16.5.19

L-isfidi futuri

 
1.    Ma hemmx dubju li din il-kampanja elettorali qed issir fi sfond kompletament differenti.  Għalkemm ċertament iktar ma naslu viċin jista’ jkollna diskors mhux proprju preċiż, f’postu jew ħaġa waħda mal-verità, hemm pożizzjoni ġdida.  Mertu tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Adrian Delia, hawn linja differenti ta’ kif wieħed jersaq lejn il-politika u kif jaffronta ideat differentement.  Kien pass tajjeb li ż-żewġ mexxejja tal-partiti l-kbar iddibattew pubblikament.  Kien daqshekk ieħor li sar fil-kalma u f’sitwazzjoni fejn wieħed seta’ jispjega u juri l-pożizzjoni politika tiegħu.  Il-kummenti fil-pajjiż f’dawn l-aħħar jiem kienu ta’ kredtu għal dan l-eżerċizzju ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet.



Pass ieħor ‘il quddiem



2.    Dawn l-elezzjonijiet, fir-realtà qed jaffermaw iktar il-linja politika li l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista qiegħed jieħu.  Għal min isegwi dan is-settur uman jagħraf li l-mexxejja jsiru, jissawru u jitbasktu.  Ikollhom elementi interni, talenti partikolari, imma wara huma ċ-ċirkostanzi tal-ħajja li jsonnuhom.  Dawn l-aħħar xhur, minn meta daħal fir-responsabbiltajiet li għandu, it-triq ma kenitx fit-tajjar.  Kienet mimlija sfidi.  Waħda wara l-oħra.  Tgħallem iktar fihom.  Għaraf iktar dak li hemm bżonn isir.  Għaraf iktar kif inhija l-politika illum f’pajjiżna, u f’liema direzzjoni hemm bżonn li tittieħed biex isservi aħjar għall-poplu kollu.  Mhux għal ftit persuni jew allejanza ta’ dawk li jinsabu tajjeb, imma lejn waħda popolari.



Inħarsu fit-tul



3.    Dak li qiegħed isir mhuwiex wieħed iżolat jew limitat.  Huwa, anzi, parti sħiħa minn strateġija li tħares fit-tul.  Dak li qiegħed jingħad fil-kampanja elettorali Ewropea mhux ser jibdel il-Gvern tal-ġurnata, imma qiegħed jibgħat direttament il-punti li fuqhom ser inkomplu nibnu.  Kull jum, il-Kap tal-Partit qiegħed jindirizza suġġetti li huma rilevanti ħafna għall-Parlament Ewropew, imma huma daqshekk ieħor għall-pajjiż tagħna.  F’soċjetà fejn ir-realtà hija li l-Gvern tal-ġurnata għandu f’idejh kważi l-monopolju tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista nagħrfu li jieħu iktar ħin biex jasal.  Fil-fatt, l-ikbar kumplikazzjoni għall-Partit mhix fis-sens u s-sustanza tal-ideat, tal-proposti tal-pożizzjonijiet politiċi, imma biex dawn jaslu direttament għand il-votant.



Proposti u ideat



4.    Nifhmu li huwa iktar faċli li tieħu t-triq politika li tgħid lill-poplu biex iħares lejn dan l-appuntament elettorali fid-dimensjoni ta’ għażla sempliċi ta’ liema mexxej politiku jridu li jkompli jmexxi ‘l-pajjiż.  Nifhmu li, għall-partit fil-Gvern, din hija l-aqwa u l-iqsar.  Ma hemmx bżonn proposti ġodda.  Ma hemmx bżonn li wieħed iċaqlaq l-aġenda nazzjonali minn dik li ġiet issiġillata fl-aħħar elezzjoni ġenerali.  Biss, din fiha żewġ konsegwenzi.  L-ewwel: trid iġġib lill-mexxejja jiddibattu.  U hemm, kif rajna, kien hemm bidla determinanti.  Adrian Delia, b’dan inqala’ min-niċċa dispreġjattiva li wħud fil-Partit Soċjalista ilhom jippruvaw jibnulu.  L-opinjoni komuni u ġenerali kienet, anzi, pożittiva.  Dik il-linja tal-kampanja, hawn falliet.  It-tieni: li ma tistax titkellem fuq x’ser twettaq fl-ispeċifiku, imma f’linja ġenerai.  B’diskors li jista’ jfisser ħafna u jibgħat messaġġi differenti lil diversi mingħajr ma neċessarjament tkun ċar u dirett.



Problemi tal-Gvern



5.    Dawn huma problemi tal-Gvern tal-ġurnata.  Jagħraf minn dak li sa issa qed naraw li qed jiġu użati mal-ħajt kliem li ħafna kellhom ukoll imorru jfittxuhom fid-dizzjunarju biex jifhmuhom.  Negattività, għaqda, aspirazzjonijiet huma mixħuta hemm, imma huma f’dan il-mument partikolari barra mill-kuntest.  Nifhmu, għal partit li jħossu daqshekk b’saħħtu elettoralment, li ma jarax skont l-istħarriġ tiegħu l-bżonn li jipprova jgħid iktar.  Daħlet ma’ dan ukoll forma ta’ letarġija politika.  F’dan, però, irid jingħad li jidher iktar evidenti li l-polz tal-poplu qed jintmiss minn dak li qiegħed jgħid il-Partit Nazzjonalista.  L-ambjent, it-traffiku, il-korruzzjoni, il-protezzjoni tal-ħajja qed jibgħatu u jolqtu f’moħħ dawk li qed jaraw li qed jifhem x’inhuma l-problemi veri tal-pajjiż, u għalhekk fejn trid issir il-ħidma nazzjonali.



The Gathering Storm?



6.    Jista’ jkun f’dan li oġġettivament wieħed iħares lejn din in-nuqqas ta’ ħajra bħala l-konsegwenza ċara ta’ dak li ser iseħħ fil-Partit Soċjalista.  Dak li qed jingħad minnhom stess, mhux ivvintat minn ħaddieħor.  Min ser jidħol għar-responsabbiltà politika wara l-mexxej tal-lum huwa parti mill-fatturi li kull min jimmilita fil-politika jagħraf.  Ser ikun hemm tibdiliet f’direzzjoni jew oħra, jew kollox ser jibqa’ l-istess?  Din id-domanda qed tinfluwenza għax ftit jistgħu jagħtu tweġiba ċerta għaliha.



Jibqa’ l-fatt



7.    Jibqa’ f’dan il-fatt li din il-kampanja politika qed issir f’ċirkostanzi iktar ċivilizzati.  Qed issir f’kuntest partikolari.  Imma fiha qed naraw proċess ta’ bidla.  Wieħed li minnu l-Partit fl-oppożizzjoni qiegħed jibgħat tama ċara, mhux ġenerali, għall-futur ta’ dan il-pajjiż.  Wieħed li qiegħed jirnexxilu jispira aktar bnedmin jifhmu li l-affarijiet jistgħu jsiru aħjar.  Li l-ekonomija tista’ titmexxa differenti.  Li m’għandhiex bżonn il-korruzzjoni biex tikber.  Li tista’ titħaddem b’aktar ġustizzja soċjali.  Waħda li tħares li tagħti futur aqwa lis-soċjetà kollha, mhux lil ftit privileġġjati.








No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...