6.1.13

Ħidma importanti (1)



1.         Wara ħames snin ta’ ħidma, jasal dejjem l-mument  ta’ riflessjoni.  Dak li sar jiġi elenkat u analizzat.  Kif sar, għala seħħ u jekk wassalx għall-effett li wieħed kien jixtieq.  Ikun żball żgur jekk wieħed ma jieqafx sabiex jelenka u jara f’kemm ħin u spazju artikolu bħal dan jippermettilu.  Jirrifletti u jindika li ħidma, għalkemm tista’ tintesa u ma tingħatax importanza minn sezzjoni tal-media li tidher li qegħda, biċċa biċċa tinqata’ mill-poplu, xorta wahda hemm tkun.  F’dawn il-ftit snin, fil-karigi li servejt fihom, rajt diversi proġetti jibdew.  Mhux kollha spiċċaw.  Il-maġġoranza iva, però kien għad fadal numru tajjeb minnhom li baqgħu pendenti, jistennew li jsiru.  Passi li, sfortunatament, baqgħu ma seħħewx minhabba dak li ghaddejt. Biss l-pedament għalihom qiegħed hemm għall-futur, speċjalment dawk li saru abbozzi ta’ liġi preżentati fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati.

2.         Meta ndur lura nara li sar ħafna u ħafna xogħol.  Għandi s-sodisfazzjon inqis u nirreġistra miegħi nnifsi li kienu diversi r-riformi li għamilt fis-sistema legali u ġudizzjarja tagħna.  Biddilt ħafna u fuq dan stajt nara ferm iktar mill-qrib li r-riżultati seħħew bhal : i) l-introduzzjoni tal-proċedura legali tal-ittra uffiċjali eżekuttiva; ii) l-introduzzjoni tal-Qorti tal-Familja; iii) l-issudar taċ-Ċentru tal-Arbitraġġ; iv) l-introduzzjoni taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni; v) it-tibdil ta’ taħt fuq tal-proċeduri tal-Mandati Eżekuttivi u Kawtelatorji; vi) l-introduzzjoni tat-Tribunal uniku ta’ Reviżjoni Amministrattiva; vii) l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi; viii) ir-Reġistru tal-Protezzjoni tal-Minuri; 

3. Kif ukoll: ix) l-introduzzjoni tal-liġi fuq l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja; x) l-introduzzjoni tal-liġi fuq il-Persuna Ġuridika, il-Fondazzjonijiet u l-Assoċjazzjonijiet; xi) l-emendi li daħħalna biex inħarsu aħjar l-identità tal-ulied f’kawżi ta’ Denegata Paternità; xii)  il-liġi li biha neħħejna l-proċedura l-antika ta’ kif tippreżenta kawża fil-Qorti; xiii) l-emendi tal-Kodiċi Kriminali li fihom ħarraxna l-pieni kontra min iwettaq reati marbuta mar-razziżmu; xiv) l-emendi għall-Kodiċi Kriminali li bihom daħħalna artikli u pieni ġodda kontra l-abbuż tat-tfal minn atti ta’ pornografija u ssolleċitar fuq l-Internet; xv) l-emendi ġodda li permezz tagħhom issudajna aħjar l-istitut tal-Probation; xvi) l-emendi li bihom żidna l-ġurisdizzjoni marittima u kif tabqad u tbigħ vapuri; xvii) daħħalna numru sew ta’ emendi sabiex nissudaw iktar is-sigurtà fil-kamp tal-piroteknika.

4.         Hemm ferm iktar minn dan u forsi f’artikoli oħra jkolli l-opportunità li nikteb iktar fil-fond dwarhom.  Biss, għal dawk li b’xi mod setgħu ħadu l-impressjoni li ma sarx xogħol, nittama li b’dan l-elenku jindunaw proprju l-kontra.  Hemm xogħol kbir li sar u ieħor li seta’ jkompli jsir, biss sfortunatament, ġie interrott.  Fuq diversi passi ġodda tlifna sena.  Għad fadlilna x’nistgħu nwettqu fil-futur u huwa l-poplu Malti u Għawdxi li jrid jiddetermina fuq dan.  Illum dmirna huwa li nirreġistraw x'passi saru. 

5. Wara nħallu f’idejn il-poplu u l-elettorat li jiġġudika, l-ewwel jekk wettaqniex dmirna sew; u t-tieni jekk aħniex persuni li kapaċi mmexxu tajjeb ‘il quddiem fil-leġislatura li ġejja.  Il-pajjiż irid jingħata l-opportunità u l-ħin sabiex janalizza dan sabiex jgħarbel tajjeb u jieħu deċiżjonijiet li huma sodi għalih.  Deċiżjonijiet mingħajr sogri żejda u mmarkati fuq li nkomplu naraw is-sewwa jseħħ. Nissudaw u nirfinaw dak li ghandna u fl-istess hin ndahlu l-gdid, bl-ghaqal, bl-intelligenza sabiex il-poplu ma jigix affettwat hazin.

