29.4.25

MISERICORDIA - Tislima lill-Papa Franġisku

1. M’hemmx dubju li minn meta ġie elett, il-Papa Franġisku għamel tibdiliet kbar fid-dinja Kattolika. Ħa linja differenti: dik ta’ aktar viċin in-nies. Iktar mimlija umiltà, faqar u mħabba. Għex il-ħajja ta’ mexxej spiritwali b’mod differenti, u mar lura lejn dak li tul dawn il-jiem ser insibu miktuba fl-Atti tal-Appostli. Ġedded kemm felaħ, u sab lil ħaddieħor jgħinu, sabiex iġib lill-Knisja tkun aktar awtentika u kapaċi tissupera l-intoppi u l-kumplikazzjonijiet li ma kinux ġew affrontata tajjeb qabel. Mhu faċli xejn tibdel mentalità u prattika tas-sekli. Imma hu rnexxielu jagħmel impatt qawwi ħafna, tant li nafu li biddel.

Ħniena

2. Beda bil-messaġġ qawwi tal-ħniena. Messaġġ li nxtered ma’ dawk li kienu tbegħdu mill-fidi jew li ma kinux jemmnu. Fetaħ kemm felaħ il-bibien tal-Knisja. Ħafna ġew, u daħlu lura fi djalogu miegħu. Ma żamm lil ħadd barra imma assigura li jibgħat, anzi, lill-kleru jiġri mal-merħla tagħha. Dik tal-Knisja tiegħu u dik ġejja minn knejjes oħra. Ried li jitħalltu u jkunu preżenti magħhom f’dak kollu li kien u li jkun għaddej. Imbotta lill-bnedmin biex ma jibqgħux marbuta fis-sagristija. L-evanġelizzazzjoni hija missjoni deċiżiva, kostanti u li trid titwettaq b’umiltà.

Fit-tul

3. Kien dak li ġieb il-faqar lura bħala valur. Beda bl-isem ta’ Franġisku għall-fqir nett ta’ Assisi. Hu li kien Ġiżwita, għamel għażliet ċari li bihom żamm lil diversi jirriflettu. Kien dak li ddeskriva l-flus f’termini li konna ilna ma nisimgħu. Ħa ħsieb biex dawk li kienu abbandunati fit-toroq ta’ Ruma jingħataw wens, ikel, fejn jinħaslu, fejn jaqtgħu xagħarhom, fejn isibu tabib. Mhux biss, iżda kien jiltaqa’ u jiekol magħhom, l-iktar fil-jiem importanti għalih. Wera li l-vot tal-faqar kien determinanti għall-Knisja fid-dinja tal-lum, fejn isiru diversi kompromessi. Kien il-Papa tal-Prinċipji ċari, u nflessibbli fihom. F’dan kollu kien dak li ħa ħsieb jiddikjara lil Charles de Foucauld qaddis.

Orfni

4. F’dan, wieħed irid imur lura u jifhem dak li l-Knisja għaddiet minnu fl-2013 b’Papa daqstant ieħor kbir bħal Benedittu XVI li kien għadu kif irriżenja. Għal perjodu kien hemm huma t-tnejn f’daqqa, b’influwenza rispettiva fil-karigi differenti. Sitwazzjoni li ebda Papa qabel ma affronta. Kien fid-dawl, u sakemm għadda ż-żmien, kien ukoll fid-dell. Dinja mdorrija bl-ideat ta’ Ratzinger trid tinġieb sabiex tibdel biex tifhem lilu. Ma qagħadx lura, anzi daħal mill-ewwel biex jaġixxi. Għal uħud kien differenti, imma diversi fehmu li kien qiegħed iwassal iktar proġetti li kienu, b’xi mod, inbdew biex iseħħu. Kellna ħajja żewġ persuni li okkupaw il-kariga ta’ Papa, mentri llum ġew it-tnejn imsejħa lura.

Mentalità differenti

5. F’dan ġieb miegħu ideat differenti li r-realtà tal-Amerika Latina tagħti. Għażla kuraġġuża u neċessarja. L-Arġentina u dak kollu li l-post għadda minnu. Elementi li ffurmawh u basktuh biex mhux biss iħaddan il-Fidi, imma jgħixha u jwettaqha f’opri. Mimli azzjoni, deċiżiv. Il-bniedem li kien imwarrab imma skopert mill-ġdid u mogħti ġieħ. M’hemmx dubju li kienet l-Id tal-Ħallieq tagħna għalih li ma kellux ‘karriera’ imma ħajja fejn li “jkun li trid int” kienet verament hekk. Ried anzi jċedi l-pass u jmur lura f’parroċċa żgħira. Minflok, min tah il-ħajja daħħlu jmexxi Parroċċa kbira ħafna.

Paċi

6. F’dawn l-aħħar sentejn ġabar rispett mid-dinja kollha. Kien dak li baqa’ jinsisti sabiex jieqfu l-gwerer. Kien il-bniedem li tkellem fil-verità u dak li kellu jingħad f’isimna qalu. Kull okkażjoni kienet tajba. F’dan għallem u għadda ħafna lezzjonijiet u riflessjonijiet. L-Omeliji tiegħu diretti lejn il-qalb u l-moħħ tagħna. Żied fl-għerf għal dawk li jafu u rnexxielu jċaqlaq oħrajn fit-Triq it-Tajba. L-Enċikliċi tiegħu jitolbu dejjem iktar qari u studju. Kull paragrafu trid ġimgħat biex tassorbih. Kien jaf ħafna u f’dan għallem daqstant ieħor.

Insellmulu

7. F’ħajtu għamel kull sforz u ma baqax lura milli jagħti ħajtu għall-oħrajn sal-aħħar sforz u nifs. L-aħħar marda tiegħu kienet iebsa u kiefra. Dan fl-istess triq li San Ġwanni Pawlu t-Tieni segwa. Ilkoll niftakru li t-tnejn għaddew mill-istess esperjenza ta’ Via Sagra li raw mingħajr ma kienu preżenti għaliha u wara ttieħdu. Wieħed fil-protezzjoni tal-Ħniena Divina u Franġisku f’dik tagħna f’ta’ San Anselmu. F’dan għalhekk ċertament għandna dmir insellmulu. Infaħħruh u nirringrazzjawh għal dak li kien u f’dak kollu li ser jibqa’ magħna. Ċertament wieħed li ser iħalli marka fil-qlub ta’ diversi. Persuna li, fuq kollox, kitbietu ser ikomplu jiggwidaw lilna u lil dawk li għad iridu jiġu. Persuna li riedna nħennu u li nitolbu lil min irid iħenn għalina. Persuna li ser jibqa’ fil-memorja kollettiva tagħna.

PAĊENZJA U PERSEVERANZA

1. Aħna u noħorġu minn din il-ġimgħa qaddisa u hekk kif għada t-Tnejn nerġgħu lura għall-ħidma parlamentari, tajjeb li nippreparaw ruħna għal dak li ġej. Irridu naċċettaw illi beda l-‘final countdown’ ta’ din il-leġislatura. Il-pożizzjoni tista’ ma tkunx daqshekk leqqiena għalina, imma ma jfissirx li m’hemmx x’wieħed jista’ jagħmel fiha. Il-politika fiha minn kollox u nafu li kull ġimgħa hija storja differenti minn oħra. Tista’ ssegwi dak li jkun hemm għaddej u tista’ wkoll tibdel. Riħ partikolari jibdel ferm iktar milli naħsbu, dejjem jekk jonfoħ kif għandu. Jiddependi minna kif ukoll mill-Gvern tal-ġurnata.

