20.5.19

Fl-interess nazzjonali.

 
1.    F’din il-ġimgħa tiġi fi tmiemha din il-kampanja elettorali.  Appuntament politiku importanti li minnu wieħed jitlaq lejn oħrajn.  Wieħed li ġieb impostazzjoni ġdida u differenti f’dak li konna qed naraw fil-passat.  Wieħed li jappella min-naħa tagħna l-iktar għall-forza tar-raġuni.  Naċċettaw li għall-Partit Nazzjonalista dawn mhumiex elezzjonijiet li fihom kellu, fil-passat, riżultati qawwija.  Mill-bidunett, anke jekk kien il-partit li mingħajru pajjiżna ma kienx isir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea, xorta l-maġġoranza tas-siġġijiet u l-voti marret għand il-Partit Soċjalista.

Dik hija r-realtà

2.    Dik hija l-verità.  F’ebda wieħed mill-appuntamenti preċedenti ma kellna iktar.  Kellna biss ix-xorti li fl-aħħar appuntament il-partit żied siġġu, mhux għax kellu l-voti għalih, imma għax bis-sistema tagħna kandidata tagħna fl-aħħar kellha fuqha iktar voti minn kandidati tal-partit l-ieħor.  Dawn il-fatti ma jżommuniex lura, però, milli nagħmlu l-parti sħiħa tagħna.  Ċertament, il-programm elettorali li ġie mfassal u apparovat mill-Kunsill Ġenerali huwa mimli b’ideat.  Proposti li jistgħu jitwettqu, bil-ħsieb li nieħdu l-aqwa ġid, mhux deni, mill-Unjoni Ewropea.  Nassiguraw li l-interess nazzjonali li ħadna dejjem ħsiebu jkompli jiġi aċċertat.

Id-dibattitu politiku

3.    Dan l-appuntament serva sabiex ġieb iktar normalità fil-klima politika.  Diversi apprezzaw l-impenna ta’ diversi kandidati sabiex jiġu dibattuti pożizzjonijiet politiċi varji marbuta mas-suġġett.  Il-Partit Nazzjonalista, f’dan ikkontribwixxa ċertament b’kandidati validi, intelliġenti, jafu fuq ponot subgħajhom l-Unjoni Ewropea u baqgħu jirrispettaw dawk ta’ kandidati oħra.  Mhux biss, imma aktar minn hekk, il-fatt li l-mexxejja politiċi fuq programm u ddibattew għamel ħafna iktar ġid.  Ma hemmx dubju li l-Kap tal-Partit, Dr Adrian Delia, wera li kapaċi ferm iktar milli l-propaganda tal-partit fil-Gvern tgħid li hu.  Tkissret ħafna l-immaġini negattiva tagħhom tiegħu.  Ħareġ ta’ dak li għandu ġewwa fih.  Kalma, attenzjoni għall-batut, direzzjoni u moderazzjoni.  Fuq kollox, l-interess nazzjonali f’qalbu u f’moħħu.

Nifhmu f’dan

4.    Nifhmu f’dan li l-Prim Ministru ma setax jerġa’ jidħol għal tali eżerċizzju li kien jerġa’ jwettaq il-ġid elettorali lil Adrian Delia, u qagħad pass kbir ‘il bogħod mit-tieni round.  Fehem li mal-Kap tal-Oppożizzjoni jrid joqgħod iktar attent f’dak li jsib ruħu miegħu fih.  Mhux biss, imma l-esperjenza politika tiegħu f’dawn is-snin kienet konċentrata u f’dan, għalhekk, limitata f’diskorsi pubbliċi fejn ħadd ma jista’ jew jazzarda jmerih.  Fil-fatt rajna “aggressività” iktar wara.  Rajna reazzjonijiet esaġerati, b’diskorsi li jersqu viċin ta’ politiċi fuq il-lemin qawwi.