5.1.13

Servitur fidil tal-Istat Malti





1.       Nhar l-Erbgħa, 1 ta’ Ġunju 2011, il-Brigadier John Spiteri għadda għal ħajja aħjar.  Bniedem li qatta’ l-ħin, li ġie misluf għas-servizz għas-servizz tal-poplu Malti ġewwa l-Armata.  Miet fl-età ta’ tmenin sena, wara li kien iddedika lilu nnifsu sabiex jieħu sehem u jassigura servizz aħjar minn istituzzjoni importanti għalina.  M’aħniex pajjiż belliġerenti, ma nattakkawx u anqas qatt attakkajna lil ħaddieħor, żammejna ruħna poplu newtrali.  Poplu li spiċċa f’konflitti meta kien attakkat minn oħrajn, mit-Torok fl-1565 u mill-faxxisti u n-nażisti fl-aħħar gwerra dinjija.

2.       Il-Brigadier Spiteri kien beda l-karriera fil-Forzi Armati Ingliżi wara li kien tgħallem u ġie mħarreġ ġewwa s-Sandhurst Royal Academy.  Mill-1949 kien hemm, sakemm fl-1971 għażel li jidħol fil-Forzi Armati ta’ Malta.  Kunċett kompletament differenti minn dak li qatt kellna qabel.  Għall-ewwel darba, korp dixxiplinat, preparat u ffurmat bħal armati oħra fil-limitazzjonijiet li gżejjer bħal tagħna għandhom.  Serva fit-tul.  Fl-1979 ġie maħtur Kap Kmandant, proprju fil-mument meta l-Forzi Armati Ingliżi telqu minn pajjiżna u verament serva fit-tul.

3.       Kien il-bniedem li ra lil dan il-poplu jidħol fl-impass politiku tal-1981, bid-diffikultajiet u t-tensjoni ta’ dawk l-eventi.  Żamm l-Armata taħdem b’kif seta’ u kien hu li fl-1987 kellu sehem determinanti fit-tibdiliet tagħna.  Għalkemm sirt nafu fit-tard ta’ ħajtu, (proprju meta sibt ruħi nokkupa din il-kariga), kien hemm appuntament li rabatna.  Fil-fatt, huwa kien u għadu sa issa Kmandant uniku li apparti dmirijietu kien ingħata d-dmirijiet addizzjonali ta’ Kmandant tal-Korp tal-Pulizija.  Ma sarx Kummissarju, imma għal perjodu kien f’din il-kariga doppja u mexxiha b’intelliġenza, minkejja d-diffikultajiet, il-kumplikazzjonijiet u t-tensjoni li kienet iġġib.  F’Korp li kellu Kummissarju akkużat b’delitti gravi u l-moral tiegħu ma tantx kien għoli.

4.       Kien id-19 ta’ Ġunju 1987, il-jum li fih inħatar.  Jum barra mis-soltu.  Filgħodu u sa tard filgħaxija t-temp ma kien xejn tajjeb.  Sħab mill-iktar sewdieni, maltemp, beraq, sajjetti u xita.  F’dak il-jum, erbgħa u għoxrin sena ilu, grupp ta’ persuni li kienu mdorrija sew jagħmlu dak li jridu taħt gvernijiet Laburisti, ddeċidew li jmorru dawra fil-qrati tagħna.  Daħlu hemm u għamlu ħerba.  Kissru kemm felħu, ħarqu l-post.  Straġi sħiħa.  Mument mill-iktar diffiċli għall-Gvern Nazzjonalista li kien għadu kif għalaq xahar fil-poter.  Sfida diretta ta’ persuni li kienu mdorrija bil-poter f’idejhom.

5.       Dak il-jum niftakru sew.  Niftakar li ma kontx dħalt il-Qorti.  Kien il-jum tal-Ġimgħa u ma mortx għax filgħaxija żżewwiġt.  Il-memorja sservini tajjeb fuq dawk is-siegħat.  Kelli diversi jċemplu, jistaqsu jekk kontx ser niżżewweġ proprju minħabba l-biża’ li l-eventi tal-jum ħolqu.  Xorta żżewwiġt, però l-Brigadier, bil-ħatra tiegħu, reġa’ stabbilixxa l-ordni sal-aħħar tal-jum.

6.       Lil John erġajt sibtu meta sirt ministru.  Kien iċ-Chairman tal-Bord dwar l-Armi.  F’appena ftit ġimgħat, sibtu l-uffiċċju jispjegali dettaljatament dak li kien għaddej.  Tani diversi pariri u gwidi u kienu kollha korrettissimi.  Għamilna snin ta’ kollaborazzjoni sakemm ġie għandi, jinsisti miegħi li għandi naħtar lil ħaddieħor floku għax kien marad.  Ried jagħmel dmiru lejn l-Istat sal-aħħar.  Fortunatament irnexxielna norganizzaw attività żgħira fil-Ministeru biex nirringrazzjawh.

