5.5.13

Verità u illużjoni.




1.             L-għażliet fil-ħajja politika huma, ħafna drabi, diffiċli.  Diversi kunsilliera, tul dawn il-ġimgħat, kienu bejn ħalltejn lil min, mill-erba’ kandidati li b’ġenerożità resqu ‘l quddiem, sejrin jivvutaw.  Jum wara jum smajt argumenti varji.  Rajt nies deċiżi b’mod, li wara, bidlu fehemthom.  Ħafna ħassewhom f’diffikultà kbira għax hemm imħabba kbira għal dan il-partit li aħna lkoll parti minnu.  Smajt min ried li ma ddeċidejniex daqshekk malajr.  Dawk li riedu li jkollhom aktar ħin biex jaħsbu u jgħarblu sewwa.  Nafu lkoll li l-kunsilliera huma bnedmin li ma jitmexxewx fejn ma jridux.  Iridu jkunu ċerti minn dak li sejrin jagħmlu.  Iridu kap li jmexxi tajjeb u jikseb, l-ewwel,  il-fiduċja sħiħa tagħhom u wara jibda t-triq lejn is-servizz li l-elettorat jagħżel minnu.

2.             Hemm sejħa kbira minn fost il-membri tal-partit sabiex nimxu ‘l quddiem b’għaqal u mhux b’għaġġla.  Li nħarsu ‘l quddiem biex nibnu sewwa fuq il-valuri demokratiċi nsara tagħna.  Diversi ħassew li, hu min hu li sejjer jiġi nkurunat kap, irid iżomm lilu nnifsu ankrat mal-fatt li aħna partit demokristjan.  M’aħniex bnedmin li għandna għamad fuqna li ma nifhmux u ma nirraġunawx, imma li għażilna fil-libertà assoluta tagħna li nimmilitaw f’partit għax għandu prinċipju.  Ħafna telqu ħajja differenti biex jiddedikaw l-enerġija u l-isforzi tagħhom biex iwettqu s-sewwa permezz tal-partit politiku.  Hemm għażla ċara.

3.             Jekk ma nkunux kapaċi nidentifikaw lilna nfusna, ħaddieħor sejjer iċekkinna.  Jekk aħna m’aħniex kapaċi ngħarfu li, mingħajr dak li aħna, sejrin naqbdu triq fid-deżert.  Waħda li ż-żmien jgħidilna meta noħorġu minnu.  L-elettorat tagħna jfittex is-sustanza, ifittex il-verità u min jidħaq bih darba ma jkunx lest li jerġa’ jafdah.  Hemm ħafna studji fuq il-perċezzjoni, fuq l-illużjoni li tista’ tuża biex tidħak bil-poplu.  Biss dawn, fl-aħħar tal-ġurnata, jsarrfu f’reazzjonijiet varji u kontro-indikattivi.  Il-pajjiż irid dejjem iktar verità u inqas purċinellati, pożi jew daħk fil-wiċċ.  Jekk aħna m’aħniex kapaċi nkunu dak li aħna, allura għandna problema aħna stess u l-elettorat tagħna.

4.             Ngħid iktar dan għax għalkemm għaddew kważi xahrejn mill-elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista diġà qiegħed jitlef mill-kunsens li ħadem għalih.  L-għażliet li qed isiru f’bordijiet varji m’humiex jinżlu tajjeb ma’ diversi.  Anzi, saru s-suġġett taz-zekzik u l-għidut ta’ kuljum.  Għax ma’ kull ġurnata nibdewha b’min issa laħaq hemm u min laħaq hawn u iktar ta’ min irid jilħaq ‘l hemm u ‘l hawn.  Tisma’ stejjer varji ta’ min ried ħaġa u ħa oħra, u min baqa’ b’xiber imnieħer.  Hemm ġirja interessanti li minnha l-pajjiż qed jifforma l-opinjoni li semgħu diska fl-elezzjoni ġenerali li ma qalitx il-verità.

5.             Il-Partit Nazzjonalista tilef l-elezzjoni ġenerali u għalkemm hemm min qiegħed jara ħafna dlam, fir-realtà dan m’huwiex minnu.  Diversi imma għandhom il-ħeġġa u d-determinazzjoni biex nimxu ‘l quddiem.  Mhux l-ewwel darba li konna fl-Oppożizzjoni, anzi għandna l-konfort li l-aħħar darba li konna hemm domna biss ftit xhur.  Ħafna persuni lesti jagħtu l-impenn tagħhom magħna sabiex nerġgħu nibnu programm ta’ ħidma biex, l-ewwel, nissudaw l-oppożizzjoni parlamentari; u t-tieni, nsarrfu lilna nfusna fi strumenti ta’ bidla għall-aħjar fil-ħajja soċjo-ekonomika ta’ pajjiżna.  Jilħaq min jilħaq kap tal-partit, m’għandix dubju li ser jagħraf dan.  Ser jagħraf li l-politika li rebħet kienet dik li bbażat ruħha fuq il-verità u mhux fuq l-illużjoni.  Fuq dik li twettaq il-ġid lill-bniedem u mhux li ċċekknu.

3.5.13

Lejn l-Ewwel ta’ Mejju.



1.         Tul l-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena għamilna sewwa li ġbidna l-attenzjoni tal-pajjiż lejn l-importanza tax-xogħol.  Fl-aħħar leġislatura żammejna l-ħolqien ta’ postijiet ġodda u, fl-istess ħin, l-istabilità ta’ dawk li kellna.  Ngħid li, f’ħafna, irnexxielna.  Kienu x’kienu s-suċċessi tagħna, dawn illum tilfu mill-importanza politika tagħhom u saru parti mill-istorja soċjali u ekonomika tagħna.  Il-mument huwa wieħed ta’ ħsieb, riflessjoni u preparazzjoni.  Anzi issa iktar li sejrin lejn dan il-jum għandna nduru madwarna u fuqna nfusna sabiex neżaminaw ħidmietna.

2.         Ħidma passata titlob li narawha bi spirtu ta’ awto-kritika b’saħħitha u kostruttiva, kif tesiġi dik li għandna nidħlu għaliha fis-snin li ġejjin.  Irridu naraw x’pożizzjonijiet sejrin nieħdu.  Irridu nidħlu iktar fil-fond sabiex nifhmu li s-soċjetà tagħna timxi ‘l quddiem jew lura skont kemm hija taffronta b’serjetà u intelliġenza s-suġġett tax-xogħol u tad-dinjità tal-bniedem.  Il-valuri demokristjani tagħna mexxewna fit-triq it-tajba li nibdnu soċjetà interklassista u popolari li tara x-xogħol bħala l-ġebla tax-xewka tagħha.

3.         Irridu nistaqsu x’tip ta’ xogħol ħloqna, kemm konna kapaċi niftħu l-bibien għal setturi ġodda u jekk kemm-il darba iffukajniex fuq dak kollu li din il-linja titlob.  Tkellimna diversi drabi fil-kampanja fuq iktar postijiet tax-xogħol, biss ma nafx kemm in-nies kienu impressjonati b’dan.  Fil-laqgħat man-nies, il-kordi ma kienux idoqqu fuq din il-melodija.  Anzi, min ma kellux xogħol, kien iħares lejna bħala dawk li tajna lill-oħrajn u min kellu kundizzjonijiet xejn tajba li konna qegħdin ngħalqu għajn u ma nagħtux prijorità.

