27.5.19

Mhux ser naqtgħu qalbna




1.    M’aħniex ser naqtgħu qalbna wara l-vot tal-bieraħ.  Nifhmu li dan huwa l-aqwa mument elettorali għall-partit fil-Gvern.  Huwa hekk għal numru ta’ raġunijiet.  Huwa hekk għax dan huwa wieħed viċin ħafna l-aħħar elezzjoni ġenerali.  Ghħadu kif beda t-tieni leġislatura tiegħu.  Għadu għaddej b’dak li tah riżultat fl-aħħar appuntament elettorali.  Qiegħed fil-parti fejn l-iktar li jaqbillu.  Mhux biss, imma kellu l-vantaġġ tal-fatt li l-proċess tal-bidla li għaddejja fil-Partit Nazzjonalista għadu fil-bidu tiegħu.  B’dan, xorta waħda jrid jiġi reġistrat li l-partit fl-Oppożizzjoni, minkejja l-iżvantaġġi kbar, kważi sproporzjonati, għamel dak kollu li huwa possibbli għalih.

Żbilanċ qawwi

2.    Il-Partit Soċjalista kellu, għal darb’oħra f’dan il-mument, vantaġġi qawwija.  Veru li l-politika tiegħu hija bażata fuq klijenteliżmu qawwi, fuq l-arti ta’ kif tixtri l-vot.  Imma l-vuċi tiegħu fil-medja kienet waħda li tiddomina b’saħħa.  Tiddomina sforz is-saħħa ekonomika u d-dominanza diretta u indiretta ta’ diversi mezzi.  B’dan, xorta, il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jwassal il-vuċi tiegħu.  Xorta rnexxilu jkun effettiv bl-użu tar-raġuni.  Irnexxilu juri li l-istampa sabiħa li kien qed ipinġi l-Gvern, fir-realtà teżisti biss għal ftit.

Ir-reazzjonijiet jikxfu

3.    Għal dak li kien qed jgħid il-Partit Nazzjonalista ma kienx hemm tweġibiet loġiċi.  Il-fatt li nqabdu diversi temi, anzi, urew preparazzjoni fuq naħa tal-Oppożizzjoni.  Meta tkellimna fuq il-ħajja, fuq l-ambjent, fuq is-saħħa, fuq il-kwistjoni tat-taxxa, fuq id-demokrazija, fuq l-indafa politika, il-Gvern kien nieqes minn argumenti tajba.  Ġie dahru mal-ħajt diversi drabi.  Daħal f’dak li akkużana bih, paniku politiku, meta sab ruħu f’pożizzjoni fejn l-Oppożizzjoni qed tkun ċara, mentri l-Gvern le.

Id-dibattiti

4.    Kien kapitolu frisk f’sistema politika tajba li erġajna rajna liż-żewġ mexxejja tal-partiti jiddibattu wiċċ imb’wiċċ .  Mhux il-bogħod minn xulxin, imma quddiem.  Dan serva sabiex ġieb klima awqa, iktar kalma, fejn min segwa seta’ jifhem l-argumenti.  Seta’, mingħajr vantaġġ għal ħadd jgħarbel, u seta’ jara direttament kif kap jew ieħor kien qed iġib ruħu.  Kien tajjeb li seħħ darbtejn, kien jimmerita li jsir it-tielet darba fil-programm ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa li seta’ jiġi segwit aktar.  Il-Kap tal-Oppożizzjoni rnexxielu jwassal ħafna messaġġi.  Irnexxielu wkoll iġib lill-Prim Ministru fil-bżonn li jiddibatti u jmur għal eżerċizzju politiku li kien dara joqgħod ‘il bogħod minnu.

X’sistema politika?

5.    Jista’ jkun li ma kellux l-effett li wieħed jista’ jaħseb li kellu jseħħ meta fl-aħħar ġimgħa rajna wiċċ il-Prim Ministru ma’ pajjiżna.  Litteralment, ma’ kull kantuniera kien hemm l-istess immaġini.  Dikjarazzjoni sempliċi f’appell wieħed sabiex wieħed jerġa’ jkun miegħu ġiet pass lura għax diversi impressjonaw rwieħom.  L-ewwel li nħass il-“bżonn” elettorali li tippersonalizza.  It-tieni, li bih riedu jitneħħew l-argumenti li kienu qed isiru, u allura ġġib il-vot fuq jekk tarax “isbaħ” mexxej jew ieħor.  It-tielet, fil-fatt li ma kienx komdu jkollu la ministri, la deputati u wisq inqas kandidati ħdejh fir-ritratt.