7.       Nhar is-Sibt kont preżenti għall-funeral tiegħu ġewwa l-Knisja tal-Karmnu fil-Balluta.  Stajt nara li kien igawdi rispett minn ħafna.  Mingħajr ma ridt, erġajt ftakar f’dak li kien seħħ u sibtni hekk kif il-kor intona l-Panis Angelicus.  Il-Mulej jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem.  Bniedem li kien sew fidil lejn l-Istat Malti.



Il-Protettur jingħaqad mal-protett*


                                


1.         M’ilnix li kont rajtu.  Il-Bormliż, il-Kanonku Dun Ġużepp Bonello kien ħaġa waħda mal-ħajja tal-Parroċċa.  Bniedem li kien u baqa’ sa l-aħħar jirrappreżenta ġenerazzjoni ffurmata f’għaġna soda.  Rari kellimtu u ma kienx pożittiv fi kliemu.  Iħares ’il quddiem, janalizza, jagħraf il-polz taż-żmien mingħajr pretensjoni iżda b’umiltà kbira.  Kemm-il darba, meta kont nilmħu fuq il-venda ħdejn is-Sluta, tellgħajtu miegħi sal-Belt u hemm nintilfu niddiskutu.

2.         Il-Kanonku Bonell kien maħbub minn kulħadd.  Qatt ma sibt lil xi persuna tmaqdru b’xi mod.  Għax kien jaf kif iġib ruħu sewwa.  Tad-dixxiplina però mhux iċ-ċensur jew l-inkwiżitur tal-poplu.  Meta kien jara lil xi ħadd jiżbalja, pront pront kien jintervjeni mingħajr esaġerazzjoni, imma dirett.  Kellu sens ta’ bilanċ.  Jaf il-ħajja u jagħraf it-tbatija li l-bniedem irid iġorr ta’ kuljum.  Smajtu diversi drabi jikkonsla, jagħti l-parir it-tajjeb u jirrakkomanda t-talb lill-Immakulata Kunċizzjoni.

3.         F’dawn is-snin, il-festa tat-8 ta’ Diċembru qatt ma għaddiet mingħajr il-preżenza kostanti tiegħu.  F’dawk il-jiem, ħadd u xejn ma kienu jifirdu mill-Parroċċa, mill-attività u miċ-ċelebrazzjonijiet.  Kemm-il darba kien jgħaddili r-rakkonti, punti interessanti li f’xi mument jew ieħor kont insibhom fid-diversi artikoli li kien jikteb fil-ġurnali, ibda mil-“Leħen is-Sewwa” u kompli f’dawk ippubblikati fil-jiem tal-festa.  Kemm-il darba kien jikkummentali u jħeġġiġni nżomm il-pinna għaddejja fil-linja li jien.

4.         Huwa kellu ħafna mħabbiet.  Jaqra u jżomm ruħu aġġornat fuq kemm jista’.  Niftakar li fiċ-ċelebrazzjoni liturġika tal-50 sena mill-ordinazzjoni tiegħu kont għaddejtlu ktejjeb dwar il-pittur Caravaggio.  Apprezzah u niftakru jiddiskutih b’ċerta mħabba.  Ovvjament minn dak il-pittur il-konverżazzjoni kienet iddur fuq dak li għandna fil-Kolleġġjata.  Għax irid jingħad li kellu ħafna li kien iħobb, però kellu żewġ imħabbiet kbar li kienu jissuperaw lill-oħrajn.  Għal min kien jafu, qalbu kienet marbuta ma’ żewġ pilastri importanti f’ħajtu: fuq naħa San Ġużepp u fuq l-oħra l-Każin tal-Banda.

5.         Kien konvint li s-Soċjetà Mużikali Bormliża kellha sservi ta’ ċentru fil-ħajja tas-soċjetajiet.  Min jaf kemm-il attività saret li għaliha huwa kien ikun dejjem preżenti mill-bidu sat-tmiem.  Ma kienx jinqala’ b’xejn.  Kellu sens qawwi tad-dmirijiet pubbliċi li hu kellu bħala saċerdot.  Jimxi bil-prinċipju li l-eżempju jkaxkar u għalhekk kellu għal qalbu dak li kien intrabat li jagħmel f’jum l-ordinazzjoni.  Għalih dak ma kienx tnaqqis tal-libertà, iżda mod aqwa ta’ kif igawdiha.  Għalhekk kien ikun hemm, attent għal kull ma jkun għaddej, dejjem lest li jqis mhux biss l-istampa ġenerali imma anke d-dettalji.  Ma kienux jaqbżulu punti żgħar ta’ tjubija u kien ikun minn ta’ quddiemnett li jara kif jgħid “grazzi”.