4.         M’aħniex il-partit fil-Gvern, qegħdin fl-Oppożizzjoni.  Biss, dan ma jfissirx li m’għandniex sehem u responsabbiltà x’nagħtu.  Hemm fis-soċjetà ħaddiema li m’humiex stmati, li tilfu jew ser jitilfu l-post tax-xogħol tagħhom li ser iduru fuqna għal direzzjoni.  Jekk fil-ħames snin li għaddew, il-kwistjoni tax-xogħol kienet f’ċerti termini relattiva, f’dawn li ġejjin ser issir biċċa biċċa ċentrali.  Dan ser jitlob mingħandna li nibnu fi ħdanna l-linja li permezz tagħha nħarsu ‘l quddiem.

5.         Id-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea proprju fl-istess jum iżid id-doża tar-responsabbiltà ta’ din il-linja ta’ ħidma politika.  Iżżid, għax bl-Unjoni nbidlu ħafna kunċetti antiki tad-dinja tax-xogħol, u fl-istess ħin infetħu opportunitajiet li qabel ma kellniex.  Kemm, f’dawn is-snin li aħna membri, irnexxielna nifhmu l-impatt, l-effett ta’ dan kollu rridu niddiskutuh mas-soċjetà ċivili, mal-ħaddiema u ma’ dawk li lesti jgħinuna.  Irridu naraw kemm pajjiżna daħħal tajjeb ir-regoli tal-Unjoni li jgħinu lill-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol u, fl-istess ħin, naraw x’ser tkun għada pitgħada il-pożizzjoni tagħna fl-istess Unjoni.

6.         Iktar ta’ sfida għal din is-soċjetà hija l-pożizzjoni tal-mara fid-dinja tax-xogħol.  Il-messaġġi varji li ħarġu tul il-kampanja taż-żewġ partiti ma nafx sewwasew x’effett verament kellna mal-elettorat femminili.  Dak li ser jiġi deċiż f’din il-leġislatura ser ikollu impatt dirett fuq il-familja u fuq kif inħarsu lejha fis-soċjetà.  Ngħid dan kollu għax dan il-jum jibqa’, l-ewwel, għal diversi dak li jorbotna sew max-xogħol u l-bżonn tiegħu għal kull persuna.  Biss, jidher ċar li minn dak li sar f’dawn il-jiem, ma rajniex il-passi neċessarji mill-Gvern sabiex il-proċess ta’ kuntrast għall-qagħad iseħħ.  Dan jitlob mingħandna li nkunu iktar preparati u, fl-istess ħin, proattivi f’ħidmietna.  Il-Partit Nazzjonalista huwa dak li, meta kien fl-Gvern, kien kapaċi joħloq ix-xogħol.  Biss, biex jibqa’ b’dik l-abbiltà, irid jibqa’ preparat u ffurmat tajjeb.  Dak hu li beħsiebna nagħmlu.

Diskors fid-Dibattitu dwar il-Budget.



