16.5.19

Jingħad fil-verità



1.    Tul din il-ġimgħa ċċelebrajna Jum il-Ħaddiem.  Ma hemmx monopolju ta’ ebda partit.  Il-Partit fil-Gvern kien għamel żmien jipprova jibgħat il-messaġġ li huwa l-uniku difensur, huwa l-uniku sostenitur u huwa ffurmat biss mill-proletarjat.  Attentat li ma rnexxiex.  Il-Partit Nazzjonalista huwa ffurmat minn maġġoranza qawwija ta’ ħaddiema.  Hekk kien fil-passat, u hekk baqa’.  Jekk għadux il-mument, iż-żmien li fih wieħed jinżel fit-toroq b’dimostrazzjonijiet, b’meetings pubbliċi, huwa punt differenti.  Hekk għażel il-Partit Soċjalista Malti.  Jekk hekk huwiex il-metodu t-tajjeb biex wieħed jirrifletti aħjar fuq il-pożizzjoni tal-ħaddiem.  Fuq il-kwalità u l-valur li x-xogħol qiegħed jingħata f’din is-soċjetà tagħna.  Jekk id-dinjità tal-bniedem hix tiġi rispettata.  Dan, naħseb, li jkun iktar aħjar li għandna niddiskutu.



Rerum Novarum



2.    Tul din il-ġimgħa, fuq dan ma stajtx ma naħsibx li jekk kellu jitwieled u jinħatar mill-ġdid il-Papa Ljun XII, kien jerġa’ jikteb din l-enċiklika.  L-enċiklika Rerum Novarum, li dehret għall-ewwel darba fil-15 ta’ Mejju 1891, fetħet staġun ġdid.  Wieħed li fetaħ il-bibien sabiex id-dottrina soċjali tal-Knisja Kattolika tinbena.  Ngħid dan għax il-pożizzjoni tallum, li fiha ħafna elementi minn dak li kien hemm mija u tmienja u għoxrin sena ilu, reġgħet nibtet lura.  Qed ngħixu f’soċjetà fejn l-ekonomija hija dominanti.  Qed ngħixu f’xenarju Malti fejn il-bniedem huwa għas-servizz tal-ekonomija f’dimensjonijiet ferm u ferm kbar.  Id-dinjità tal-ħaddiem qegħda, pass wara pass, tintilef.  Min għandu l-kapital, min għandu s-saħħa fis-suq ekonomiku qiegħed jiddomina mill-ġdid.



Liberaliżmu, Soċjaliżmu



3.    Il-Partit fil-Gvern, illum, qiegħed f’pożizzjoni ferm iktar kumplikata milli kien.  Waħda li ma ġietx fuqu, imma waħda li ġieb fuqu nnifsu.  Ftit xhur ilu, niftakar, li fid-diskors tal-Budget, il-Ministru tal-Finanzi kien iddikjara, b’mod mill-iktar ċar, li l-liberaliżmu hija t-triq tagħhom.  Dak li nbeda fil-politika ta’ dan il-Gvern huwa mwieled minn ħsieb li fih, diversi kapitalisti, iħossuhom komdi żżejjed.  Meta l-Gvern kien qiegħed jiddikjara li huwa “pro-business” kien, fil-fatt, jissiġilla din id-deċiżjoni.  Ma kienx qiegħed jgħid li huwa favur assistenza lil min huwa fid-dinja ekonomika u huwa żgħir.  Id-dikjarazzjoni ma saritx favur dawk il-ħwienet jew kumpanniji mmexxija minn familji.  Saret favur min għandu ħafna u kapaċi, mhux bil-kompetizzjoni ġusta, imma bl-imbuttaturi politiċi, li jsir iktar sinjur.



Naqset il-ġustizzja soċjali



4.    F’ebda mument ma smajna li l-Gvern kien beda programm politiku soċjalista.  F’ebda mument ma kellna “road maps” politiċi sabiex min qiegħed isfel jitla’ iktar ‘il fuq.  Fil-fatt, kien biss il-Ħadd li għadda li l-Prim Ministru għamel dikjarazzjoni li, fir-realtà politika, m’għandhiex rabta mal-fatti li huwa xi forma ta’ soċjalista.  Dawk li qegħdin ‘l isfel u fin-nofs tas-soċjetà tagħna jafu biċ-ċar li ma kellniex liġijiet li tawhom għajnuna diretta fil-problemi li qed imissu.  Il-paga tal-ħaddiem ma ċċaqilqitx ‘il fuq.  Anki jekk kien hemm ħafna li tkellmu li taħt dan il-Gvern il-pagi kienu ser jiżdiedu u jsiru bħal tal-aqwa ħaddiema fl-Ewropa, dan baqa’ ma seħħx.  Minflok, il-ġustizzja soċjali ġiet abbandunata favur forom ġodda ta’ “skjavitù”.



Il-ħaddiem barrani



5.    Kienet, u għadha, l-istrateġija ta’ dan il-Gvern li jinġiebu f’pajjiżna diversi ħaddiema minn barra.  Dan mingħajr forma ta’ attenzjoni, ta’ preparazzjoni u direzzjoni.  Waqgħu kull forma ta’ passi ta’ razjonalizzazzjoni.  Il-vit infetaħ tant, li ma nafux l-ilma fejn qiegħed jaqa’.  F’pajjiżna, ir-realtà hija li ħadd ma jaf kemm hawn ħaddiema barranin.  Hawn dawk li huma regolati u protetti bil-liġijiet soċjali tagħna.  Imma hawn ferm aktar li mhumiex.  Hawn ħafna li jitħallsu b’rati baxxi, sfruttati mmens.  Hawn diversi abbandunati jgħixu f’kundizzjonijiet verament diżumani.  L-aħbarijiet, kif nafu, jsemmgħulna dan kontinwament.  Dan l-istat ta’ fatt qiegħed iwassal sabiex il-pagi għandhom il-ġustifikazzjoni ekonomika biex ma jiċċaqilqux.  Dan l-istat ta’ fatt qiegħed iwassal għal żidiet sproporzjonati fil-kirjiet li jrid iħallas, xahar wara xahar, il-ħaddiem.



Dinjità umana



6.    Waqt li ċċelebrajna l-ħmistax-il sena mid-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea, irridu niftakru li għamilna dan proprju sabiex ngħollu l-livell fl-għixien tal-klassi tal-ħaddiema.  Aħna, li ridna nsiru parti mill-Unjoni, nafu b’dan.  Napprezzawh ferm iktar minn min ma riedx, u qalbu għadha ma ġietx fejn għandha tkun.  Proprju għalhekk li rridu nħarsu ‘l quddiem.  Hemm bżonn programm li jbiddel din il-linja politika.  Hemm bżonn li naċċettaw mill-ġdid id-dottrina soċjali tal-Knisja, fonti ta’ għerf li għandna nagħrfu u nħaddnu mill-ġdid.  Nibnu fuq il-kunċett li għalina, kull persuna fis-soċjetà hija importanti.  Hadd ma huwa indispensabbli, kif ħadd mhu dispensabbli.  Dmirna huwa dak li naħdmu sabiex inbiddlu għall-aħjar, għal kulħadd.  Proprju għalhekk li nibqgħu ninsistu li naħdmu għal min huwa lura, għal min għandu bżonn.  Proprju għalhekk li wieħed irid jgħid il-verità, sabiex dak li nagħmlu, u dak li nibnu, jġib ‘il quddiem id-dinjità umana fil-ġustizzja soċjali.





  


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...