27.5.19

Il-proċess legali ta’ Sidna Ġesù Kristu




1.    Ir-rakkont tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu huwa ċertament is-suġġett ta’ diversi testi miktuba minn awturi varji.  Kull wieħed, ġej minn liema sfond kulturali u reliġjuż, jintilef jiddibatti dak li seħħ elfejn sena ilu.  Tiskanta, forsi, l-iktar meta tiltaqa’ ma’ bnedmin li mhumiex neċessarjament Insara, jew teoloġi, jew avukati, x’jaħsbu u x’jgħidu.  Hemm varjetà ta’ filosfi u ġuristi li jittrattaw fil-fond, u li biex iwettqu dan jidħlu f’riċerka partikolari ħafna.

2.    F’dan, ftit snin ilu, wara li kont ġejt introdott għal Giorgio Agamben, li jonqosni naqra ħafna iktar minn kitbietu, kont ordnajt u qrajt librett tiegħu bit-titolu ‘Pilato e Gesù’.  Agamben huwa filosfu intelliġenti ħafna, forsi l-iktar magħruf għall-ktieb tiegħu ‘Homo Sacer’.

3.    Din il-kitba ġibditni, sija għax insegwi b’ċertu attenzjoni l-proċess legali fil-konfront ta’ Sidna Ġesù Kristu, sija wkoll għax intlabt xi drabi biex niddiskuti pubblikament dan is-suġġett.  Nammetti li sibt dan il-librett verament sabiħ.  Mhuwiex fit-tul, imma jista’ jservi għal dawk li jew sejrin irtir, jew inkella li m’għandhomx ħin għad-dispożizzjoni tagħhom.

Żewġ uċuħ ta’ Pilatu

4.    Il-ktejjeb, li fih 67 paġna, jitlaq minn aspett storiku ta’ dan il-proċess.  L-ewwel jidħol fir-riċerka ta’ kitba li mhix daqshekk soda.  Jiddiskuti żewġ faċċati li ġew trasmessi fil-kelma li tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra.  L-awtur iħares lejn żewġ aspetti ‘leġġendarji’.  Dan fis-sens li jaqbad l-ewwel dak marbut mal-allegata konverżjoni għall-Kristjaneżmu ta’ Pilatu.  Fil-proċess jiġi identifikat dan għax il-Gvernatur u l-mara jidhru li qegħdin fit-triq li jirrikonoxxu li Sidna Ġesù huwa innoċenti u ma għandux ħtija, u jikkonvertu.  Fuq l-oħra, il-ħażen ta’ Pilatu, dak li kkundanna u li ġie msejjaħ minn Tiberju l-Imperatur biex jagħti kont tal-għemil żbaljat tiegħu.  Jiġi kkundannat, imma l-kitba tgħid li ebda xmara jew art ma trid taċċetta ġismu.

‘Cognitio extra ordinem’

5.    Wara nsibu l-proċess legali analizzat f’iktar dettall.  F’seba’ partijiet jinqasam il-ġudizzju tal-Prefett tal-Ġudea, ‘l hekk imsejjaħ “Krisis”.  Il-proċedura prattikata f’dak iż-żmien fil-kamp tad-dritt penali Ruman, u ċioè Cognitio extra ordinem, fejn min jippresjedi jrid l-ewwel jistaqsi lill-akkużat, sabiex mit-tweġibiet jifformola att ta’ akkuża u wara jipproċedi u jiġġudika.  Il-kitba hija hawn sabiħa, spjegattiva, interessanti ħafna u tiddependi fuq il-Vanġelu skont San Ġwann.

6.    Agamben, għalkemm mhux ġurista, jsib ruħu maqsum dwar il-validità tal-proċess legali mingħajr ma jieħu pożizzjoni personali.  Bejn dak li jgħid Salvatore Satta, li jindika li dan huwa “mistero”, però m’għandux mil-liġi.  Jew ta’ Giovanni Rosadi, li jgħid: “Gesù di Nazareth non fu condannato, ma ucciso; il suo sacrificio non fu una ingiustizia, fuq un omicidio”.  Inkella dik ta’ Pietro De Francisci, li jgħid li l-proċess ġie korrettement segwit.  Opinjoni li aktar ma naqra, iktar naqbel magħha.

7.    Il-ġudizzju legali jidħol f’inkwadratura iktar qawwija meta jispjega fi kliem Sengler Oswald: “Quando Gesù viene portato a Pilato, due mondi stanno immediatamente e inconciliabilmente di fronte: quello dei fatti e quello delle verità e con tanta spaventosa chiarezza come mai altrove nella storia del mondo.  Ed è il mondo dei fatti che deve giudicare quello della verità, il regno temporale che deve pronunciare un giudizio sul Regno eterno.”

8.    Personaġġi f’din ix-xena riportata fl-isfond tad-differenzi fl-erba’ Vanġeli b’iktar dettall f’dak ta’ San Ġwann, fejn il-pożizzjoni ta’ Pilatu bħala dak li sal-aħħar jiddikjara lil Sidna Ġesù Kristu innoċenti diversi drabi tiġi minnu hekk deskritta: “Il canone ermeneutico cui ci atterremo è invece, che solo in quanto personaggio storico Pilato svolge la sua funzione teologica, e viceversa, che egli è un personaggio storico solo in quanto svolge una funzione teologica.”  FejnPersonaggio storico e persona teologica, processo giuridico e crisi escatologica coincidono senza residui e solo in questa coincidenza solo nel loro “cadere insieme” essi trovano la loro verita.  Għax jiġu f’daqqa.  Għax jinġabru tajjeb li jiġu iktar aċċettati u interpretati.

Sentenza jew konsenja

9.    B’dettalji interessanti u ċioè jekk Sidna Ġesù Kristu ġie sentenzjat, ġudikat minn Pilatu, jew inkella “konsenjat”, mgħoddi mingħajr sentenza.  Fejn jingħad: “Non è nemmeno chiaro chi giudichi se il Giudice legalmente investito dal potere terreno o il Giudice per schermo (Kristu mlibbes il-porpora u mżeblah).  Che rappresenta il Regno che non è di questo mondo.  È possibile, anzi, che nessuno dei due pronunci veramente un giudizio.”

10.  Il-kwistjoni tal-konsenja lil-Lhud turi iktar profondità fil-ħsieb u riflessjoni tal-awtur.  L-ewwel: proċess li m’għandux ġudizzju, sentenza finali.  It-tieni: l-effett ta’ piena esegwita mingħajr ma ġiet inflitta.  It-tielet: il-qtil li jseħħ, mhux skont id-dritt, imma fil-verità huwa responsabbiltà diretta ta’ dawk il-Lhud li nġabru.  Ir-raba’, għalhekk, il-konsegwenza hija li mhix deċiżjoni Rumana waħedha, imma waħda li hija esegwita konġuntement.  Kif jgħid l-awtur: “qui tuttavia nulla appare a un processo senza giudizio segue una pena capitale senza condanna.”

11.  Huwa ktejjeb mill-isbaħ, interessanti u li jimmerita l-attenzjoni tagħkom.





No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...