Sur President, l-ewwel nett, minn qalbi nawgura lill-Ministru l-ġdid tal-Ġustizzja u l-Intern. Kif qal il-kollega tiegħi l-Onor. Beppe Fenech Adami, il-Labour Party għażel li jżomm il-ġustizzja u l-intern taħt l-istess dekasteru u dak, għalina, huwa kumpliment indirett li jikkonferma li meta konna qegħdin immexxu dan il-ministeru f’daqqa, l-affarijiet irnexxew u mxew ‘il quddiem. 
Ministeru Mega.
M’hemmx dubju li dan huwa Ministeru mega, aircraft carrier ta’ affarijiet fejn fih l-Armata, ir-Reġistru Pubbliku, il-Public Broadcasting Services, l-intern kollu, il-ġustizzja u l-immigrazzjoni. Dan huwa Ministeru li jrid ħafna attenzjoni fit-tmexxija tiegħu u jien nawgura li l-Ministru ma jitlaqx jiġri biex jipprova jagħmel l-affarijiet ta’ malajr mingħajr ma jkollu spjegazzjoni tajba u ċara ta’ dak kollu li kien qed isir fis-setturi partikolari tal-istess ministeru.  Wara li jisma’ u jara dak kollu li kien qed jiġi ppreparat u dak kollu li kien għaddej, imbagħad ħalli jidħol għar-riformi ġodda u l-affarijiet li jixtieq hu. 
Gustizzja u Intern Determinanti.
Il-ġustizzja u l-intern huma determinanti għal pajjiż, huma ankra għal pajjiż u, għalkemm fin-nomenklatura tal-Ministeru tneħħiet il-ġustizzja u qisu l-ġustizzja m’għadhiex teżisti, nawgura li iktar ‘il quddiem dan il-Ministeru jinbidillu ismu u jerġa’ jiġi lura bl-isem tal-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern.  Nittama wkoll li dan il-Ministeru jimxi ‘l quddiem, jaħdem u jibni fuq dak kollu li ħallejna warajna.  Nawgura wkoll li l-miżuri legali li għamilna bħall-ittri uffiċjali eżekuttivi, bħaċ-Ċentru tal-Medjazzjoni, bħat-tisħiħ taċ-Ċentru tal-Arbitraġġ, it-Tribunal Amministrattiv u d-diversi emendi li għamilna għal mandati eżekuttivi u kawtelatorji kif ukoll għax-xogħol li għamilna fil-Qorti tal-Familja ikomplu jiġu ssodati u mmexxija ‘l quddiem. Żgur mhux forsi li f’kull settur tista’ tagħmel ħafna fine tuning, però l-linja prinċipali għandha tkun li wieħed iħares u jiffoka lejn is-setturi varji fil-ġustizzja u jagħmel rimedji speċifiċi għall-problemi partikolari li hemm. Ħadd m’hu se jsib rimedju wieħed li jgħodd għas-setturi kollha fil-ġustizzja, u jkun żbaljat min jaħseb li hemm xi ħadd li għandu bakketta maġika biex il-kawżi kollha jinqatgħu fi żmien partikolari, biex kollox isir malajr u biex ma jkunx hemm dewmien.
Riforma fil-ligi Dwar d-Danni.
Nawgura li l-kumitat li ġie mwaqqaf mill-Ministru Mallia u mis-Segretarju Parlamentari tiegħu l-Onor. Owen Bonnici jiġi b’numru ta’ punti li fuqhom wieħed ikun jista’ jiddiskuti u jimxi ‘l quddiem. Dan huwa fl-istess linja li konna għamilna fl-2003 meta konna fassalna l-White Paper “Lejn Ġustizzja Aħjar u Eħfef” li fiha konna għamilna kwantità kbira ta’ suġġerimenti ta’ riformi li minnhom stajna nieħdu ħafna passi ‘l quddiem.  Nappella biex abbozz ta’ liġi, li sfortunatament baqa’ mdendel fl-aħħar leġiżlatura, dak marbut mar-riforma tal-kawżi ċivili fid-danni, iseħħ u jsir aħjar. Kien hemm nuqqas ta’ qbil fil-Kamra, kultant ngħid li ma kienx ġustifikat biżżejjed, però rrid niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li bejn wieħed u ieħor terz tal-kawżi li jidħlu l-qorti huma kawżi marbuta mad-danni ċivili naxxenti minn inċidenti ta’ traffiku jew minn inċidenti industrijali.  Jekk ikun hemm sistema legali aħjar li ddaħħal id-danni morali u tagħmel id-danni iktar preċiżi, il-kawżi jkunu jistgħu jinqatgħu ferm iktar malajr u wkoll tneħħi l-inċertezza li kawża tinqata’ mod u kawża oħra tinqata’ mod ieħor. B’dan il-mod ikollna riduzzjoni tajba tal-kawżi li hemm pendenti. 
Il-Qorti Nbidlet ghall-Ahjar.
Irrid infakkar li l-qorti inbidlet ta’ taħt fuq minn kif kienet meta dħalt jien bħala Segretarju Parlamentari sakemm imbagħad dħalt bħala Ministru u saħansitra sal-lum.  Għalkemm il-volum tax-xoghol baqa’ jidħol kważi l-istess, jekk mhux żied b’mod qawwi permezz tal-ittri uffiċjali eżekuttivi u permezz tal-arbitraġġi, il-backlog tal-kawżi fil-qorti naqas b’iktar minn 60%. Mhux biss, imma naqas ukoll id-dewmien li l-kawżi jieħdu. Fil-fatt, illum, il-maġġoranza tal-kawżi li hemm pendenti fil-qorti huma ta’ inqas minn tliet snin u allura nagħmel appell b’mod partikolari lill-Ministru u lis-Segretarju Parlamentari, li jieħdu ħsieb li jaraw l-affarijiet fid-dettall u ma jitilqux jiġru jagħmlu miżuri li fl-aħħar tal-ġurnata minflok jagħmlu ġid, jagħmlu ħsara. L-esperjenza politika tiegħi wrietni li meta wieħed jiġri fis-settur tal-ġustizzja, minflok l-affarijiet jimxu ‘l quddiem, isib li l-affarijiet jinżammu lura.
R-Riforma tal-Gustizzja Riparatrici.
L-istess appell tiegħi jmur għar-rigward ir-riforma tal-ġustizzja riparatriċi.  Il-ġustizzja riparatriċi hija waħda miż-żwiemel tal-battalja li għamilna fl-aħħar leġiżlatura li sfortunatament ġiet ikkritikata fil-Parlament b’mod miskin u kien hemm ħafna kritika bla sens biex wieħed jipprova jwaqqagħha għaċ-ċajt u jipprova jkissrilha l-kredibilità tagħha. Jiena nittama li l-Ministru responsabbli mill-intern jieħu ħsieb li r-riforma tal-ġustizzja riparatriċi tkompli timxi ‘l quddiem u tagħmel il-passi neċessarji tagħha. Infakkar li għamilna dipartiment ġdid tal-Probation and Parole, għamilna s-sistema legali b’mod li kull persuna li tidħol fil-faċilità, tingħata care plan u timxi fuq dik il-care plan biex tiġi verament riformata. L-importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità hija dejjem determinanti li persuni li jidħlu fil-faċilità ma jerġgħux jidħlu. Dan jista’ jiġi assigurat billi wieħed ikun jista’ joffri toroq ġodda, u dik il-liġi hija mimlija opportunitajiet.
Rapporti dwar il-hidma li saret.
Nistieden lill-Ministru wkoll li qabel jagħmel xi ħaġa fuq dan is-settur, jitlob id-diversi rapporti li saru tul dawn l-aħħar ħames snin li fihom dħalna fid-dettall dwar x’għandna bżonn fl-istituzzjonijiet, x’għandna bżonn fis-settur amministrattiv u x’għandna bżonn nagħmlu fil-liġi sabiex inbiddlu l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Hemmhekk, żgur mhux forsi, huwa challenge għal kull ministru u ebda ministru f’ebda pajjiż li għandu fir-responsabilità tiegħu l-faċilitajiet korrettivi ma jista’ qatt jistrieħ, għax huwa settur li dejjem jaħraq.  Il-ġlieda kbira kontra l-kriminalità hija li lin-nies li hemm hemm ġew tagħtihom l-opportunità biex joħorġu minn hemm bħala persuni riformati u li jistgħu jidħlu lura fis-soċjetà. 
R-Riformi tal-Abbozz 97 ghandhom jidhlu fis-sehh.
Sur President, nixtieq ukoll insemmi diversi punti importanti marbuta mal-intern. Nagħmel appell lill-Ministru biex jara l-Abbozz Nru. 97 li fih kien hemm 140 punt ta’ riforma li sfortunatament, minħabba l-ħmerijeit li saru hawnhekk, bqajna m’għamilnihomx.  Hemmhekk hemm kwantità kbira ta’ affarijiet li hemm bżonn li jiġu mdaħħla sabiex il-pulizija jkollha għodod ġodda sabiex tiġġieled il-kriminalità kif ukoll biex wieħed ikun jista’ jgħin persuni li missew l-ewwel darba mal-liġi. 
Introduzzjoni tad-Drugs Courts.
Sur President, għalkemm għamilt diversi affarijiet li jien ferħan bihom u li għandi s-sodisfazzjon ta’ dak kollu li għamilt – anzi ngħid li meta spiċċajt minn ministru kelli s-sodisfazzjon li mmur il-qorti, niltaqa’ mad-diversi nies u jagħtuni informazzjoni fuq fejn waslu proġetti u x-xogħol u l-ġid li sar minn dik l-aħħar leġiżlatura – nixtieq nirriferi għal proġett li ħdimt fuqu għal erba’ snin imma li sfortunatament ma kellix l-opportunità li nagħmel.  Nitlob lill-Ministru responsabbli mill-intern biex, jekk jogħġbu, ma jabbandunax id-Drugs Court u ma jabbandunax il-mod ta’ kif għamilna l-liġi li tagħti l-fakultà lill-Avukat Ġenerali, fid-diskrezzjoni li diġà għandu llum, li first offenders fuq  drogi minflok jibgħathom il-qorti, jibgħathom quddiem kumitat biex jassistihom ħalli jkunu jistgħu joħorġu mill-vizzju tad-droga. Dan dejjem jekk verament ikunu għadhom kif bdew bil-vizzju tad-droga. U ngħid dan għax jista’ jkun li jkollok tfal li pejpu darba l-ħaxixa jew għamlu xi ħmerija darba u ma jkunux reġgħu għamlu din il-ħaġa. B’hekk taqta’ ċertu backlog ta’ kawżi li għandek il-qorti, tagħti l-opportunità li tikkonċentra aktar fuq it-traffikant tad-droga u jkollok l-uffiċjali li jħarsu b’iktar saħħa lejn it-traffikar tad-droga. Hemmhekk tagħmel differenza fil-piena bejn dak li huwa traffikant tad-droga u dak li huwa first offender fid-droga. 
Agreed Sentences.
F’dak l-Abbozz ta’ Liġi hemm kwantità kbira ta’ affarijiet li llum, iktar minn qatt qabel, hemm bżonn li jsiru.  Pereżempju, hemm l-agreed sentences, jiġifieri l-qorti, anke quddiem il-maġistrati, il-prosekuzzjoni u d-difiża, jistgħu jaqblu fuq sentenzi mogħtija.  Dik tippermettilek li toħroġ sentencing policy, taqta’ numru ta’ kawżi li ilhom pendenti żmien fil-qorti jistennew biex jinqatgħu fuq ħaġa u fuq oħra, u tagħmel riduzzjoni konsiderevoli tal-kawżi li hemm pendenti fil-qorti. 