6.         Hemm ħafna x’jingħad fuq dan il-bniedem ta’ l-azzar, mimli bil-valuri nsara.  Però ma rridx ninsa kemm kien marbut mal-protettur tiegħu San Ġużepp.  Dawk il-valuri tat-tagħlim soċjali li l-Knisja tgħallem u għallmet, kont inħosshom hawn.  Għax mhux biss kien iħobb lill-Missier Putattiv ta’ Sidna Ġesù Kristu, iżda b’mod partikolari l-istatwa li Abram Gatt ħallielna.  Kien, bħali, konvint li hija waħda mill-isbaħ, jekk mhux l-isbaħ, f’pajjiżna.  Hemm kien minflok il-protettur tal-protett.  Niftakar f’xi snin ilu meta bħala avukat kont irnexxili nġib il-kunsensi neċessarji sabiex l-għodda tal-fidda li missirijietna kienu żejnu lill-istatwa biha ġew rilaxxati mill-Qorti wara serqa.  Kien ferħan se jtir u, mort fejn mort f’dawk il-jiem, huwa kien diġa’ xerred l-aħbar.

7.         Kien marbut b’sens kbir.  Niftakar li l-quddiesa kien kemm-il darba jagħlaqha b’talba twila imma verament sabiħa ta’ Papa Ljun XIII dedikata lil San Ġużepp.  Proprju l-Papa tar-riforma tal-ġlieda soċjali tal-Knisja fil-konfront tal-komuniżmu u l-kapitaliżmu kien ibbaża ħidmietu fuq il-Protettur San Ġużepp.  Niftakar għajnejh ileqqu meta, wara l-quddies dħalt u tlabtu, u dlonk ħarġet is-santa li kien stampa hu bl-istatwa Bormliża u fuq wara t-talba qaddisa mimlija sens u sustanza.

8.         Nhar is-Sibt li għadda, waqt li kont qed nattendi għall-funeral tiegħu, ħassejt li ħalla ħafna warajh.  Għex l-Evanġelju, għex ħajja qaddisa – waħda mimlija u mogħtija lill-proxxmu.  Ma hemmx dubbju li qiegħed f’idejn il-Protettur.  Il-protett li pproteġa, qiegħed issa jiġi protett.

*Dan l-artikolu kien deher  fil-mument – 3 ta’ Awissu 2008

Verità, integrità u onestà *




1.       Il-mewt ta’ Sir Anthony Mamo ġiebet magħha ħafna riflessjonijiet, mhux biss fuq il-kontribut tiegħu lejn l-Istat Malti iżda wkoll fuq ix-xenarju legali ta’ l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna.  Il-fatt li kien l-ewwel President tar-Repubblika ta’ pajjiżna, u li kien ukoll il-bniedem li żamm linji mhux partiġġjani, kien imexxina dejjem lejn għarfien ta’ kif għandu jġib ruħu l-bniedem ta’ l-Istat.  Sir Anthony kellu karriera twila li minnha kien jidher ċar li serva f’diversi pożizzjonijiet, kollha ta’ responsabbiltà u diffikultà.  Però dejjem mexa fihom għas-servizz tal-poplu kollu.  Għalhekk gawda u ser jibqa’ rispettat fiż-żminijiet li ġejjin.

2.       Sija meta kien f’dak li llum huwa l-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali jservi ta’ avukat, kif ukoll meta kien hu l-Avukat tal-Kuruna u sussegwentement Prim Imħallef, dejjem ħaddem il-kapaċitajiet tiegħu għas-servizz tal-proxxmu.  Il-moħħ ċar li kellu żammu għaddej fid-diffikultajiet u problemi legali li dawk il-pożizzjonijiet jitolbu.  Ngħid dan għax għalkemm bħala avukat ma għallimnix direttament u anqas dehert quddiemu biex nittratta, kelli x-xorti li naqra n-noti tiegħu fuq il-Kodiċi Kriminali.  Mhux biss, imma bqajt fil-prattika li meta jkolli kawża kkumplikata iktar mis-soltu, nfittex fost is-sentenzi li kienu ngħataw meta kien President tal-Qorti ta’ l-Appell.

3.       Kliemu ċar, dirett, b’sentenzi xejn kumplikati li jifirdu t-tajjeb mill-ħażin, il-ġust mill-inġust.  Hemm studji barra minn xtutna fuq din l-arti li kull ġudikant jikkoltiva u, ovvjament, il-kitba tirrifletti dak il-moħħ li jkun fassal dak il-ġudizzju.  Ma rridx insemmi d-diversi minn dawk id-deċiżjonijiet, però kien mill-iktar ovvju li kellu żelu kbir għax-xogħol u qalb li tħares li tiddefendi lil dawk li qegħdin f’pożizzjoni żvantaggjata.  Hemm, hemm wieħed x’jaqra għax il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali tarahom joħorġu l-ħin kollu.  Ideat, ħsibijiet, konvinzjonijiet li ssawru fil-prinċipji nsara li ħaddan sa l-aħħar.