Demokrazija, oligarkija u tirannija

6.    L-iktar, però, jibqa’ l-messaġġ li numru ta’ nies stqarrew: dak li l-poter qiegħed ikollu f’idejh.  Dan huwa minnu fir-realtà, imma li tikxfu waqt li qed tiġi kritikat fuq hekk jista’ jkun li ma kienx proprju pass f’postu.  Iktar u iktar meta qed issir kritika fil-Kunsill tal-Ewropa li qed innaqqsu mid-demokrazija, anzi dħalna lejn l-oligarkija u li qed immissu mat-tirannija.  Ħafna ħassew ir-riħ iseħħ ta’ dak li kitbu diversi dwar persuni f’soċjetà li jiddominaw billi jsiru “big brother”.  Beda jimmaterjalizza ruħu.  Pożizzjoni inaċċettabbli, ċertament għalina, imma li ser iġġib kritika u nuqqas ta’ kredtu.

Il-linji huma rqaq

7.    Il-linja bejn tmexxija u oħra taf tkun verament żgħira.  Kollox jiddependi mill-bniedem li jkollu l-poter fdat f’idejh.  Nistgħu nżidu fil-paġni tal-liġijiet tagħna.  Nistgħu niktbu kapitoli ġodda, imma l-verità hija li s-sistema tiddependi mill-ispirtu demokratiku fil-bniedem.

Il-Kap tagħna

8.    Ċertament, f’dan, kredtu jrid jingħata lill-Kap tal-Partit, Dr Adrian Delia.  Daħal fl-iktar mument diffiċli u kumplikat tal-ħajja tal-Partit Nazzjonalista.  Ħa fuqu partit li kien tilef ħafna elettoralment.  Ħa fuqu partit li kellu diffikultà biex jifhem dak li jrid, u fejn irid imur, il-poplu.  Għalkemm ġej minn barra x-xenarju, f’dawn l-aħħar għoxrin xahar fehem ferm iktar x’irid isir.  Fehem xi tfisser il-politika u żamm sod, minkejja l-attakki nġusti li sarulu.  Ma qatax qalbu u baqa’ għaddej, jaħdem u jistinka.  Ma naħsibx li kien ser ikun hemm xi persuna oħra li jidħol b’tant determinazzjoni u kuraġġ biex jibdel għas-sewwa.

Il-kandidati tagħna

9.    Miegħu ngħaqdu diversi kandidati, sija għall-Parlament Ewropew, kif ukoll għall-Kunsilli Lokali.  Rajna entużjażmu u ġenerożità kbira.  Kampanja tajba ħafna minn kull wieħed minnhom.  Bnedmin li telqu kollox f’kampanja elettorali diffiċli ħafna.  Għandna nirreġistraw li ħadmu ħafna.  Għandna nirreġistraw li wrew li l-Partit Nazzjonalista għadu mimli b’persuni b’ideat u li kapaċi jidħlu għal dibattiti bi kritika effettiva.  Ċertament grazzi kbira għalihom.

Ir-riżultati attwali

10.  X’ser ikun ir-riżultat f’dan l-appuntament ma nafux bil-preċiż.  Nafu li l-partit fil-Gvern ser ikollu l-vantaħġġ fih.  Ser ikollu l-iktar siġġijiet u l-iktar voti.  Ikun xi jkun fin-numri, dan ir-riżultat xorta waħda m’għandux jaqtagħlna qalbna biex nieqfu mill-ħidma politika tagħna.  Irnexxielna ferm iktar aħjar milli ħaddieħor seta’ jaħseb.  Irnexxielna nibnu strutturi li qed iħarsu lejn l-elezzjoni ġenerali li ġejja.  Dik hija l-mira finali u dikjarata tagħna.  Hemm, f’dak il-mument, is-sitwazzjoni, il-kuntest politiku ser ikun ċertament differenti.  Proprju għalhekk li mhux ser naqtgħu qalbna.

     

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...