Hemm ukoll kwestjonijiet marbuta mat-tfal.  Irrid ngħid b’mod partikolari li f’dak l-Abbozz ta’ Liġi konna neħħejna d-duttrina l-antika fuq il-ħażen tat-tfal ta’ ċerta età u għollejniha ‘l fuq biex nagħtu protezzjoni ikbar lit-tfal. Matul l-aħħar leġiżlatura kien ukoll żiemel tal-battalja tagħna li dħalna biex nagħtu protezzjoni ikbar lit-tfal f’diversi setturi, kemm fil-kamp ċivili kif ukoll fil-kamp kriminali. Hemm ukoll il-fruntiera ġdida tal-internet. 
Fruntiera tal-Internet.
Sur President, il-fruntiera l-ġdida tal-internet hija fruntiera li aħna ta’ ċerta ġenerazzjoni u ta’ ġenerazzjonijiet li hawn f’din il-Kamra, qegħdin ninqatgħu minnha.  Illum, tfal ta’ 15, 16 u 17-il sena qegħdin jiltaqgħu ma’ ċerti sitwazzjonijiet fuq l-internet u allura għandhom bżonn iktar attenzjoni u iktar protezzjoni. Infakkar li fl-Abbozz ta’ Liġi li semmejt konna erġajna żidna ċerti pieni marbuta mal-pornografija fuq l-internet u ma’ ċertu solleċitar fuq l-internet. Dik hija ġlieda importanti li nittama li l-Ministru responsabbli mill-intern jidħol għaliha. 
Glieda kontra l-Kriminalita Trid tkompli issir.
Nafu li hemm ħafna ġlidiet li jridu jsiru fl-intern u hemm ħafna affarijiet li jridu jsiru fis-silenzju, imma li xorta waħda jridu jsiru, u jiena nawgura li l-Ministru responsabbli mill-intern jagħmilhom.  Il-pajjiż ma jistax jimxi ‘l quddiem jekk kemm-il darba ma jkunx hemm din id-determinazzjoni u l-perseveranza sabiex wieħed jagħmel il-ġlieda lill-kriminalità fil-fond u fl-għeruq tagħha.  Jekk ma nagħmluhiex, ikollna diffikultajiet kbar iktar ‘il quddiem għax ikollna setturi fejn ma jkunx faċli li wieħed ikun jista’ jipproteġi lit-tfal minuri. 
Jiena dejjem nieħu pjaċir nara lill-Korp tal-Pulizija jibqa’ jiġi armat. Jiena kelli s-sodisfazzjon li armajt kemm flaħt il-Korp tal-Pulizija b’diversi apparat ġdid, karozzi ġodda, b’affarijiet fil-forensika, bid-DNA u bil-profiling. Għamilna ħafna xogħol importanti u dħalna wkoll fuq livell importanti fis-settur tal-Unjoni Ewropea meta konna leaders fil-EU Standing Committee on Internal Security (COSI) u konna leaders ukoll fil-ġlieda għad-droga marbuta mal-kurrenti mill-Afrika u minn pajjiżi oħrajn għar-rigward kif l-Ewropa tista’ żżomm iċ-channels tagħha iktar protetti fir-rigward tad-droga. Dawn huma affarijiet li nawgura li l-Ministru l-ġdid jidħol fil-fond fihom. Nawgura li jaqra u jara l-affarijiet u li jkollu briefing tajjeb. Jiena ċert li n-nies li hemm huma kompetentissimi, tal-affari tagħhom, li jagħtuk  parir tajjeb, tista’ tiddiskuti magħhom, tista’ tmexxihom ‘il quddiem u li jagħmlu diversi affarijiet tajbin. 
Settur difficli tal-Immigrazzjoni.
Settur importanti ħafna li semma wkoll il-kollega tiegħi huwa l-immigrazzjoni. Aħna dejjem semmejna immigrazzjoni irregolari. Għandi l-unur ngħid li, bħala ministru, dejjem irriferejt għall-immigrazzjoni bħala “irregolari” u llum, il-Kummissarju Cecilia Malmström, qed tagħmel kampanja fuq livell Ewropew biex tara li l-kelma “illegali” ma tkomplix tiġi wżata imma l-frażi li trid tiġi użata hija “immigrazzjoni irregolari”.  Hawnhekk għamilna avvanzi kbar ħafna u biddilna ħafna strutturi.  Malta saret leader f’dan is-settur. Infakkar li Malta għandna l-unur ngħidu li għandna aġenzija importanti li hija l-European Asylum Support Office. Għalija, huwa sodisfazzjon ieħor mad-diversi sodisfazzjonijiet tiegħi bħala ministru li rnexxieli nġib dan l-uffiċċju f’Malta jaħdem hawnhekk u qed jagħmel il-ġid. Dan għandu baġit fuq sentejn ta’ €55 miljun b’nies ġejjin u sejrin, u Malta hija meħuda bħala hub u bħala eżempju ta’ kif għandek tagħmel l-iscreening ta’ malajr ta’ immigranti irregolari tal-mod tajjeb ta’ kif għamilna l-affarijiet.  Meta kont għadni ministru, rajt pajjiżi oħrajn li kellhom problemi ikbar minn tagħna jieħdu l-mudell tagħna ta’ kif jagħmlu l-affarijiet. 
Hdimna Tajjeb Hafna fl-Ewropa.
Ovvjament, kulħadd għandu l-interessi varji tiegħu f’din l-issue; l-NGOs għandhom l-interessi varji tagħhom u aħna għandna l-interess preċiż u dirett tagħna.  Aħna nittrattaw is-suġġett bl-attenzjoni tas-sigurtà, però b’umanità kbira u b’attenzjoni kbira għad-diffikultajiet kbar li dawn in-nies jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum f’pajjiżna u anke meta jitilqu minn pajjiżna. Aħna għandna l-unur li ħdimna tajjeb ħafna fuq livell tal-Unjoni Ewropea u hawn nixtieq anke nsellem b’mod partikolari lill-Istati Uniti. Ix-xogħol li għamilna sewa biex l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti assistew għar-rilokazzjoni ta’ diversi familji. Fis-settur tal-immigrazzjoni irregolari, persuni li ħaqqhom protezzjoni ta’ refuġjati fuq bażi umanitarja u sussidjarja huma persuni vulnerabbli, però l-iktar li huma vulnerabbli m’humiex is-single males, imma l-familji, u hemmhekk għandna s-sodisfazzjon li matul il-ħames snin li għaddew irrilokajna 2,000 persuna minn pajjiżna f’pajjiżi oħrajn fejn tajnihom futur aħjar, tajnihom post fejn joqogħdu, edukazzjoni, saħħa u xogħol f’pajjiżi oħrajn fejn setgħu jibdew il-ħajja ġdida tagħhom. Kelli l-unur u s-sodisfazzjon li diversi drabi nqum kmieni filgħodu biex nara nies jitilqu minn Malta u jmorru f’pajjiżi oħrajn. Min-naħa waħda kien ikollhom l-uġigħ fil-qalb li se jitilqu u jabbandunaw dan il-pajiż li kien ħanin magħhom – u sew għamel u hekk għandu jkompli jagħmel – u mill-banda l-oħra kienu jħarsu ‘l quddiem lejn il-futur tagħhom f’pajjiż differenti. Jiena ċert li dawn in-nies huma rikonoxxenti lejn pajjiżna li ttrattajna tajjeb magħhom.