4.       Il-President Mamo għalhekk huwa eżempju għal min irid jieħu l-ġurament ta’ Uffiċjal ta’ l-Istat Malti u jservih.  Mhux biss.  Eżempju ta’ kif għandu jġib ruħu kull min ikun fl-għola kariga tal-pajjiż.  Kull min segwa l-passi tiegħu, diskorsu u l-komportament tiegħu jaf li qiegħed fuq it-triq it-tajba.  Kien jispira fiduċja fil-Maltin kollha u kien kalatura qawwija fil-miżien ta’ l-eventi politiċi li kienu qed jiżviluppaw dawk il-jiem.  Kien forza li qed tiggarantixxi s-sistema f’mument meta kien hemm min ħaseb li ser tiġri xi ħaġa ħażina għax ma bqajniex monarkija.

5.       Ovvjament, l-eżempju ta’ Sir Anthony Mamo mhux faċli ssegwih.  Però għal min irid jimmira għas-sewwa u għall-ġustizzja għandu fejn imur.  Ser iħalli ħafna warajh, l-iktar, memorja mill-isbaħ ta’ bniedem kapaċi jiġbed lil dak li jkun.  Jiġbdu fuq xi jfisser issegwi l-verità b’qalb miftuħa u bi preparazzjoni intellettwali kbira.  Ma hemmx dubbju li miegħu sejra parti mill-istorja tagħna lkoll.  Ingħalaq kapitolu li diffiċli jirrepeti ruħu.  President kien u President ser jibqa’ f’ħajjitna kollha.  Bniedem li ħabb il-verità u mexa b’integrità u onesta.  Pajjiżna żgur li tilfu.

* Dan l-artikolu kien deher f'Mejju 2008

4.1.13

Platun, il-politika u l-verità





1.       Għal darb’oħra ġiet f’idejja edizzjoni mid-diversi li hawn ta’ kitbet Platun u fiha sibt in-nota li huwa kkunsidrat li twieled bejn Marzu u Lulju tas-sena 427 qabel Kristu, jiġifieri madwar 2440 sena ilu.  Bniedem li rnexxilu jħalli warajh ġabra impressjonanti ta’ kitbiet li influwenzaw fi żmienu u għadhom jinfluwenzaw sa llum.  Għax huwa verament interessanti kif dak li kiteb tant snin ilu baqa’ rilevanti li kull min irid jibda jifhem il-filosofija, anzi min irid jitlaq fuq it-triq sabiex isib il-verità, għandu jaqbad mill-qari u studju ta’ ħsiebu.

2.       Platun huwa l-filosfu umili.  Tul il-kitba, s-suġġetti huma varji però prinċipalment marbuta ma’ riċerka fonda fil-valuri.  It-tjubija, l-isbuħija, l-ugwaljanza, il-verità u l-ġustizzja huma fost l-argumenti li jiġu trattati b’mod mill-iktar miftuħ fejn il-protagonista Sokrate, ta’ għalliem u filosfu eċċellenti li kien, idaħħal lill-udjenza fi djalogu.  Diskussjoni mill-iktar sempliċi, diretta fil-metodu u proprju għalhekk jirnexxilha ġġib dak li huwa kumplikat sempliċi, dak li ma jinftihemx mifhum u dak li tgħix mingħajr ma tagħraf fis-sensi l-preżenza tiegħu tħossok tmissu u tintebaħ kemm huwa neċessarju.

3.       Fil-kitba sħiħa tiegħu tifhem iktar ir-rapport qawwi bejn Sokrate u Platun.  Sokrate jgħix f’kitbet Platun.  Hu ċentrali f’diversi mumenti u proprju għalhekk tiddubita mill-eżistenza tiegħu.  Però d-dipendenza m’hix illużorja iżda ħajja.  Sokrate veru għex u għadda, proprju huwa li għamel ħiltu kollha biex iħaddan il-verità u l-ġustizzja, minn proċess pubbliku inġust li fih instab ħati u kkundannat għall-mewt.  Ma hemmx dubbju li din ir-rabta ta’ dawn il-bnedmin nibbtet iktar f’qalb id-dixxiplu Platun il-bżonn li jidentifika sistema politika ġusta u umana.  Quddiem il-kitba tar-Repubblika, fejn din it-triq tiġi persegwitata b’iktar qawwa, huwa jirreaġixxi u jipprova jibni l-Istat ideali u, biċċa biċċa, jikteb bejn il-liġijiet u l-qafas ta’ l-Istat fuq naħa u l-idejali u l-valuri li jħaddnu l-mexxejja fuq l-ohra.  Għax huwa x’inhuwa, l-ġabra ta’ prinċipji tar-Repubblika donnu ma jimxux jekk ma jitħaddmux b’mod tajjeb.

