.  Il-Kurċifiss dehbien, u taħtu l-istatwa tad-Duluri, baqgħu intatti.  Baqgħu hemm, iħarsu lejn it-tifrik u l-injam maħruq li waqa’ quddiemhom, mingħajr ma messhom.  Baqgħu tama għall-futur.  Baqgħu simbolu tas-sewwa u l-fidi Nisranija.  Franza, li għaddiet minn tant mumenti ta’ reazzjoni kontra l-Kristjaneżmu, f’dan il-mument tal-istorja ma ferħitx.  Ħadd ma qal li għandna nneħħu l-katidrali, bħal ma smajna u qrajna li wettqu oħrajn fl-istorja ta’ dak il-poplu.  Ħadd ma sostna li issa għandha tinbena xi struttura differenti li mhix lura knisja Kattolika.  Il-ġenerazzjoni preżenti, anzi, qegħda ssostni b’saħħa li hemm bżonn li dak li nħaraq jiġi mibni mill-ġdid.

Insostnu l-istess valuri Nsara

4.  Nifhmu ‘l-poplu Franċiż u aħna viċin tiegħu f’dan il-mument iebes.  Nifhmuh aktar għax għandna rabtiet u valuri Nsara komuni.  Il-Franza kulturali li mexxiet il-quddiem kellha diversi wlied li mhux talli ma ċaħdux, anzi li sostnew b’konvinzjoni dan il-pedament.  Insemmi partikolarment tlieta: Antoine de Saint-Exupery, Jean Danielou u Fernand Baudel.  Dan l-istoriku jgħid: “Christianity is an essential reality in Western life: it even marks atheists, whether they know it or not.  Ethical rules, attitudes to life and death, the concept of work, the value of effort, the role of women and children – these may seem to have nothing to do with Christian feeling; yet all derive from it nevertheless.”

Jailissant du Rocher

5.  Il-Kristjaneżmu jibqa’ f’din it-triq id-dritta tiegħu.  L-istorja mhix ċirkolari, wisq inqas ripetittiva, imma għandha l-perkors tagħha.  Il-linja lejn is-sewwa li nikkumbattu għaliha.  Imma f’dan tibqa’ kostantement dik li minnha joħroġ ilma ċar u frisk.  Joħroġ minn ġewwa l-ġebel b’saħħa, b’ferħ u determinazzjoni.  Biex jagħti sens u sustanza.  Biex iwettaq il-ġid lill-bniedem.  Il-Katidral ta’ Notre Dame huwa f’dan simbolu attwali.  Huwa dak li, mingħajr ma rridu, inġibu quddiemna f’dan il-mument tas-solennità tal-Għid il-Kbir.

Qawmien mill-Mewt

6.  Lil Sidna Ġesù Kristu b’ferħ niċċelebraw illum filgħodu tul it-toroq tagħna.  Il-purċissjonijiet bl-istatwi mill-isbaħ ta’ Kristu Rxoxt iferrħu u jkomplu jżidu fil-valur tagħna bħala soċjetà.  Fortunatament m’aħniex nabbandunaw dan il-wirt, dawn it-tradizzjonijiet.  Għadhom ħajjin.  Għadhom mimlija b’saħħa interna li jiġu ċelebrati mhux f’ritwal mejjet, imma f’wieħed li kull sena titwieled mill-ġdid.  Mhux il-ġisem ta’ qabel, imma dak ġdid.  Dak li ġie trasformat.  Dak li wara t-tridu jqum trasfigurat, kif jgħid Danielou: “Mais la résurrection est la trasfiguration même du corps.

Is-Sewwa jirbaħ

7.  Fid-dinja nafu li għandna l-ħażen.  Dak li huwa l-għadu dikjarat tas-sewwa, tat-tajjeb.  Mhuwiex f’kantuniera.  Jipprova jiddomina.  Jipprova jikkonvinċi lil diversi li huwa sejjer ikollu l-aħħar kelma, u jkun huwa li jirbaħ fuq it-tajjeb.  Imma dan mhuwiex minnu.  Il-messaġġ Nisrani, il-messaġġ ta’ Sidna Ġesù Kristu llum filgħodu huwa direttament il-kontra ta’ dan.  Il-ħażen ma jirbaħx, imma jitlef.  Kull min juża mezzi żbaljati, dawk li mhumiex parti mill-verità, mill-onestà, jintilef fix-xejn.  It-tajjeb mhux biss jirbaħ, imma jittrijonfa fuq il-ħażen.  Il-vittorja finali kienet, għadha u tibqa’ tiegħu – dik tat-tajjeb.

Nawguraw

8.  Minn qalbi nsostni lill-poplu Franċiż.  Ċert li minn dak li seħħ ser ikun hemm proċess sabiex jinbena mill-ġdid, u isbaħ, il-Katidral ta’ Notre Dame.  It-tieni, nawgura lilkom qarrejja ta’ din il-gazzetta, u lil kulħadd, l-Għid il-Kbir it-tajjeb, mimli b’sens u sustanza.



No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...