Sur President, jien nitlob lill-Ministru sabiex jidħol iktar fil-fond u jkollu briefing tajjeb tax-xogħol li għamilna marbut ma’ dan is-settur partikolari matul il-ħames snin. B’mod partikolari meta ġiet il-gwerra ċivili Libjana u meta kellna diversi affarijiet oħra fuq rasna, xorta tajna attenzjoni partikolari għal persuni li ħarbu l-gwerra ċivili biex ġew hawnhekk u diversi persuni li llum m’għadhomx f’Malta, li telqu minn Malta u li qegħdin f’pajjiżi differenti. 
R-Rapport dwar il-Piroteknika.
Sar ħafna xogħol tajjeb u jien nawgura lill-Ministru sabiex ikollu l-paċenzja li jdur l-affarijiet sewwa qabel ma jitlaq jiġri għax li se nsemmi huwa wieħed mill-iktar setturi perikolużi u diffiċli. Qed nirriferi b’mod partikolari għas-settur tal-piroteknika.  Il-ħabib tiegħi tan-naħa l-oħra jaf x’jiġifieri u nista’ ngħid li ħdimna id f’id fil-piroteknika; sirt nifhem fil-piroteknika, bejn mertu tiegħu u bejn mertu ta’ diversi kmamar tan-nar, u nista’ ngħid li jiena kont il-ministru li l-iktar għamilt riformi f’dan is-settur. Hemm ir-rapport magħmul mill-Prof. Alfred Vella, mill-Prof. Victor Vella, minn Joseph Theuma u minn Servolo Delicata li qiegħed hemm jistenna biex nimxu ‘l quddiem fuqu u hemm bżonn li ma ninjorawhx. Irridu nimxu ‘l quddiem u nagħmlu x-xogħol partikolari għax dak huwa rapport importanti ħafna li permezz tiegħu nistgħu nistradaw diversi affarijiet f’pajjiżna. 

Sur President, għandi ferm iktar affarijiet xi ngħid, però l-20 minuta li kelli allokati għalija llum għaddew.  Jien nawgura minn qalbi li x-xogħol isir tajjeb. Huwa fl-interess nazzjonali li s-settur tal-intern u tal-ġustizzja jitmexxa tajjeb. Jien nappella lill-Prim Ministru biex ma joqgħodx jistħi u jagħmel in-nomenklatura tal-Ministeru kif suppost hi, jiġifieri Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern, u ma jinħebiex taħt il-kelma “Sigurtà”.  Grazzi, Sur President. 



25.4.13

Għal dawk li jridu jisimgħu

 

1.            Il-passi tal-bidu ta’ dan il-Gvern ġdid huma sfortunatament mimlija b’kumplikazzjonijiet u ġudizzji żbaljati.  Diversi fis-soċjetà ttamaw li l-perjodu twil li l-Partit Laburista kien fl-Oppożizzjoni serva sabiex meta jiġu fdati bil-poter ikunu attenti biex ma jidħlux fit-toroq li uħud diġà qabdu.  It-tieni, ma’ dan hemm il-konsegwenzi li twieldu mill-interpretazzjoni skorretta tar-riżultat elettorali.  Il-poplu ma sarx, fil-maġġoranza tiegħu, laburist.  Għażel lil dak il-partit, però ma ntrabatx kif uħud ilhom hekk marbuta.  Żamm u anzi ħass li qiegħed jeżerċita l-libertà tiegħu li jibdel il-Gvern mingħajr ma jintrabat ma’ naħa jew oħra.  Minflok, xi wħud fil-Partit Laburista tkaxkru jaħsbu li għandhom issa l-maġġoranza li hija marbuta mal-modi l-antiki ta’ kif kienu jwettqu l-politika.

 

2.            Dan ħareġ ferm iktar ċar f’żewġ deċiżjonijiet partikolari, fost oħrajn, li mhux qegħdin jinżlu tajjeb mal-opinjoni pubblika u li għalihom il-Gvern qiegħed diġà jwebbes rasu.  Id-diskors tal-President tar-Repubblika kien stunat wisq, mimli b’osservazzjonijiet u diskors partiġġjan li setgħu faċilment jiġu evitati.  Min kitbu, u ħadd għadu ma qal min effettivament hu, ma rax li għandu joqgħod lura u ma jimbarazzax lill-President tar-Repubblika nnifsu kif ukoll lill-istess gvern tal-ġurnata.  Il-verità hija li kien kliem żejjed u ma rnexxielu jasal imkien, salv li jġib stmerrija u kumplikazzjonijiet żejda lill-Uffiċċju tal-President.  Passi żbaljati li juru nuqqas ta’ maturità politika.

 

3.            Ma kienx hemm bżonn ta’ dan kollu.  Anqas, fl-opinjoni tiegħi, ma kien hemm lok ta’ xi tibdiliet legali.  Hemm sempliċement neċessità tal-użu tas-sens komun.  Min jikteb id-diskors għandu jkun tajjeb u jassigura li ma jġibx lill-istituzzjonijiet f’sitwazzjoni bħal din.  Ma nemminx li huwa daqshekk diffiċli biex dan isir, dejjem jekk inti tkun tal-affari tiegħek u tagħraf il-portata ta’ ħidmietek.  Fl-ewwel siegħat ta’ din il-leġislatura, diġà kien evidenti li kien hemm noti li jistonaw u li jindikaw b’mod dirett li l-attenzjoni lejn ir-rispett tad-demokrazija kien qiegħed jiġi injorat.  Dan huwa żball politiku li l-konsegwenzi u l-effetti tiegħu ser narawhom jiżdiedu.

 

4.            Anqas ma qed tagħmel wisq ġid u ġieħ lill-Gvern li jippermetti Ministri u Segretarji Parlamentari jaħdmu fil-professjoni tagħhom, minkejja l-ħatra tagħhom.  Huwa diġà żbaljat minnu nnifsu li jiġi permess dan.  Min daħal għal kariga fl-Eżekuttiv f’din l-età ma jistax ikollu sieq naħa u sieq in-naħa l-oħra.  Irid, dejjem jekk irid ikun ta’ servizz u jwettaq ħidmietu b’serjetà, ikun dedikat għal ħaġa waħda.  Nitkellem mill-esperjenza personali.  Tant hemm xogħol u punti li jridu l-attenzjoni u l-konċentrazzjoni tiegħek li ma tistax tinqasam.  Il-Kodiċi tal-Etika jniżżel b’mod ċar dak li huwa loġiku u għandu fin-normalità jiġi segwit bil-vantaġġ li ħadd m’għandu skużi għax huwa mniżżel abjad fuq l-iswed u ma jistax jiġi injorat.