4.       Iktar ma wieħed jirrifletti, iktar jinduna kemm Platun – tajjeb jew ħażin – ma kienx ippreparat jibqa’ fil-pożizzjonijiet oriġinali ta’ l-għalliem tiegħu iżda ried li l-filosofija ma sservieħx biex jaħrab ir-realtà iżda li jittrasformaha.  Kien ikun faċli għalih li jagħmel dan u jżidha mad-doża ta’ l-akkuża ta’ Aristofane li Socrate kellu rasu fl-isħab.  Proprju għal dan, anzi jrid juri li huma l-filosofi dawk li jfittxu l-verità li huma kapaċi jidentifikaw ir-realtà.  U għalhekk naraw id-dettall interessanti li wara r-Repubblika jidħol għaliha fil-liġijiet.  Dan huwa l-wirt tiegħu li sewa fiż-żmien u għadu rilevanti ħafna.  Anzi nistgħu liberament ngħidu li huwa l-pedament tal-kultura nisranija, mediterranja u Ewropeja.

5.       Għax il-verità, anzi r-riċerka kostanti ta’ verità hija l-pedament ta’ soċjetà demokratika.  Il-komuniżmu huwa bbażat fuq gidba u anzi żamm lilu nnifsu għaddej proprju fuq ġabra ta’ gideb.  Dan kien proprju t-tmiem tiegħu – l-fatt li qed jipprova jgħix illużjoni.  Il-verità hija kundizzjoni neċessarja f’soċjetà libera.  Għax jekk ma hemmx dan, allura r-rapporti umani ma jaqgħux taħt l-awtorità ta’ l-evidenza u l-verità, iżda jwieġbu biss għar-rieda u l-poter awtoritarju.  Kif jgħid tajjeb Michael Novak: “If there is no truth, then, there can be no just claims against tyranny and no evidence of violation of rights, one way or the other.  Appeal to truth is an indispensable condition for the practice of liberty.”

6.       Proprju għalhekk, min iħaddan ir-relativiżmu u l-ħsieb li l-verità  hija komodità inkonvenjenti qiegħed fil-fatt jilgħab, l-ewwel, mad-demokrazija u l-istituzzjonijiet tagħha, u t-tieni mal-valuri profondi u fundamentali tagħha.  Mingħajr il-bżonn ta’ l-identifikazzjoni u riċerka ċara bejn dak li huwa falz u dak li huwa veru, jibqa’ biss il-poter.  Il-poter, jekk isir għan fih innifsu, jwassal lill-bnedmin jagħmlu minn kollox, inkluż li jgħawwġu, jgħidu l-gideb u jimmalafamaw. Dan huwa żgur żbaljat, però sfortunatament id-disperazzjoni u n-nuqqas ta’ konoxxenza tal-ħajja twasslek għal dak.  Il-pajjiż tagħna wkoll għaddej minn din il-ġlieda sabiex tirbaħ il-verità, u Platun jaf li għandu segwaċi minna.

2.1.13

Bdiet sena oħra




1.         Dawn il-ġimgħatejn, numru ta’ drabi jippermettulna li nieqfu naħsbu, innaqqsu mir-ritmu ta’ kuljum u nippruvaw nifhmu aħjar il-ħajja.  Dan mhux dejjem huwa possibbli, l-eventi tad-dinja jibqgħu għaddejjin u ma hemm ebda regola li żżommhom milli jseħħu.  Biss, għal dawk li jistgħu, r-riflessjoni dwar dak li qed iseħħ u għandu jseħħ m’għandhiex tonqos.  Ħafna mumenti ninsew li mingħajr ħsieb nispiċċaw inbatu ferm iktar milli għandna u għax indumu aktar sabiex nagħmlu dak li għandna.

2.         Is-sena t-tajba nawguraw lil xulxin mill-qalb, u sewwa nagħmlu.  Però nafu li ma jistax ikollna tnax-il xahar mingħajr ma naffrontaw l-intoppi, il-problemi u l-għawġ li jiġi magħna.  Ħadd ma jista’ jippretendi li ser isib lilu nnifsu fi stat ta’ non-problemi.  Kull persuna però tagħraf li l-eżami tagħha qiegħed f’kif sejra taffronta dak li jiġi fuqha.  Huwa l-metodu ta’ kif tħares bir-reqqa, bil-kalma lejn dak li ġej sabiex f’dik li tista’ tidher bħala kalamita toħroġ l-aħjar.