Pendlu

2. Nitlaq b’dak li għandha tkun ħidmet in-Nisrani fil-politika nazzjonali fi ħdan partit Demokristjan bħal tagħna. Naqbad minn dak li qrajt: “I Cristiani non possono essere solo ascoltatori; devono essere anche “esecutori della parola”, “esecutori dell’opera.” (L-Insara ma jistgħux ikunu biss dawk li jisimgħu, iridu jkunu wkoll dawk li jwettqu l-kelma, dawk li jwettqu l-egħmil.) Dan fit-triq tagħna lejn dik li nagħrfu li hija l-Liġi perfetta tal-libertà, li aħna parti minnha. Dan fl-għarfien ċar li għandna missjoni quddiemna: li nibnu ordni soċjali ġdid u aħjar milli għandna llum. Inħarsu lejn dak li qed ngħixu fil-preżent u l-miri tagħna lejn il-futur. Issa ferm aktar li nafu li aħna ferm ixjeħ milli konna. Issa li ġej il-futur għandna nifhmu aktar li quddiem l-istorja l-ħajja politika hija, fuq ħafna, pendlu.

Dawk li jaħsbu

3. Ċertament, it-tibdiliet ma jsirux bix-xejn, fis-sempliċi xewqa u l-immaġinazzjoni li tista’ tiġri xi ħaġa favur tiegħek. Isiru bi pjan, ħsieb, u fuq kollox proċess ta’ persważjoni. Proċess li bih tikkonvinċi lill-oħrajn li l-proġett politiku tiegħek huwa aħjar, stabbli, u kapaċi jħares lejn dawk l-isfidi li ġejjin għalina. F’dan nittama li ma nilludux ruħna, l-ewwel bil-kunflitti fl-Ukrajna u f’Gaża li ma waqfux u li anzi għaddejjin iktar b’kumplikazzjonijiet oħra; it-tieni bil-ġlied li ħiereġ minħabba t-tariffi ekonomiċi, is-sitwazzjoni għad-dinja soċjo-ekonomika tagħna mhijiex ser tkun nieqsa mill-intoppi. F’dan tibqa’ dejjem il-gwida li dawk li jikkunsidraw li huma b’saħħithom isibu ruħhom dgħajfa, u l-kontra. Fejn ċertament l-umiltà, li qed dejjem issir aktar rari, hija l-gwida u l-kalibru li permezz tiegħu tista’ tiddixxerni sabiex tifhem fejn verament inti sejjer.

Kwistjoni differenti

4. F’dan, ix-xenarju politiku tagħna jitlob aktar eżami paċenzjuż u perseveranti. Infittxu l-verità u għalhekk nieqfu fir-retorika passata u ta’ propaganda faċli li hemm xi diviżjoni nterna u għalhekk ma nistgħux nimxu ’l quddiem. Għalkemm l-opinjonijiet huma neċessarjament abbundanti, dan mhux hemm. M’hemmx “qasma”, jew ġlied, jew gambetti. Ir-raġunijiet għall-pożizzjoni politika naħseb li trid tinstab f’post ieħor. Tiġi minn eżami iktar fid-dettall u fit-tul. Proċess li huwa aktar indikat minn ġeneraliżmi varji. Dak li qed inressqu, nipproponu, u kif il-pajjiż qiegħed jipperċepih huwa l-fil tal-punt li bih trid tibda. Jista’ jkun li l-ideat mhumiex jinżlu tajjeb, jew min qiegħed jiddikjarahom mhuwiex jinżel tajjeb. Imma dmirna huwa li nidentifikaw u nsolvu. Fejn bis-sabar nagħrfu nibdlu l-metodi u l-istrateġiji, u fuq kollox, jekk hemm lok, li wieħed dejjem jieħu pass lura.

Konrad Adenauer

5. F’dan nittama li wħud, bħali, jħarsu u jieħdu eżempju minn dan il-bniedem. Dan il-mexxej politiku li għex bejn l-1876 u li miet fid-19 t’April 1967 ifakkarna biċ-ċar fil-valuri politiċi tal-paċenzja u tal-perseveranza. Dawk li bħala Demokristjan ħaddan u pprattika b’tant ġid. Dak li bata personalment u fit-tul minn idejn il-ħakma dittatorjali tan-Nażiżmu. Dak li lilu ġie fdat il-pajjiż u li mexxieh lura lejn id-demokrazija, l-għaqda u s-saħħa soċjo-ekonomika li llum il-ġurnata nagħrfu ferm aktar. F’dan kien il-bniedem li baqa’ jirreżisti. Baqa’ dak li għandu l-ideat li mexxewh f’ħidmietu. Kien, kif ingħad dwaru, b’dawn il-prinċipji speċjali: “The State owes the individual a space of his own in which he can evolve freely; therefore the basic rights must be invulnerable. And honesty must prevail; if there is one thing Adenauer hated, it was the tendency of totalitarian regimes to lie deliberately to their people.” (L-Istat għandu d-dmir lejn il-bniedem li jiggarantilu dak l-ispazju personali fejn jista’, fil-libertà, jiżviluppa; għaldaqstant id-drittijiet bażiċi tiegħu għandhom ikunu invjolabbli. U l-onestà għandha tirbaħ. Jekk kien hemm ħaġa li Adenauer kien jobgħod kienet dik it-tendenza kontinwa ta’ kull reġim totalitarju li jigdeb lill-poplu.)

Umiltà u Onestà

6. F’dan il-Ħadd speċjali tal-Ħniena Divina marbuta magħna, f’ħafna sens nittama li nagħrfu kemm għandna wirt ta’ prinċipji politiċi sodi. Kemm ukoll dawn mexxewna fis-sewwa qabel. Kemm mexxew oħrajn barra minn xtutna. Kemm għadhom ħajja u preżenti fid-dinja. Kemm m’għandniex bżonn inkunu differenti minn dak li aħna. Fuq kollox, li huma dawk li jitolbu minna, fit-triq tal-umiltà u l-onestà li nkunu paċenzjużi, imma wkoll aktar, perseveranti.

TIĠINI L-KURŻITÀ

1. Jiġuni diversi mumenti meta ninxeħet lura naħseb fuq bnedmin li għexu fil-passat. Nafu kif kienu jaħsbuha fuq numru ta’ punti minn dak li kitbu jew inkiteb dwarhom. Biss, mingħajr ma naf, nistaqsi lili nnifsi kif dawn kienu jirreaġixxu kieku għadhom jgħixu hawn magħna. X’kienu jgħidu, jiktbu, u kif kienu jaġixxu fuq dak li hu għaddej, speċjalment bħalissa, fid-dinja tagħna. Bnedmin li kienu ppreparati għall-eventi ta’ żmienhom. Esperjenza twila fil-ħajja pubblika u wkoll fil-qari ta’ kotba varji li kienu jiġu għad-dispożizzjoni tagħhom. Kellhom karattru. Anzi, kienu bnedmin ta’ valuri sodi u li għalkemm kellhom id-difetti umani tagħhom kienu deċiżi fil-fehma li hemm kodiċi ta’ komportament li kellhom jimxu miegħu. Virtù f’ġabra ta’ prinċipji li fuqhom il-persuna t-tajba, iċ-ċittadin eżemplari kellu, jew anzi kien mistenni, li jġib ruħu. Fuq dawk il-binarji, il-boxxla soċjali interna tiegħu.