Arroganza politika

5.    F’dan wieħed jifhem li hemm dożi awqa ta’ “arroganza” politika.  Meta partit u mexxej ikun imdorri f’ċertu poter f’idejh isir iktar familjari miegħu u jinħakem aktar.  Fil-passat, diversi mill-elettorat kienu jagħrfu li għandhom jibgħatu messaġġi lill-Partit Nazzjonalista sabiex irażżnuh u jiftħulu għajnejh.  Dan, taħtna, kien proċess normali.  Illum irridu naraw il-Ħadd li ġej jekk, kif, u kemm hemm dan l-għarfien.  Hija opportunità unika u importanti sabiex wieħed iġib lill-Gvern lura fl-art jisma’ l-problemi li jeżistu verament, mhux dawk biss li jrid jisma’ dwarhom.  Huwa fl-interess nazzjonali li dan iseħħ.

Serviet sew

6.    Fuq dan, il-Partit Nazzjonalista kien ferm iktar attent.  Kull jum tkellimna fuq suġġetti varji.  L-ambjent, il-ġustizzja soċjali, il-ħajja, it-taxxa, l-immigrazzjoni irregolari, il-mard kiefer tal-kanċer, il-persuni li qed ibatu mid-dimensja, in-nuqqas ta’ pagi tajba, in-nuqqas ta’ djar għall-klassi tal-ħaddiem kienu fost diversi.  Ma konniex marbuta ma’ arblu wieħed.  Ħadna ħsieb invarjaw, għax il-pajjiż għandu numru ta’ sfidi, ta’ problemi, li dmirna huwa li nitkellm dwarhom.  Ma esaġerajniex.  Konna korretti ħafna.  Proprju għalhekk li l-aġenda nazzjonali ħadna ħsieb niffissawha aħna għall-vantaġġ tal-poplu.  Proprju għalhekk li, almenu, bdejna nisimgħu lill-Prim Ministru stess jammetti li hawn in-nuqqasijiet, u hawn inqas attenzjoni għall-ġustizzja soċjali.

Konna pożittivi

7.    Ċertament, il-partit kien pożittiv ħafna u realistiku.  Ma kellux kandidati li ntilfu jistudjaw u jikkwotaw biċċiet mit-Testment l-Antik.  Il-kliem “għajn għal għajn u sinna għal sinna” kienu stunati għall-aħħar.  Mhux biss, imma kontradizzjoni ċara ma’ dak li kien qiegħed jiġi dikjarat mill-Partit Soċjalista barra.  Li taqla’ għajn jew sinna ta’ ħaddieħor hija pożittiva, jew ta’ tama, jew ta’ aspirazzjoni, jew ta’ għaqda?  Proprju l-kontra.  L-agħar f’dan kien li l-amministrazzjoni tal-partit, flok sikktet dan kompliet tappoġġja u tieħu pjaċir bih.  Diskors bħal dan ma jagħmilx ġid, anzi ħsara jwettaq fil-klima politika li qed nippruvaw nibnu.  Aġir li jmur kontra l-interess nazzjonali.

Il-Partit tal-Ewropa

8.    F’dan ħadd ma jista’ jmeri li aħna nibqgħu l-partit tal-Ewropa.  Nibqgħu dawk li tul is-snin bqajna nemmnu fil-vantaġġi li l-kontinent Ewropew jagħtina.  M’aħniex, f’dan, li nħallu l-affarijiet imorru l-kontra.  Nibqgħu dik l-omm li welldet u dehret quddiem l-għaref Salamun.  Li tippreferi t-tarbija tgħix għand id li ma ridithiex, milli li din ma tibqax ħajja.  Nibqgħu, ikun xi jkun ir-riżultat, il-partit pożittiv.  Il-partit li ma jridx li jkun hemm mibgħeda fil-politika.  Li jrid li jkun hemm rispett u attenzjoni lejn il-poplu.  Li jkun hemm ħidma soda u verament tajba għall-ġustizzja soċjali.  Li jkompli jkun hemm ħidma li tħares l-interess nazzjonali.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...