 

5.            Il-Kodiċi tant isegwi s-sewwa li anqas jitkellem fuq eżenzjonijiet.  Il-Prim Ministru qiegħed jiżbalja hawn fuq żewġ punti.  L-ewwel, li jippermetti li jkollu membri tal-Eżekuttiv li m’humiex konċentrati fuq ħidmiethom.  It-tieni, li jiskuża aġir bħal dan billi jgħid li qed jeżenta dak li ma jistax, fil-fatt, jeżenta.  Min irid jisma’ jisma’.  Min le, ikompli jwebbes rasu.  Fil-ġimgħat li ġejjin, dejjem jekk il-Gvern ma jibdiex jaħrab, nittama li jkollna l-opportunità li niddiskutu fit-tul, sija d-diskors tal-President, kif ukoll dan l-aġir żbaljat.  Ħidmietna fl-Oppożizzjoni qegħda ssir diġà u sewwa.  Ċert li fir-ras iebsa tal-Gvern, il-poplu qiegħed attent.

22.4.13

Nagħrfu d-direzzjoni tagħna



1.         Tul din il-ġimgħa bdejna l-ewwel dibattiti parlamentari.  Għalkemm huwa minnu li għandna inqas membri eletti, però xorta waħda bħala Oppożizzjoni għandna dritt għall-istess ħin sabiex nitkellmu daqs in-naħa tal-Gvern.  Kienu tlett ijiem fejn ġie approvat l-ewwel parti tal-proċess parlamentari tal-budget.  Issa rridu, fil-ġimgħa li ġejja, nidħlu fl-abbozz ta’ liġi li jġib fis-seħħ il-miżuri li kienu ġew stabbiliti mill-aħħar leġislatura.  Mill-aħħar parti ta’ wirt ta’ tajjeb li ħalla Gvern Nazzjonalista warajh.  Mid-diversi passi u miżuri li għamlu l-ġid u għadhom qed jagħmlu hekk.  Għal ħafna huwa ċar li s-sitwazzjoni preżenti għadha qegħda għaddejja proprju minħabba r-rankatura li tajna.  Il-problemi jibdew appena dan il-proċess naturali jispiċċa u hemm allura l-poplu jinduna li hemm differenza f’min qiegħed imexxi.

 

2.         F’dawn il-ġimgħat inizjali ta’ dan il-Gvern Laburista, qegħdin fil-fatt naraw diversi passi li l-konsegwenzi tagħhom sejrin immissuhom iktar ‘il quddiem.  Huwa diġà evidenti li hemm abbundanza ta’ deċiżjonijiet mgħaġġla għax hemm min jaħseb li azzjoni ħażina, iktar ma twettaqha malajr fil-leġislatura, iktar hemm probabbiltà li tintesa.  Biss, l-esperjenza politika qegħda turi li dan m’huwiex il-każ.  F’din l-aħħar elezzjoni ġenerai hemm lezzjonijiet li kull naħa tal-Kamra trid toqgħod attenta għalihom.  L-elettorat tagħna huwa illum iktar iffukat fuq dak li ngħad matul il-kampanja u dak li qiegħed isir.  Ma hemmx poplu li lest li jħalli lil min jidħak bih u jagħlaq għajn, imma qiegħed jeżamina fid-dettall kull pass.  L-aġir żbaljat hemm jibqa’ u wieħed irid iħallas għalih, iktar u iktar f’soċjetà bħal tagħna fejn hemm diversi jiġu minn xulxin.

 

3.         Barra fit-toroq hemm l-impressjoni li l-aġenda prinċipali li qegħda tokkupa moħħ il-Prim Ministru hija dik li jipprova jikkuntenta kemm jista’ membri parlamentari u pseudo protagonisti politiċi.  F’dan l-istadju l-linja ma’ kull ġurnata tiżviluppa f’rigali differenti lil dawk li, fl-għażla tajba jew ħażina tiegħu, tħallew barra mill-Kabinett.  Fl-opinjoni ta’ diversi, hemm persuni li kellhom jitħallew barra u oħrajn li jidħlu ġewwa, biss dik it-taħlita hija fuq dahru u l-effetti tagħha jiġu ma’ wiċċu iktar ‘il quddiem meta jibda jberraq daqqa fuq ħaġa u daqqa fuq oħra.  Dan apparti ċerti żbilanċi ta’ poter intern bejn dawk li għandhom wisq u jista’ jkun li ma jifilħux għalih u dawk li għandhom inqas u jifilħu għal iktar.  Hu x’inhu, qisu qabel ma jitlaq, l-importanti għalih huwa li jikkuntenta lil kulħadd.

 

4.         Anzi, iktar u iktar qed tingħata l-impressjoni li x-xogħol prinċipali għandu jkun mhux li jimxu ‘l quddiem id-dipartimenti u l-ħaddiema, imma li f’kull post iċaqilqu lil dak u lill-ieħor.  F’moħħhom għandhom l-importanza u l-fissazzjoni li jkollhom kollox assolutament f’idejhom.  Dan bħala linja ta’ prinċipju huwa minnu nnifsu żbaljat politikament għax il-pajjiż irid jitmexxa u jingħata servizz minn kull persuna, hija x’inhija l-opinjoni politika tagħha.  Mhux biss, imma meta tneħħi b’dan il-mod u mingħajr loġika, salv dik partiġġjana, tkun qed titlef esperjenza u memorja istituzzjonali.  Hemm ħafna li jersqu ‘l quddiem sabiex jieħdu ħaġa jew oħra, imma l-pajjiż jinteressah iktar li l-affarijiet isiru sewwa.  Persuni ta’ esperjenza qegħdin jintilfu fi trasferiment naħa jew oħra, bis-soliti metodi li diversi fakkruhom f’dak li kien iseħħ taħt amministrazzjonijiet Laburisti oħra.

 

5.         Il-Partit Laburista għandu f’rasu numru ta’ ideat żbaljati bħal dik li fl-1998 tilef l-elezzjoni ġenerali għax ħalla xi kapijiet f’numru ta’ dipartimenti li ma kienux identifikati bħala laburisti.  Din hija opinjoni żbaljata.  Dik l-elezzjoni ntilfet fuq raġunijiet kompletament differenti.  Intilfet minħabba diversi nuqqasijiet oħra li wasslu lill-poplu jbiddel il-Gvern.  L-eżerċizzju ta’ dan it-tip ta’ tibdil li qiegħed isir huwa wieħed li jibgħat messaġġ ċar li l-amministrazzjoni preżenti ma tridx taħdem ma’ kulħadd u li, anzi, għandha l-biża’.  Fl-opinjoni ta’ diversi, Gvern irid juri u jġib fil-prattika ħidma li tinvolvi lil kull persuna.  U dan apparti l-fatt indiskuss li huwa għaqli lijkun hemm għajnejn u widnejn differenti sabiex inaqqsu mit-tentazzjonijiet għall-irresponsabbiltajiet u l-abbużi li, inevitabilment, iseħħu meta ma hemm kontroll.  Biss, huwa ċar li meta hemm il-biża’ minn dak jew l-ieħor, turi li hemm nuqqas ta’ fiduċja fl-abbiltajiet personali ta’ min qiegħed imexxi.