Ngħid iktar dan

2. Ngħid aktar dan fil-kuntest ta’ dak li għaddej fl-Istati Uniti tal-Amerika bil-presidenza attwali. Forsi qed nistennew wisq loġika minn poplu li ninsabu mdorrija li jsegwi linja demokratika. Forsi għandna tort li m’aħniex ippreparati ngħixu kontinwament il-loġika tal-illoġika. Forsi wkoll din hija l-moda llum, li wara sekli ta’ ċiviltà u mġieba li timmira li tkun tajba, korretta, issa rridu ngħaddu minn snin li fih jiġi miċħud kollox. Hemm min jaħseb li qiegħed jistabbilixxi xi linja ‘ġdida’. Hemm ukoll min iħossu liberu minn kull regola u jrid jikteb kollox hu. Hemm ukoll min jagħraf id-dgħjufijiet tas-sistema demokratika u jrid jieħu vantaġġ għax jemmen li l-vot jgħodd biss sakemm jikseb il-poter. Imma l-verità hija li l-aġir, għalkemm fi ħdan u fis-sistema, mhuwiex fil-linja tas-sistema.

Dawk ta’ qabel

3. F’dan inħares lura lejn dawk li ħadmu biex ġiet fis-seħħ, għall-ewwel darba fl-istorja tal-bniedem, sistema demokratika permanenti u stabbli. Inħares ukoll lejn dawk li għalkemm mhux ulied l-Istat Amerikan, ammirawha u kitbu favur tagħha. Jiġu proprju f’moħħi f’dawn il-jiem, l-ewwel Benjamin Franklin (1706-1790), li ġie nieqes fis-17 t’April, u wara Alexis de Tocqueville (1805-1859), li ġie nieqes fis-16 t’April. Tal-ewwel parteċipi attiv fil-proċess għall-Indipendenza u tal-Kostituzzjoni tal-pajjiż. Dak li ħalla ħafna kitba warajh, fosthom il-magħruf The Autobiography of Benjamin Franklin (1771-1790). It-tieni, l-ammiratur Franċiż li kiteb fit-tul u fid-dettall dwarha fil-kapulavur tiegħu Democracy in America (1835-1840). Żewġ volumi ta’ osservazzjonijiet u għarfien tal-vantaġġi li nbnew u li għadhom attwali. Kotba li jixirqilhom importanza u li ħaqqhom jinqraw. Parti mill-proċess sħiħ biex wieħed jista’ jifhem dak li ġie mwaqqaf u l-loġika sħiħa warajh.

Bnedmin

4. Persuni rikonoxxuti f’ħidmiethom u fil-karattru. Bħal dak li hemm f’ittra li Benjamin Vaughan (1751-1835), il-politiku Ingliż li minn Pariġi, fil-31 ta’ Jannar 1783, jikteb lil Franklin, fejn jgħidlu: “Some men have been virtuous blindly, other have speculated fantastically, and others have been shrewd to bad purposes; but you, Sir, I am sure, will give under your hand, nothing but what is at the same moment, wise, practical and good.” (Ċerti bnedmin huma għomja fit-twettiq ta’ dmirhom, oħrajn spekulaw b’mod fantastiku u oħrajn kienu makakki bi skopijiet ħżiena; imma int, Sinjur, ninsab ċert, minn taħt idejk ma tagħti xejn ħlief dak li fil-mument huwa għaqli, prattiku u tajjeb.) Dan il-bniedem, li mexxa ruħu fil-qari u t-tagħlim ma kienx proprju Nisrani, imma silet diversi prinċipji minn dik il-fidi. Dawk elenkati fi tlettax-il waħda, fosthom l-Umiltà, fejn jitlobna nimitaw lil Ġesù Kristu u lill-filosfu Grieg Sokrate.

Magħruf

5. Huwa mimli b’għerf li ċertament kull politiku f’dak il-poplu u fid-dinja għandu għad-dispożizzjoni tiegħu. Fosthom dik li kien kiteb fl-1756: “Love your Enemies, for they tell you your faults.” (Ħobb lill-għedewwa tiegħek, għax huma jgħidulek id-difetti li għandek.) Parir mill-iktar sabiħ, utli u f’postu li kull min jieħu bis-serjetà l-politika għandu jagħraf tajjeb li jsegwi. Fil-fatt, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar nagħraf li fih direzzjoni u gwida. Ovvjament mhux faċli, aktar u aktar għax fid-dinja daħlet iktar il-linja li min mhuwiex miegħi mhux nipprova nġibu miegħi, imma nopponih. U jekk nista’, neliminah u nemarġinah. Id-demokrazija fl-Istati Uniti tal-Amerika kibret b’dan il-prinċipju politiku. Dak li dwaru tikteb tajjeb ħafna Doris Kearns Goodwin (1943) fil-ktieb tagħha Team of Rivals (2005), fejn fih tispjega ħidmet il-President Repubblikan Abraham Lincoln (1809-1865), li kien ġie assassinat fil-15 t’April, li kien hu li ġabar lil dawk li kienu kontrih miegħu. Jaħdmu miegħu.

Mhux il-każ

6. Mhux il-każ kif qed naraw illum. Wisq kuntrasti, wisq ġlied fix-xejn għaddej f’din l-amministrazzjoni tal-President Donald Trump. Nittama li ma nibqgħux nilludu ruħna dwarha. Hemm min qiegħed jipprova jirkeb fuq il-karru. Hemm min qiegħed jibqa’ fis-silenzju għal dak li hu għaddej. Imma hemm punti li wieħed għandu jimmarka. Kull azzjoni fil-politika ġġib, f’xi mument, reazzjoni. Ħidma li tantagonizza oħrajn ma tissudax, imma żżid lil dawk li jirreżistu. Ċert aktar f’dan li Benjamin Franklin ma tantx jaqbel mal-mossa politika li tipprova tindaħal f’dak li universitajiet, bħall-magħrufa u prestiġġjuża Harvard, tgħallem. Hu li kien strument sabiex jikbru u jitwelldu universitajiet sabiex ulied il-poplu jikbru u jitgħallmu kien naħseb jaqbel ma’ dak li Alan Garber, il-President tal-Università (1955) iddikjara ftit jiem ilu: “No government – regardless of which party is in power – should dictate what private universities can teach, whom they can admit and hire, and which areas of study and inquiry they can pursue.” (Ebda Gvern – indipendentement minn liema partit qed jiggverna – ma jista’ jiddetta dak li universitajiet privati jistgħu jgħallmu, lil min idaħħlu jew jimpjegaw u liema oqsma ta’ studju jew speċjalizzazzjoni jagħżlu li jieħdu.)

Eżempji

7. Fid-dinja hemm ħidma tajba u oħra ferm u ferm inqas tajba. Dak li għaddej bħalissa f’dak il-pajjiż, wisq nibża’ li huwa fit-tieni direzzjoni. Il-pajjiż beda jitlef mill-istima morali li kellu qabel. Diversi li qabel ħarsu lejh b’ammirazzjoni u forom ta’ tama, issa qed jibqgħu pass lura. Kif kien qal tajjeb il-famuż John Dewey (1859-1952), id-demokrazija u l-edukazzjoni huma ħaġa sħiħa. Meta tattakkahom u tneħħilhom il-libertà li ħaqqhom tkun qed tieħu lill-poplu lura, u mhux ’il quddiem. Għalkemm il-kurżità tibqa’ tegħlibni, m’għandix dubju li dawn il-bnedmin miġbura lura, illum ma kinux ser iċċapċpu jew joħorġu jdoqqu għal dak li huwa għaddej bħalissa.

TAMA KONTINWA

1. Hemm ġranet li, jingħad x’jingħad, fuq dawn il-gżejjer jibqgħu importanti għalina. Tul dawn il-jiem rajt lil diversi nies jieħdu sehem fil-funzjonijiet reliġjużi. Smajt oħrajn jiddikjaraw li ma jsifrux minn hawn proprju biex ikunu preżenti għalihom. Hawn għandna tradizzjonijiet li fis-snin ma jaqtgħux. Għandna memorja kollettiva b’saħħitha li fortunatament iżżommna fl-identità nazzjonali li ngawdu. Forsi qatt daqs dawn il-jiem ma nifhmu x’għandna fil-kaxxa tad-deheb tal-valuri tagħna. Nifhmu aktar dak li għaddewlna ta’ qabilna u kemm ninsabu fil-periklu li dawn jonqsu mill-importanza jew jintilfu. Saru, u ttieħdu deċiżjonijiet li ġabuna aktar moħħna fil-flus milli f’dak li jġibilna l-ferħ veru.