3.         Ħadd ma jista’ jgħid li ma rajniex problemi quddiemna, anqas li din is-sena li ġejja m’aħniex ser naraw oħrajn, jew antiki jew ġodda, biss irridu niffukaw iktar kif fid-diffikultajiet li jkollna quddiemna noħorġu l-aħjar.  Ebda sitwazzjoni ma hija impossibbli tant u fiha diversi soluzzjonijiet li fihom tista’ tersaq u tieħu frott minnhom.  Ninnota li l-bniedem konfrontat b’dak li jkun għaddej minnu jara d-dinja sewda tant li ma jagħrafx li jista’ jieħu benefiċċju minn dik l-esperjenza.  Dmir li l-bniedem ta’ rieda tajba huwa li jidħol b’għaqal u intelliġenza għal dak li jiġi fuqu.  Ma jistax jaġixxi b’moħħu fejn ser jasal, iżda kif dak il-ħin li sab ruħu f’dik il-pożizzjoni aġixxa.

4.         Is-sena li għaddiet rajna ħafna sitwazzjonijiet diffiċli quddiemna, b’riħ jonfoħ minn kull direzzjoni li anzi f’ħakka t’għajn tinbidillu.  Xorta waħda affrontajnieh u minn dan ħriġna diversi vantaġġi għal pajjiżna u għall-poplu tagħna.  Ma tlifniex il-kalma u l-istabbiltà interna tagħna imma bqajna għaddejjin.  Trid esperjenza tal-ħajja sabiex jirnexxilek verament għax meta tgħaddi minn dan l-għawġ allura tkun iktar preparat.

5.         Il-bniedem jgħaddi min-nar, mill-ilma jagħli jissoda ruħu ferm iktar minn dak li ma jkollux din l-esperjenza.  Fuq ħidmet l-eventi tad-dinja jsir aktar kapaċi jifhem x’għandu quddiemu u ma jitħalliex jitkaxkar imma jżomm l-ankri sodi tiegħu.  Bastiment ikollu bżonn mhux biss min jidderiġih tajjeb, imma li jkollu l-ankri sodi.  Dan għandna wkoll f’dan il-pajjiż għax kif jidher mill-iktar evidenti minkejja kull ma rajna quddiemma, xorta bqajna mexjin ‘il quddiem u ma tkaxkarniex.

6.         Is-sena li bdejna mhix sejra tkun nieqsa mill-perikli tagħha, ma hemmx dubju.  Ikun żball li naħsbu li dan mhux ser ikun il-każ.  Kull sena però tippreparana għal ta’ warajha.  Kull mument fil-ħajja jbaskatna għal dak li ġej.  Iktar ma ngħarfu l-eżami, iktar ikunu preparati inwieġbu tajjeb.  Ħadd ma jista’ jimmaġina li ser isib l-artab f’hajtu u jonqos jekk iżomm lil ħaddieħor fit-tajjar.  L-abbiltà tal-bniedem hemm qegħda: li jipprepara ruħu li ser isib il-problemi u li jifhem li l-ħajja ma tkunx dik li hi mingħajrhom.

7.         Nawgura sena ħidma lil kulħadd.

Il-konflitt ta’ dejjem




1.         F’kull żmien, f’kull staġun, ikun hemm min ikun hemm u li għandu f’idejh xi forma ta’ poter, irid jgħaddi minn għażliet fundamentali.  Dan li qed nikteb dwaru ma jgħoddx għal dawk li qegħdin fil-poter politiku, iżda għal dawk kollha li b’xi mod għandhom setgħa fuq l-oħrajn.  Dawk li jħaddmu jew dawk li huma nkarigati minn dawk li huma mħaddma magħhom, dan jgħodd għalihom.  L-istess bħal ma jgħodd għal dawk li għandhom poter fil-każini tal-baned, għaqdiet sportivi, soċjali jew reliġjużi.  Min qiegħed fuq l-oħrajn jista’ juża dak li għandu biex iservi, jew biex jiġi servut.  Il-missjoni tal-poter hija dejjem dik li tkun għad-dispożizzjoni tal-oħrajn però diversi, meta tiġi f’idhom, jintilfu.  Issa li akkwistawha, flok iżommu quddiemhom li hija ta’ natura temporanja, jaħsbu li jistgħu jittrasformawha f’waħda permanenti.