 

6.         Jekk hemm min jaħseb li dawn l-affarijiet qed jaqbżulna, nassiguraw li le.  Huwa minnu li hemm bżonn nagħtu attenzjoni partikolari sabiex nidħlu l-organi nterni tal-partit, biss dan ma jfissirx li m’aħniex ser inkunu wkoll iffukati fuq ħidmietna bħala Oppożizzjoni parlamentari.  Id-direzzjoni tagħna hija ċara: inkunu ma’ kull ġurnata Oppożizzjoni tajba u aqwa minn ta’ qabilna.  S’issa, il-Partit Nazzjonalista huwa magħruf li f’kull pożizzjoni li l-elettorat għażel li jqegħdu, servih.  Hekk ser nagħmlu f’dawn il-jiem, bil-viġilanza u l-għodda li l-liġi u s-sistema parlamentari tagħtina.  L-istituzzjonijiet f’soċjetà moderna jimxu ‘l quddiem jekk ikun hemm verament rispett lejn l-oħrajn, anke jekk dawn m’għandhomx l-istess opinjonijiet tagħhom.  Id-direzzjoni tagħna hija ċara u nagħrfuha sabiex id-demokrazija b’saħħitha li ħallejna ma tiġi qatt imnaqqra u tmur lura.

 

 

7.4.13

Il-poplu Huwa Sovran.




1.Il-bieraħ kienet l-ewwel seduta parlamentari ta’ din il-leġislatura.  Bdejna t-triq tagħna naħdmu fil-Kamra bħala partit li jrid jaqdi dmiru mill-Oppożizzjoni.  Kienet il-volontà tal-poplu kif espressa fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali li ddeċidiet x’sehem għandna nagħtu.  Nagħrfu li ebda partit ma għandu xi dritt jippretendi: l-ewwel, li jiġi neċessarjament elett f’din l-istituzzjoni, u t-tieni li jkun dejjem fil-Gvern bir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-pajjiż.  Għalhekk huwa privileġġ li partit ikollu membri eletti sabiex jirrappreżentaw lill-elettorat.

2. Fejn, kif u f’liema pożizzjoni, dak jiġi deċiż fil-kaxxa tal-vot.  Il-poplu sovran iddeċieda li aħna nservu fl-Oppożizzjoni.  Għalhekk għandna dmir inkunu Oppożizzjoni ċara u mingħajr logħob.  Diretta fl-iskrutinju u fis-sehem li aħna għandna nagħtu biex nassiguraw li ma jkunx hemm abbużi, nuqqasijiet, esaġerazzjonijiet u arroganzi.  Nassiguraw li l-Gvern jobdi l-liġi u jifhem li għandu jirrispettana f’din il-linja.  Ebda demokrazija ma hija sħiħa jekk kemm-il darba ma jkunx hemm Oppożizzjoni.  Irridu nifhmu dmirna llum u nagħmlu ħilitna biex inservu f’din it-triq u direzzjoni.

3.   Kienu x’kienu r-raġunijiet li wasslu biex il-Partit Laburista jingħata dan il-mandat b’din il-maġġoranza, hemm qiegħed.  Jista’ jkun li kien hemm min ried sempliċement jipprova l-ġdid.  Hemm oħrajn li kellhom ir-raġunijiet varji tagħhom.  Bħal ma jista’ jkun hemm ukoll min ried espressament li mmorru lura fl-Oppożizzjoni biex nerġgħu norganizzaw ruħna mill-ġdid.  Diffiċli tagħmel l-analiżi bil-preċiż u tgħid dawn kienu votanti ġodda, jew mal-Partit Nazzjonalista jew dawk li ma jħaddnux partit.  L-effett huwa dak li aħna għandna dmir li nibnu ġabra ġdida ta’ persuni li jħarsu biex jaħdmu minn din l-Oppożizzjoni.

4.  L-aġenda tagħna trid tkun dik li nobdu l-elettorat tagħna.  Dak li riedna li nkunu Oppożizzjoni.  Il-Gvern għandu r-responsabbiltajiet tiegħu u aħna għandna tagħna.  Ma jistgħux jitħalltu għax inkella toħroġ ħidma żbaljata.  Il-koperazzjoni fil-ħsieb, fl-ideat, fil-proposti ġodda u differenti mhux sejrin jonqsu min-naħa tagħna.  Biss, altru membru maħtur biex ikun ma’ partit fil-Gvern u altru fl-Oppożizzjoni.  Diġà għandna taħwid kreattiv ħafna bejn il-membri tal-Gvern, uħud Ministri u oħrajn Segretarji Parlamentari u diversi oħra konsulenti appuntati jew semi-appuntati jew awto-appuntati.  Ma hemmx bżonn ta’ iktar.  Forsi jista’ jkun aħjar jekk il-Prim Ministru jikkonċentra biex iġib ordni intern aktar milli jkompli jidher li qed iqassam.

5.  Is-sehem tagħna, il-poplu jista’ jserraħ moħħu li sejrin nagħtuh.  Id-domandi parlamentari ser isiru u l-iskrutinju ta’ ħidmet il-Gvern diġà beda jsir.  Anke jekk qegħdin f’fażi ta’ tranżizzjoni fejn qegħdin nagħżlu min ser ikun il-Kap il-ġdid, dan ma jfissirx li sejrin nieqfu nistennew, imma ser naħdmu b’attenzjoni u b’għaqal.  Il-pożizzjonijiet tagħna huma mmexxija mill-prudenza u mid-determinazzjoni.  Il-pajjiż m’għandux jiġi f’sitwazzjoni fejn m’għandux Oppożizzjoni tal-affari tagħna u f’postha.  Il-poplu kien, għadu u jibqa’ sovran.  Deċiżi li nħalluh hekk u nirrispettaw fis-sħiħ id-deċiżjonijiet tiegħu.

17.3.13

Mill-bank tal-Oppożizzjoni




1.         Mhux ser inkun b’xi mod apoloġetiku dwar ir-riżultat li l-partit ġieb fl-aħħar appuntament elettorali tiegħu.  Dak hemm qiegħed u fih diversi messaġġi li tajjeb li wieħed jirrifletti dwarhom.  Messaġġi direttissimi lejna, u oħrajn lejn il-klassi politika kollha kemm hija.  Iċ-ċaqliq fl-elettorat ta’ bejn wieħed u ieħor 6% huwa, f’termini tal-politika Maltija, “tsunami”.  Kważi fl-istess jum meta l-Ġappun kien qiegħed ifakkar dak il-mument sfortunat u mill-ikreh, aħna konna qed naraw ir-riżultat ta’ dak li konna qegħdin immissu imma li ma bdejniex nirrealizzaw biżżejjed.  Kien hemm diversi aspetti li setgħu jwassluna li nifhmu verament li l-poplu mexa ferm iktar ‘il quddiem miż-żewġ partiti proprju għax id-demokrazija qegħda hemm u hija libera.