Tradizzjonijiet

2. Għandna għad-dispożizzjoni tagħna ġabra ta’ użanzi u attivitajiet li ta’ qabilna sawwru. Dawn mhumiex żbaljati. Anzi, jiffurmawna u joħorġu aktar it-tajjeb li għandna. Punti li jimmarkawna fis-sewwa. Anki jekk nafu li hemm min ma jaqbilx ma’ dan fil-ħsieb li dawn huma tal-poplu għax jarahom mhumiex tiegħu billi hu jinsab tant ’il fuq. Hemm ukoll dawk li qatt ma marru għax ħadd qatt ma ħadhom, jew għax ma kienx hemm min ifissirhomlhom. Biss il-verità hija li l-maġġoranza hija favur dak kollu li niċċelebraw b’tant attenzjoni u dinjità. Il-pajjiż għad għandu numru kbir ta’ persuni li jifhmu li d-dimensjoni reliġjuża hija importanti u m’għandniex nitilfuha. Għandna nimmarkawha u nassiguraw li nkompluha waqt li nsaħħuha. Il-kittieb Amerikan ta’ diversi kotba, Henry James (1843-1916) qrajt li kien qal: “A tradition is kept alive only by something being added to it.” (It-tradizzjoni tibqa’ miżmuma ħajja sakemm iżżid xi ħaġa oħra magħha.)

Għarfien

3. F’dan kollu wieħed jifhem dejjem aktar li m’għandux minn xhiex jistħi minn dak li sar u minn dak li għandna. Iċ-ċiviltà oċċidentali, dik li hija mmarkata bl-influwenza Kristjana, ġid għamlet f’pajjiżna u mhux deni. M’aħniex poplu li għadu lura jew li huwa qalbu marbuta ma’ dak li ma jagħmilx sens. Anki jekk xi wħud, permezz tal-pinna tagħhom iċekknu u jikkritikaw dan il-vantaġġ, meta jaqraw il-fatti jifhmu li oġġettivament u fir-realtà, biha mxejna ’l quddiem. Għax dawn il-valuri Nsara li niċċelebraw tant tajjeb ikabbru fina: l-ewwel, l-għarfien tal-għeruq li għandna; u t-tieni, jmexxuna fit-triq lejn iktar atti ta’ solidarjetà fis-soċjetà. Aħna lkoll f’daqqa u mhux kull persuna għal rasha. Dak li nwettqu f’ħajjitna personalment, b’xi mod ser ikollu effett fit-tajjeb, jew le, fuq oħrajn.

L-Għid il-Kbir

4. Waqt li qegħdin barra, jew forsi qegħdin taqraw dan l-artiklu, nittama li qegħdin naraw l-Istatwa ta’ Kristu Rxoxt għaddejja fit-toroq ta’ diversi bliet u rħula ta’ pajjiżna. Għaddej bil-ferħ li jġib u fil-konkorrenza kostanti li dan il-ferħ jitkabbar. Hemm ħeġġa fina li tista’ tispjegaha biss b’ħaġa waħda: dik li nagħrfu li dawn it-tradizzjonijiet fihom valur fihom infushom. Huma ħajja verament u mhumiex irmied, kif kien qal tant tajjeb il-kompożitur Awstrijak Gustav Mahler (1860-1911). Dak il-bniedem li tul dawn il-ġimgħat iċċelebrajna l-mija u tletin sena (1895) minn meta ġiet esegwita għall-ewwel darba t-Tieni Sinfonija tiegħu marbuta mal-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. Huwa kien qal tant tajjeb: “Tradition is not the worship of ashes but the preservation of fire.” (It-tradizzjoni mhijiex l-adorazzjoni tal-irmied iżda l-preservazzjoni tan-nar.)

Għandna dmir


5. Anki jekk ninsabu f’dinja mħawda aktar minn qatt qabel, aħna għandna skop. Fejn mal-ġlied imdemmi li qed naraw, fejn kuljum inqumu għall-aħbar ta’ iktar imwiet ta’ wlied, issa qed imissu ma’ taħwid ikbar fir-relazzjonijiet bejn l-istati fil-kummerċ. Atti akbar ta’ instabilità u nuqqas ta’ paċi. Atti illoġiċi u kontro-produttivi. F’dan aktar naħseb li għandna d-dmir li nibqgħu naffermaw u nipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet reliġjużi tagħna. M’għandniex minn xhiex nistħu. Wisq inqas m’għandu jkollna xi ħeġġa li nogħġbu lil xi oħrajn billi ma nkunux hemm. Din il-ġimgħa hija verament parti sħiħa mill-identità tagħna. Hija dik li hija boxxla għal-lum u għall-għada tagħna. Tmexxina fit-triq it-tajba u tagħtina iktar l-għarfien li aħna għandna skop preċiż u ċar xi nwettqu f’ħajjitna. Għax il-verità fundamentali hija li l-Għid il-Kbir fih dan il-messaġġ qawwi ta’ tama vera, kontinwa, li ma ssibux fix-xejn.

Minn qalbi nawgura lilek, Sur Editur, u lil kull min jaqra din il-gazzetta, l-Għid il-Kbir it-Tajjeb u fil-paċi.

15.4.25

LAZZRU U L-PATRUNI TIEGĦI

1. Tul din il-ġimgħa mhux proprju jixraq li titkellem jew tiddiskuti l-politika. Tista’ tkun attent ħafna fid-dawl ta’ dak li tkun qed tara b’għajnejk u forsi wkoll ikun jixraq il-mument. Imma anki jekk imdorri nipprova naħseb fuq dak li hemm madwari, xorta naħseb li ma jixraqx. Jixraq minflok li titkellem dwar dak li huwa uman. Dak iktar viċin il-bniedem fil-punti li verament jibdluh. Inżomm quddiemi lid-diversi persuni li rajt u għadni nara f’ħajti. Iltqajt ma’ dawk li kienu mimlija b’ġid materjali imma li xorta mhumiex ferħana. Fuq in-naħa l-oħra missejt ma’ dawk li għandhom ferm inqas imma li jafu jgħixu aħjar. Bnedmin varji b’forom daqshekk differenti li fit-triq tagħraf tmiss magħhom. Xi wħud bil-geddum u oħrajn bit-tbissima.

Il-Qari

2. Ma’ dawn inżid il-ħajjiet ta’ dawk li oħrajn kitbu dwarhom, jew dawk li kitbu huma stess fuqhom infushom. Hemm minjiera ta’ kitba kostanti u sabiħa li hija għad-dispożizzjoni tagħna lkoll. Veru li aħna, bħala poplu, ma tantx aħna magħrufa li aħna fost dawk li jħobbu jieklu l-paġni tal-kotba, imma fil-verità hemm xewqa kostanti fil-bniedem li jsir jaf iktar milli kien jaf. Għandna diversi libreriji pubbliċi għad-dispożizzjoni tagħna, għalkemm ninsisti li nistgħu nonfqu ferm iktar milli aħna għall-ġid nazzjonali tagħna. Dan fi proċess li tħajjar lil dak li jkun biex jaqbad ktieb f’idejh billi jirnexxilu jsib varjetà dejjem akbar ta’ pubblikazzjonijiet: dawk riċenti u dawk passati. Għandna nammettu li m’għandniex politika nazzjonali qawwija biex iżżid il-qarrejja.