2.         Għalhekk ikunu lesti li jwettqu minn kollox.  Kif ngħidu: lesti li jbiegħu ruħhom, l-importanti li jżommu f’idejhom dak li tant isir għal qalbhom, dak li verament jiddominahom.  Isiru persuni li tant jintilfu li jibdew iwettqu anke l-iktar ħwejjeġ żbaljati, ħżiena u kontra n-natura tal-bniedem.    Kull persuna li tingħata poter trid tibża’ minnha nfisha u mill-istess poter.  Hemm ġlieda li trid issir f’qalb kull bniedem biex jassigura li huwa hu li jiddomina l-poter u mhux li jiġi maħkum u dominat minnu.  Il-bniedem modern, dak li aħna niddefinixxu bħala “raġel” huwa l-persuna li jibqa’ minn fuq.  Dak li ma jwettaqx ħwejjeġ kontra l-proxxmu sabiex iżomm lilu nnifsu hemm.  Jaħrab it-tentazzjonijiet u jżomm lilu nnifsu ċar u dirett fil-missjoni ta’ servizz għall-bnedmin fis-sewwa.

3.         Nagħlqu s-sena preċiż wara l-festa mbierka tal-Milied, bit-tifkira tal-massakru tat-trabi innoċenti.  It-trabi, fiż-żewġ Testmenti, għandhom sehem importanti.  Diġà Salamun jiġi mitlub jiġġudika bejn żewġ ommijiet li qed jiddikjaraw il-maternità tagħhom.  Fortunatament isib is-soluzzjoni proprju għax l-omm it-tajba tippreferi l-ħajja għall-wild tagħha iktar mill-poter tagħha fuqha.  Kompli wara bl-ordni snaturata, bestjali u li qatt ma tista’ tiġġustifika ta’ mexxej anzjan li biex jibqa’ jżomm permanentement il-poter jordna l-qtil tat-trabi.  Il-biża’ li hemm tarbija li għada pitgħada ser teħodlu x-xettru twasslu f’dik it-triq.  Il-qari tal-Vanġelu fuq dan, minnu nnifsu jbeżżgħek, ikexkxek u fl-istess ħin ifakkrek f’din il-lezzjoni immortali.  Qatt xi ħadd jista’ jaċċetta dan l-aġir jekk ma jkunx żbaljat minn ġewwa fih?

4.         L-għażla qegħda hemm għal kull persuna, f’kull mument ta’ ħajtu.  Iktar ma jitla’ ‘l fuq, iktar irid joqgħod attent għalih innifsu.  Jiftakar u jirrifletti.  Il-poter, f’kull settur, irid jitmexxa b’attenzjoni, b’valuri nsara: dawk li jħennu, dawk li jħarsu lejn il-ġustizzja u li jassiguraw il-paċi soċjali.  Mhux veru li biex tkun mexxej tajjeb tal-bnedmin trid tkun bla qalb, bla skruplu jew bla ebda forma ta’ prinċipji tas-sewwa.  L-istorja tad-dinja, għal dawk li jridu jaqraw u jgħarblu, hija mimlija b’eżempji ħżiena.  Ta’ nies li ħakmu u nħakmu u ġiebu biss għaks u ġuħ għal dawk ta’ taħthom.  L-eżempji għad-disposizjoni tagħna anzi juru li minn dawk li sostnew prinċipji u valuri nsara ħareġ il-ġid.  Minn dawk li jħarsu lejn id-dinjità tal-bniedem, li jipproteġu d-drittijiet fundamentali tagħhom.

5.         Wasalna lejn l-aħħar ta’ din is-sena.  Waħda mimlija b’eventi.  Rajna dak li ma kellniex, konna xhieda f’dak li ma kellux ikun.  Biss, minn dan m’għandniex nibżgħu imma għandna nieħdu eżempju.  L-ewwel, sabiex min qabad it-triq li jaħseb li fil-ħajja l-poter qiegħed hemm biex jiġi utilizzat bla skruplu u bla forma ta’ ebda dinjità jmur lura minnha.  It-tieni, sabiex nitgħallmu li mill-azzjonijiet ħżiena frott li jittiekel ma jitteħidx.  L-esperjenzi umani hemm qegħdin, għad-dispożizzjoni tagħna.  Irridu nirreaġixxu għalihom.  Dan billi nassiguraw soċjetà fejn il-kultura tal-poter tkun waħda li ma taqax għat-tentazzjonijiet ta’ Erodi, imma li taħrabhom.  Id-demokrazija avvanzata dak hu li twassalna għalih.  Anzi, li titlob minna f’dan il-konflitt kontinwu li nagħmlu.  Id-differenza bejn id-dittatorjati u d-demokrazija hawn qiegħed.  Mhux sempliċi vot f’elezzjoni ġenerali, imma ferm iktar.  Lezzjoni ta’ valuri tajba, ta’ ħidma għas-sewwa li taħrab milli tiġi maħkuma mill-poter.  Is-sena li ġejja ser tkun waħda fejn irridu nkomplu nikkumbattu għas-sewwa sabiex il-poter ma jaħkimx lill-bniedem.

Nawgura s-Sena t-Tajba lilkom kollha u lil kull min, b’xi mod, jgħin f’din il-gazzetta.


KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...