2.         Is-skiet ta’ parti sostanzjali tal-elettorat, li kien jawguralek imma jibqa’ attent u lura, kellha tkun indikazzjoni li kollox kien qiegħed jimmira lejn direzzjoni waħda.  Ħassejt li ħafna għamlu hekk għax riedu li jkollhom il-libertà assoluta li jesprimu ruħhom fil-kaxxa tal-vot.  Mhux għax neċessarjament saru ta’ partit jew ieħor, anzi għax riedu jibdlu  mingħajr ma jintrabtu li fil-futur jaġixxu bl-istess mod jew ieħor.  L-akkużi reċiproċi fl-aħħar dwar atti ta’ korruzzjoni u l-proċessi penali li segwew ġiebu stmerrija minn ħafna mill-elettorat fuq iż-żewġ partiti.  Kien hemm reazzjoni, l-ewwel, għall-fatt li dan sar fl-aħħar u mhux fil-mument meta nqalgħu; u t-tieni li kull politiku beda jiġi mqiegħed fid-dubju fuq dak li huma l-kwalitajiet tiegħu.

3.         Il-messaġġ huwa dirett biċ-ċar lejn il-bżonn li l-klassi politika ġġib ruħha sewwa, b’integrità, onestà, rispett reċiproku u serjetà.  Kif ukoll li tifhem li l-elettorat m’għadux lura u sar jifhem ferm u ferm iktar milli naħsbu.  Fit-triq twila ta’ din il-kampanja ltqajt ma’ ħafna li għamluli analiżi politika preċiża u korretta.  Ma qagħdux lura milli jesprimu l-kritika ċara u diretta tagħhom lejn ħafna punti u passi.  Għalija kienu dejjem iktar sinjali ċari li l-pajjiż qiegħed jixba bil-mod ta’ kif saret il-politika.  L-azzjonijiet ħżiena, id-daqqiet tas-sejf u l-kliem żejjed dejqu.  Il-pajjiż kien spettatur parteċipi attiv, mhux passiv, ta’ dak li seħħ fil-Parlament.  Id-diskors żejjed, in-nuqqas ta’ solidarjetà u l-adurazzjoni lejn il-poter ġiebu ħafna togħmiet morri f’ħalq diversi.

4.         Il-kampanja minnha nfisha, fit-tul tagħha, dejqet ukoll lill-elettorat tagħna.  Ġieb biċċa negattiva fuqna.  Min-naħa l-waħda l-fatt li x-xandir kien kollu bumbardament, jiġifieri filgħodu, wara nofsinhar u darbtejn filgħaxija b’politiċi jaqbżu għal għonq xulxin u min-naħa l-oħra li dehret li din hija xi forma ta’ oppressjoni medjatika li kien hemm bżonn li tispiċċa.  Billi konna aħna lkoll li ddeċidejna dan, sar x’sar fl-aħħar tlett ġimgħat tal-kampanja kien kollu għalxejn.  Fid-djar tan-nies, flok xi dibattitu kont tara stazzjonijiet oħra li ma fihom politika ta’ xejn.  Diversi, iktar fl-aħħar jiem, kellhom sens ta’ liberazzjoni, li ser ineħħu dak li kien qiegħed idejjaqhom u dan sibtu għand dawk kollha ta’ opinjonijiet differenti, li rrid ngħid li baqgħu paċenzjużi magħna u jiftħulna l-bieb ta’ djarhom.

5.         Wara jum ta’ laqgħat u fil-kumulu ta’ ġimgħat, kont inħossni li qiegħed iktar u iktar minn qabel naħdem solu kontra l-kurrent.  Kontra dan il-kurrent qawwi ta’ nies li vvutawlna fil-passat li però f’qalbhom riedu bidla.  F’ħafna ħassejt, anzi, li dan ma kienx ċaqliq minħabba din il-leġislatura, imma kumulu ta’ oħrajn passati.  Fl-1998 kien hemm reazzjoni kontra l-Gvern Laburista, fl-2003 kien hemm il-pass pożittiv favur l-Unjoni Ewropea u fl-2008 kien hemm il-biża’ li ser jerġa’ jiġi lura l-Partit Laburista ta’ bejn l-1996 u l-1998.  Dawn il-kunsiderazzjonijiet żammew lin-nies ikomplu jivvutaw fuqna b’maġġoranzi varji.  Però issa dehrilhom li kien il-mument meta l-Partit Laburista jistgħu jafdawh, anzi aħjar li jippruvaw lill-mexxej tiegħu anke jekk mhux neċessarjament li jerġgħu jaraw uċuh mill-passat.

6.         Personalment nistqarr li kienet ta’ sofferenza akbar nara dan kollu jseħħ quddiemi, aktar u aktar meta kien hemm ħidma validissima li nħoss li ma ġietx apprezzata tajjeb biżżejjed.  Waqt il-kampanja kont dejjem konxju li stajt nispiċċa barra mill-Parlament.  Xorta rajt li għandi nibqa’ nwettaq dmiri lejkom u lejn il-partit, għax hekk titlob l-irġulija.  Ma rajtx li jkun pass ta’ lealtà li nabbanduna l-vapur, imma li  nkompli għaddej anke jekk kont qiegħed nissogra li wara noqgħod niġi mgħajjar li għeriqt.  Minkejja dan kollu, u dak kollu li kelli ngħaddi minnu, ġejt elett u ta’ dan nirringrazzja lil dawk kollha li wrew fiduċja fija.

7.         Biss, issa, fuq il-bank tal-Oppożizzjoni qegħdin.  Hemm ħafna xogħol li jrid isir.  Il-partit jerġa’ jorganizza ruħu, jiġu lura lejn iċ-ċentru u ma jmurx lejn il-lemin.  M’hemmx bżonn sajjetti jew xogħol tal-għaġġla, iżda dan għandu jsir bil-għaqal, bil-paċenzja u bis-sabar.  Irridu nerġgħu nduru magħna nfusna.  Niltaqgħu iktar spiss u nifhmu żewġ punti importanti: l-ewwel, nifhmu kemm verament il-partit biddel lis-soċjetà bil-programmi ċari u diretti fl-edukazzjoni għax hemm maturità ikbar u li, fl-opinjoni tiegħi, qabżet lil dik taż-żewġ partiti.  It-tieni, li għandna nippreparaw lill-partit, l-ewwel fil-ħidma diretta fl-Oppożizzjoni; u t-tieni, lejn li jkollna wieħed li kapaċi jisfida partit ieħor immexxi minn Prim Ministru li nippreżumu li ser ikollu, sa dak iż-żmien, esperjenza ta’ ħames snin u ta’ ċerta età.

8.         Żgur mhux forsi, biex dan isir irridu mmorru lura għal proċess ta’ djalogu mas-soċjetà biex nifhmu, u t-tieni, li nibnu mill-ġdid id-diversi kumitati u sezzjonijiet.  Nara prijorità li nagħżlu u nifformaw tajjeb lill-kandidati, b’mod partikolari li nifhmu iktar xi jfisser li aħna demokratiċi nsara.  Hemm diġà ħafna bnedmin validi li ħadmu, u għadhom lesti li jservu, kif ukoll b’mod partikolari diversi oħrajn ġodda li lesti jidħlu magħna.  Il-vuċi tal-partit qegħda tħares lejn dan il-bżonn ta’ organizzazzjoni, formazzjoni u preparazzjoni.  Iktar ma dan isir b’attenzjoni u perseveranza, mingħajr atrit jew ġlied intern, tant aħjar.  Hemm triq twila quddiemna, iżda jiddependi minna kemm ser nimxuha tajjeb.  Jekk iva, ma hemmx dubju li ser naslu.

KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...