Żewġ patruni

3. Tul dawn is-snin li ilni fid-dinja politika nista’ ċertament, għalkemm nirrikonoxxi li kelli diġà qabel, il-kilba li naqra. Però naħseb li b’xi mod din il-kilba rnexxieli nżommha. Dejjem fittixt li jkolli ktieb tajjeb f’idi. Nammetti li sibt gwida u protezzjoni fil-kontenut għad-dispożizzjoni tiegħi. Daqqa jkolli politiċi, daqqa dawk imsejħa għall-qdusija u daqqa wkoll dawk varji. Kull leġislatura li sa issa servejt fiha kelli lil xi ħadd li ggwidani u żamm idejh fuqi. Kemm stajt ma nqtajtx mill-ilma frisk u ħaj li saħħaħli l-ideat. Waqt li ndur lura niskanta kemm kważi kull ġimgħa, f’din il-ħajja politika, ktibt artiklu jew tnejn fil-gazzetti varji tagħna. Iktar fl-aħħar leġislatura, li hija wkoll kienet sfida f’livelli differenti u li ma kenitx faċli għalija biex nibqa’ nipprova nsib l-ispazju biex nagħti sehmi għas-sewwa. Kelli dubji varji, imma ħarist u ħadt eżempju minn oħrajn qabli li ma ċedewx.

12 t’April 2022

4. F’dawn l-aħħar jiem ftakart mill-ġdid li tlett snin ilu erġajt ġejt elett biex inservi. Jum importanti għalija proprju għax kelli ħafna dożi ta’ dubju dwar jekk kellix nikkontesta u jekk kellix nibqa’ għaddej fl-avversitajiet li rajt. Din il-ħidma wkoll mhix faċli, aktar u aktar fil-preżent. Imma fuq in-naħa l-oħra, inżomm quddiemi li dan huwa marbut ma’ żewġ persuni li nħoss li huma gwida u protezzjoni għalija. Jibqgħu hemm fuq iħarsuni. Bnedmin determinati li pperseveraw fis-sewwa għal ħuthom li raw u ħassew li kellhom bżonn il-ħidma tagħhom.

Moscati u Mazzolari

5. Tal-ewwel huwa l-qaddis San Giuseppe Moscati (1880-1927). Tabib magħruf li serva lil dawk l-inqas fis-soċjetà b’imħabba u b’dedikazzjoni. Karriera li bdiet f’dak imsejjaħ bħala Ospedale Degli Incurabili f’Napli, il-belt li għex u ħadem fiha. Dedikazzjoni totali għall-pazjenti sakemm fit-12 t’April 1927 ġie nieqes wara ġurnata ħidma mal-pazjenti. It-tieni, Don Primo Mazzolari (1890-1959), saċerdot, kif jgħidu, ta’ veru, li sab ruħu mwarrab, itturufnat, emarġinat u ċċensurat. F’belt mill-iżgħar ta’ Bozzolo, fejn serva lil dawk l-inqas fis-soċjetà. Ħadem, kiteb kotba u artikoli varji u ppriedka. Sab ruħu fil-mira ta’ dawk li ma qablux miegħu imma ma kienx nieqes mill-kuraġġ. Serva lil pajjiżu fir-reżistenza, dejjem u kostantement kontra l-Faxxiżmu u n-Nażiżmu. Baqa’ għaddej sal-jum ta’ mewtu, fit-12 t’April 1959.

Ta’ fuq u ta’ taħt

6. Kienu t-tnejn bnedmin li kellhom lil minn javversahom. Imma l-iktar, il-poplu, li kien iħobbhom. Kienu dawk li fittxew li jaraw u jmissu mal-verità. Dik li diversi jridu, imma li ma jafux fejn isibuha. Dik li tinsab u li hija għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd. Dik li ssaħħaħ lill-bniedem biex ma jidħakx bih innifsu. Jagħraf fejn hu, u jagħraf li dak li qiegħed jieħu sehem fih jissudah u jfakkru fil-balzmu li dak li qiegħed iwettaq huwa bis-sens u li se jservi ta’ ġid. Verament, l-ingratitudni tista’ tkun ġebla li tfixklek f’dan. Veru wkoll li tista’ tkun ittantat li tibqa’ pass lura għax taf li ħaddieħor mhux ser japprezzak. Anzi jaf, minflok, jiddisprezza ħidmietek. Imma l-esperjenza umana tfakkrek li m’għandek tagħmel xejn bil-ħsieb li ser ikun hemm min, wara, li ser ikun rikonoxxenti lejk.

Lazzru

7. Dan aktar u aktar f’soċjetà li taħseb li qed tikber jekk issir aktar egoista u tħalli warajha l-atti ta’ ġenerożità. Qed naraw wisq eżempji ta’ bnedmin li flok jaħdmu għall-oħrajn qed iħarsu biss xi gwadann ser jieħdu huma. Fuq kollox u wkoll, il-kunċett li għal kull ma twettaq titħallas aktar milli għandha. F’ħafna sens, is-soċjetà tinsab u qed tidher li qed titlef mit-tajjeb li għandha. Dak li hemm bżonn aktar li jitqajjem mill-ġdid sabiex nibdlu triqatna. F’dawn il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa ser ċertament naqraw ukoll dwar Lazzru u kif tqajjem mill-mewt. Ser inħarsu lura lejn dak li aħna u dak li jista’ jseħħ. Ser nifhmu li hemm valuri Nsara li bihom is-soċjetà tista’ terġa’ tmur lura għal dak li darba kienet. Terġa’ ssir lura dik li tagħraf il-verità, is-sewwa, il-ġenerożità u taħdem biex, kif għamlu l-patruni preżenti tiegħi, twettaq atti ta’ sens u sustanza.

Minn qalbi nawguralkom l-Għid il-Kbir it-tajjeb.

14.4.25

NAGĦRFU D-DIFFERENZA

1. Hemm il-kliem ta’ Reinhold Niebuhr (1892-1971) li jiġu quddiemna diversi drabi. Ifakkruna li hemm ħwejjeġ li nistgħu nibdlu u oħrajn li ma nistgħux. Dik it-talba sabiħa li tibqa’ dejjem quddiemna u li tgħidilna: “O Alla, agħtini s-serenità li naċċetta l-ħwejjeġ li ma nistax nibdel, il-kuraġġ li nibdel il-ħwejjeġ li nista’, u l-għerf li nagħraf id-differenza.” Għax hemm verament żmien ta’ bidla u hemm dak fejn le. Imma fuq kollox hemm ukoll il-bżonn u n-neċessità li nersqu sabiex bl-użu tajjeb tar-raġuni nagħmlu l-kunsiderazzjonijiet tagħna. Nifhmu dak li qed jaħdem u dak li mhuwiex. Nieħdu l-passi li hemm bżonn. Infittxu jekk dak li qed naraw huwiex minnu u jekk huwiex il-kontra ta’ dak li qed naħsbu. Inqisu u nerġgħu nqisu sew biex inkunu kemm jista’ jkun sodi u nimxu fit-triq tas-sewwa.

Il-Verità

2. Huwa proċess li bih kull bniedem jieħu lilu nnifsu sabiex jagħraf il-verità. Dik il-verità li fil-fatt teħlisna sabiex nimxu ’l quddiem. Fejn nippruvaw nagħrfu min aħna preżentement, imnejn ġejjin u fejn fil-fatt sejrin. M’hemmx aqwa mill-użu tar-raġuni u dan fid-dawl tal-valuri sħaħ tagħna. M’hemmx gwida aqwa milli nfittxu l-missjoni tagħna u nimxu fil-linja li s-sens mill-iktar sabiħ u komun li ngawdu f’dawn il-gżejjer jagħtina. Dan fil-bżonn kontinwu li nkunu ċari f’moħħna u ma nkomplux, jew aħjar, ma naqgħux fix-xibka li nimmaġinaw li aħna ‘destinati’ li mmorru tajjeb meta fil-fatt ma hemm xejn li juri li dan ser iseħħ. Nagħrfu aktar fil-fond il-verità, għax hija teħlisna biex nimxu lkoll ’il quddiem fil-libertà u l-preparazzjoni.

Jgħodd

3. Dan jgħodd dejjem iktar għal dak li huwa għaddej fid-dinja ta’ madwarna u f’dik tagħna stess. Is-sitwazzjoni qed taggrava ruħha u min jimmaġina li bil-Gwerra tat-Tariffi m’aħniex ser nintlaqtu huwa żbaljat. Qegħdin neżlin f’majnata, jekk m’aħniex diġà qegħdin f’oħra. Il-prezzijiet minn dan il-proċess mhumiex ser jonqsu milli jogħlew u magħhom il-ħajja fil-bżonnijiet tagħha wkoll. Mhux biss, imma l-gwerra fl-Ukrajna ma waqfitx u wisq inqas l-atti fuq Gaża. Kollox baqa’ għaddej bħal qabel. L-isfidi għalina għalhekk mhumiex faċli, aktar u aktar meta politikament, kif nafu, f’mumenti ta’ kriżi huwa l-Gvern tal-ġurnata li jkollu l-aktar vantaġġi. Xorta però wieħed irid jarma lilu nnifsu u ma jaqtax qalbu sabiex jifhem ir-realtà tal-lum u dak li ser naffrontaw fis-snin li ġejjin. Almenu fl-erba’ snin ta’ din l-amministrazzjoni Amerikana.

Żmien

4. F’dan, ċertament mhuwiex iż-żmien, bħalma dejjem mhuwiex, li wieħed jintilef fi ġlied, konfronti jew polemiċi interni. Dawn ma jwasslu mkien u minnhom, kif aħna, il-pożizzjoni taf taggravalna. Aktar atrit u inqas ħidma kollettiva. Qisu f’dan irridu nibqgħu fil-proċess xejn tajjeb li rajna f’partiti barranin, b’mod partikolari dak Konservattiv Ingliż, li ma għarafx la l-polz u lanqas il-mument storiku li kien għaddej minnu. Jiġu f’idi diversi kitbiet ta’ politiċi u akkademiċi li jagħtuna gwida kif wieħed jista’ jirbaħ elezzjoni. Fis-sekli hemm direzzjonijiet utli li wieħed jagħmel sewwa li jaqra u jifli sew. Biss f’dan nammetti li qed imiss ma’ dawk li b’ħidmiethom qed ifasslu kontinwament il-manwal ta’ kif wieħed għandu jassigura li jitlef elezzjoni. Ma kienx hemm dubju li l-Prim Ministru Laburista Ingliż Keir Starmer (1962) f’dak il-pajjiż fehem sewwa dan kollu.

Hemm, f’dan, bilanċi

5. F’dan hemm iktar il-bżonn li wieħed jipprova jifhem li elezzjoni tintrebaħ għax iżżid il-voti u mhux, għax kif tittama, inaqqas biss l-avversarju. Ma tirbaħx biss, kif jgħidu l-manwali t-tajba, għax oħrajn jonqsu minn dmirijiethom. Wisq inqas għax l-avversarji sempliċement jiskorjaw varjetà, u bi kreattività, numru ta’ auto-goals. Trid tiskorja sewwa int, fejn tqatta’ x-xibka jew almenu taqlagħha minn postha. Trid tibni biex meta tmur quddiem il-folla tkun kapaċi tgħolli t-tazza tar-rebħa. F’dan xejn mhu faċli, ċertament, iktar fil-kumplikazzjonijiet kostanti li sejrin fihom, li anzi huma iktar u iktar hekk. Pajjiżna però verament jixraqlu l-aħjar li nistgħu nagħtuh. Jixraqlu bidla wara tlett leġislaturi. Din hija r-realtà li għandha bżonn soluzzjoni. Biss, kif Neibuhr jiggwidana, hemm bżonn għerf kbir u serenità nterna sabiex nagħrfu dak li jista’ jinbidel u dak li ma jistax.

 

10.4.25

BORMLA - PJAZZA GAVINU GULIJA – TISWIJA TA’ ĊANGATURA

26964. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li ċ-ċangatura fi Pjazza Gavino Gulia f’Bormla tissewwa qabel il-purċissjoni tal-Irxoxt peress li qiegħda taqa’ biċċa biċċa?

 

28/03/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26963.

 

Seduta  332

09/04/2025

BORMLA - PJAZZA GAVINO GULIA – TISWIJA TA’ ĊANGATURA

26963. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li ċ-ċangatura fi Pjazza Gavino Gulia f’Bormla tissewwa qabel il-purċissjoni tal-Irxoxt peress li qiegħda taqa’ biċċa biċċa?

 

28/03/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla li bħalissa qed isiru laqgħat ta’ diskussjoni ma’ Infrastructure Malta sabiex ikunu jistgħu jsiru t-tiswijiet meħtieġa. Informat li mhux ser ikun possibbli, madankollu, li x-xogħlijiet isiru qabel l-Irxoxt.

 

Seduta  332

09/04/2025

IL-BELT VALLETTA - TRIQ MERKANTI U TRIQ SAN KRISTOFRU – TISWIJA TA’ ĊANGATURA

26962. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li ċ-ċangatura bejn Triq Merkanti u Triq San Kristofru fil-Belt tissewwa qabel il-purċissjoni tad-Duluri?

 

28/03/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  332

09/04/2025

IL-BELT VALLETTA - TRIQ MERKANTI U TRIQ SAN KRISTOFRU – TISWIJA TA’ ĊANGATURA

26961. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li ċ-ċangatura bejn Triq Merkanti u Triq San Kristofru fil-Belt tissewwa qabel il-purċissjoni tad-Duluri?

 

28/03/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li mhuwiex konxju li hemm bżonn ta’ tiswija ta’ xi ċangatura fl-imsemmija triq.

 

Seduta  332

09/04/2025

ĦAL TARXIEN - SKOLA TAL-PRIMARJA L-ANTIKA

26960. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26273 jista’ l-Ministru jagħti tweġiba aktar dettaljata u jgħid ukoll jekk l-Iskola tal-Primarja l-antika f’Ħal Tarxien kollha hijiex qed tiġi utilizzata jew le?

 

28/03/2025

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

 

Seduta  332

09/04/2025

IL-KALKARA – BAJJA TAR-RINELLA - MANUTENZJONI

26959. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’manutenzjoni ser ssir fir-rigward tal-Bajja tar-Rinella fil-Kalkara u b’liema passi, issa li ġej is-sajf?

 

28/03/2025

 

ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  332

09/04/2025

ĦAL TARXIEN - TRIQ PAOLA - XOGĦLIJIET

26958. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26275, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex preparat rapport tekniku dwar ir-raġunijiet li wasslu għall-kollass kważi totali ta’ Triq Paola, Ħal Tarxien? X’tip ta’ xogħol rimedjali ser ikun eżegwit u kemm ser jiswa? Jista’ jgħid ukoll jekk dan huwiex ser jitlesta qabel tibda l-festa tar-raħal?

 

28/03/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qegħdin isiru it-testijiet neċessarji fuq servizzi li hemm eżistenti kif ukoll evalwazzjoni tal-ħsara li hemm u x’seta’ ikkawża din ħsara biex b’hekk jista’ jiġi stabbilit ix-xogħol ta’ rimedju li jrid isir. Il-pjan hu li x-xogħol ta’ rimedju jsir fis-sajf hekk kif kien mifthiem mal-Kunsill Lokali u għaldaqstant wara l-festi tal-lokal.

 

Seduta  331

08/04/2025

WIED IL-GĦAJN - COMMUNITY POLICE

26895. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija assenjati lill-Community Police fil-lokalità ta’ Wied il-Għajn u jekk huwiex indikat li jiżdiedu?

 

25/03/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li f’Wied il-Għajn għandna topera għassa ġdida, kif ukoll il-pulizija tal-Komunità. Ninsab infurmat li fit-tim tal-Pulizija tal-komunità hemm surġent u erba’ kuntistabbli, li jingħaqad ma’ 16 uffiċjal ieħor tad-distrett. Fil-lokalità ssir ħidma wkoll minn taqsimiet oħra tal-korp tal-pulizija.

 

Seduta  331

08/04/2025

ĦAL GĦAXAQ - TRIQ IL-BELT VALLETTA - XOGĦLIJIET

26894. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet saru u għadhom qed isiru fi Triq il-Belt Valletta, f’Ħal Għaxaq u kemm ser jiġu jiswew?

 

25/03/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mit-tieni fażi ta’ rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, fejn fl-ewwel fażi tpoġġew aktar minn 82 kilometru ta’ cables ġodda, Enemalta qed tqiegħed 60 kilometru ieħor ta’ cables ġodda taħt l-art f’diversi lokalitajiet inkluż f’Ħal Għaxaq. Dawn ix-xogħlijiet huma kkordinati minn Infrastructre Malta.

 

Seduta  331

08/04/2025

WIED IL-GĦAJN - PJAZZA TAL-GROSS - BANDLI

26893. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilhom ma jiġu rranġati u msewwija l-bandli fil-Pjazza tal-Gross f’Wied il-Għajn?

 

25/03/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li f’Wied il-Għajn ma hemmx pjazza bl-isem imsemmi.

 

Seduta  331

08/04/2025

ĦAL GĦAXAQ - TRIQ IL-BELT VALLETTA - XOGĦLIJIET

26892. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru u għadhom qed isiru fi Triq il-Belt Valletta, f’Ħal Għaxaq u kemm ser jiġu jiswew?

 

25/03/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  331

08/04/2025

IL-BIRGU - FORTIZZA TA’ SANT’ANĠLU - CONTAINERS

26891. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26264, jista’ l-Ministru jara li jsiru r-rappreżentazzjonijiet neċessarji biex in-numru ta’ containers li hemm quddiem il-Fortizza ta’ Sant’Anġlu fil-Birgu, jitneħħew sabiex l-ambjent u s-swar ma jkollhom xejn li jostakolahom?

 

25/03/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  331

08/04/2025

8.4.25

GĦADU ĦAJ

1. Fis-soċjetà li qed ngħixu fiha. Dik li minn barra tidher li qegħda fit-triq li titlef l-għeruq kulturali tagħha. Dik li hija iktar diffiċli u iebsa mal-oħrajn, fejn l-egoiżmu jrid jirbaħ. Fiha tiskanta meta minflok tara l-kontra ta’ dak li taħseb li huwa fil-fatt għaddej. Tlifna xorta ħafna mill-preparazzjoni kulturali li kellna qabel u l-prijoritajiet fil-ħajja tal-bniedem inbidlu. Sirna niġġudikaw iktar minn qabel fil-ħażin. Kliem dispreġjattiv jingħad b’iktar libertà żbaljata. F’ħafna ma ninsabux fid-direzzjoni t-tajba, siewja u ta’ sustanza, imma f’forma kuntrarja tagħha. Hawn ġenn differenti. Li huwa ċert hu li naqset l-importanza tal-valuri Nsara li sawwruna. F’dan naqsu wkoll dawk li jaqraw kotba li jiffurmawhom u li jippreparawhom għall-isfidi li kull dinja tippreżenta lill-persuni umani. Naqsu wkoll dawk li kapaċi jwasslu bi kliemhom il-messaġġ it-tajjeb fit-truf tas-soċjetà. Imma l-fatt jibqa’ li kull min huwa ħaj jagħraf, f’mument jew ieħor, li qiegħed jitlob u jfittex ġewwa fih il-verità. Li jkompli jfittex biex isib dik ir-raġuni li ħaqqha li wieħed jitlaq kollox u li jaħdem sew għaliha. Imma l-istampa mhijiex daqshekk iffjurita.

Il-Kardinal

2. Fuq dan ġie f’idi proprju dak li servieni biex insib gwida. Ktieb miktub mill-Kardinal Angelo Comastri (1943), li huwa magħruf f’pajjiżna xi ftit mertu tal-intervisti li jsirulu. Bniedem ta’ tjubija, imma wkoll ta’ viżjoni, preparazzjoni u kultura twila u soda. Fit-tmenin sena skorruti tiegħu ma baqax lura la mill-qari u wisq inqas mill-kitba. Persuna li naturalment tinġibed lejh fil-ħlewwa u l-qdusija li jġorr tant tajjeb miegħu. Fost kitbietu qrajt u lestejt ftit jiem ilu wieħed li laqatni sew. It-titolu tiegħu, li huwa Il Crocefisso è Vivo (2017) ma stajtx proprju nqegħdu f’moħħi salv wara li kont qrajt, u terġa’ ferm iktar waqt li rajt id-devozzjoni u l-parteċipazzjoni ta’ tant minna fuq dawn il-gżejjer wara Kurċifiss partikolari. Kif kont fil-frattemp qiegħed nistaqsi kif f’sinjal tal-passat, seta’ dan il-Kardinal jara fih wieħed mhux biss preżenti, imma aktar li għadu ħaj magħna. Nammetti li huwa ħsieb li laqatni sew.

Miktub mill-qalb

3. F’ħafna, il-ktieb jitlaq fl-isfond ta’ dak li l-Ewropa kienet rat ftit snin ilu. Meta saret talba sabiex jitneħħa l-Kurċifiss mill-iskejjel. Kawża li qajmet ħafna reazzjonijiet mill-iktar interessanti fost dawk li kienu jiddikjaraw ruħhom bħala atei. Fl-introduzzjoni, il-Kardinal jibda b’dan il-ħsieb: “Gesù è entrato dentro la nostra pazza storia con il passo dell’umiltà e della semplicità.” (Ġesù daħal fl-istorja mħawwda u kkumplikata tagħna bil-passi tal-umiltà u tas-sempliċità.) Fil-bidu, wara jaqbad numru ta’ awturi li kienu kitbu kontra t-tneħħija tal-Kurċifiss u mbagħad ikompli bil-konverżjoni ta’ numru ta’ bnedmin: poeti, kittieba bħal Ernest Renan (1823-1892), Andrè Frossard (1915-1995), Giosuè Carducci (1835-1907), Adolphe Rettè (1863-1930) u Giovanni Papini (1881-1956). Bnedmin li kienu għamlu l-missjoni tagħhom dik li jattakkaw lill-Knisja u wara saru Kattoliċi. Fil-bidu ta’ kitbietu nsibuh, kif għidt, bi kliem il-kittieba Natalia Ginzburg (1916-1991), Lhudija u Komunista.

Tiddefendi l-Kurċifiss

4. Hi, li ċertament ma kenitx u ma saritx Nisranija, tgħid hekk: “Il crocefisso non genera nessuna discriminazione. Tace. È l’immagine della rivoluzione cristiana, che ha sparso per il mondo l’idea dell’ugualianza fra gli uomini fino allora assente. La rivoluzione cristiana ha cambiato il mondo.” (Il-Kurċifiss ma jġib l-ebda forma ta’ diskriminazzjoni. Jiskot. Huwa l-immaġini tar-rivoluzzjoni Nisranija, li xerrdet mad-dinja l-idea tal-ugwaljanza bejn il-bnedmin li qabel ma kenitx teżisti. Ir-rivoluzzjoni Nisranija li biddlet id-dinja.) U tkompli hekk: “Il crocefisso è il segno del dolore umano. La corona di spine, i chiodi, evocano le sue sofferenze. La croce che pensiamo alta in cima al monte, è il segno della solitudine nella morte. Non conosco altri segni che dicano con tanta forza il senso del nostro umano destino. Il crocefisso fa parte della storia del mondo.” (Il-Kurċifiss huwa s-sinjal tas-sofferenza umana. Il-kuruna tax-xewk, l-imsiemer ifakkruna fit-tbatijiet tiegħU. Is-Salib li narawh ’il fuq fuq il-għolja huwa s-sinjal tas-solitudni fil-mument tal-mewt. Ma naf b’ebda sinjal ieħor li jiddikjara dan b’tant qawwa s-sens tad-destin uman tagħna. Il-Kurċifiss huwa parti mill-istorja tagħna.)

Argument

5. Il-ktieb huwa mexxej u sabiħ ħafna għal min, speċjalment f’dawn il-ġranet tar-Randan, irid jaffronta l-Argument Fundamentali tar-raġuni tal-ħajja. Fl-istejjer umani li nsibu rrakkuntati, ħafna drabi huma dawk li biddlu ħajjithom li jitkellmu direttament mill-qalb dwar dak li għaddew minnu, u mhux minn kelmet il-Kardinal. Għalhekk huma iktar viċin tal-bniedem fil-problemi u l-kumplikazzjonijiet li huwa stess joħloq għalih innifsu. Biss, Angelo Comastri, b’analiżi attenta u preċiża jmiss ma’ dak li għalih u għal diversi oħrajn huwa verament l-argument determinanti. Huwa jgħid hekk: “Ma il vero problema non sta nel lasciare o nel togliere l’immagine del Crocefisso; il vero problema è la non-conoscenza di Gesù.” (Imma l-veru problema mhijiex jekk tneħħix il-Kurċifiss jew le; il-problema vera hija dik tan-nuqqas tal-għarfien ta’ Ġesù.) Punt li jimmarka aktar kull żmien u dak li għaddejjin minnu. Jibqa’ ħaj kemm aħna nħalluh hekk. Kemm insiru nafu u kemm jinteressana li nkunu esposti għal dak it-tagħlim. Il-vera ħajja hija proprju hemm.

Kurċifiss Mirakoluż


6. Il-ħsibijiet tiegħu komplew jimxu miegħi waqt li f’dawn il-jiem stajna nkunu xhieda ma’ dak li l-bnedmin ħarġu u attendew għalih bi ħġarhom. L-ewwel fil-Pellegrinaġġ tal-Kurċifiss Mirakoluż meqjum fil-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt, li sar f’Għawdex bejn is-7 u d-9 ta’ Marzu. Kienu eluf li nqalgħu minn djarhom sabiex marru fil-Knisja Franġiskana ta’ Għajnsielem. Wara, fil-jiem li għaddew, l-istess sriebet twal ta’ nies rajnihom fil-Knisja ta’ Ġieżu l-Belt, ġewwa postu stess. L-eluf ta’ persuni ta’ kull età, li kif sewwa wisq irrappurtat din il-gazzetta, marru għall-quddies u għall-attivitajiet reliġjużi li saru, u li setgħu issorprendew lil ħafna. Anke għalija stess. F’dan waqaft aktar naħseb li proprju l-Ġimgħa ta’ din il-ġimgħa, waqt li nfakkru Jum id-Duluri, ser nerġgħu naraw kwantità kbir ta’ bnedmin f’kull rokna ta’ pajjiżna barra jimxu warajH. Tifhem fil-fatt għala Comastri qalilna: “Il Crocefisso è Vivo”.

Il-Kurċifiss għadu ħaj magħna

7. Hekk stajt nara ma’ dawk li tkellimt magħhom: li fil-fatt ninsabu wkoll f’soċjetà li trid tfittex li tkun differenti milli hija llum. Sinjal ċar tal-kontra ta’ dak li naħsbu li qed naraw. Minn dawn l-eluf jidher ċar li dan il-poplu għadu jagħraf dak li huwa sewwa. Anzi, huwa mixtieq ħafna għalih. Irid, però, dejjem iktar gwida li tfehmu f’termini u fil-lingwa tal-lum. Dik li hija sempliċi, dik umli, dik li tfissirlu aħjar is-sens u s-sustanza tal-ħajja. Dik li minnha nifhmu kemm il-Kurċifiss huwa importanti. Kemm fil-fatt għadu ħaj.

ĦAL GĦAXAQ - TRIQ IL-BELT VALLETTA - XOGĦLIJIET

26890. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru u għadhom qed isiru fi Triq il-Belt Valletta, f’Ħal Għaxaq u kemm ser jiġu jiswew?

 

25/03/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Triq il-Belt Valletta Għaxaq qed isiru xogħlijiet ta’ rinfurzar tal-cables tad-distribuzzjoni tal-Enemalta. Flimkien mal-kumplament tan-network li qed issir fil-lokalità ta’ Ħal Għaxaq, dawn ix-xogħlijiet huma stamti li jammontaw għal madwar €1 miljun.

 

Seduta  330

07/04/2025

ĦAL GĦAXAQ - TRIQ SAN FILIPPU - XOGĦLIJIET

26889. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet saru u għadhom qed isiru fi Triq San Filippu, f’Ħal Għaxaq u kemm ser jiġu jiswew?

 

25/03/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mit-tieni fażi ta’ rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, fejn fl-ewwel fażi tpoġġew aktar minn 82 kilometru ta’ cables ġodda, Enemalta qed tqiegħed 60 kilometru ieħor ta’ cables ġodda taħt l-art f’diversi lokalitajiet inkluż f’Ħal Ghaxaq. Dawn ix-xogħlijiet huma kkordinati minn Infrastructre Malta.

 

Seduta  330

07/04/2025

ĦAL GĦAXAQ - TRIQ SAN FILIPPU - XOGĦLIJIET

26888. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru u għadhom qed isiru fi Triq San Filippu, f’Ħal Għaxaq u kemm ser jiġu jiswew?

 

25/03/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  330

07/04/2025

ĦAL GĦAXAQ - TRIQ SAN FILIPPU - XOGĦLIJIET

26887. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru u għadhom qed isiru fi Triq San Filippu, f’Ħal Għaxaq u kemm ser jiġu jiswew?

 

25/03/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Triq San Filippu Għaxaq qed isiru xogħlijiet ta’ rinfurzar tal-cables tad-distribuzzjoni tal-Enemalta. Flimkien mal-kumplament tan-network li qed issir fil-lokalità ta’ Ħal Għaxaq, dawn ix-xogħlijiet huma stmati li jammontaw għal madwar €1 miljun.

 

Seduta  330

07/04/2025

ĦAL TARXIEN - TRIQ L-ISQAJJAQ

26886. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha ma tiġi miżbugħa ż-Zebra Crossing li hemm fi Triq l-Isqajjaq, f’Ħal Tarxien u jara li jiġi installat dawl relattiv għal mal-lejl?

 

25/03/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li ż-Żebra Crossing tinżżlet fl-iskeda tax-xogħlijiet pendenti tas-sezzjoni tal-manutenzjoni. Fir-rigward tad-dawl, il-Kunsill diġà qiegħed f’komunikazzjoni mal-Enemalta biex jitwaħħal arblu tad-dawl.

 

Seduta  330

07/04/2025

ĦAL TARXIEN - TRIQ L-ISQAJJAQ

26885. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha ma tiġi miżbugħa ż-Zebra Crossing li hemm fi Triq l-Isqajjaq, f’Ħal Tarxien u jara li jiġi installat dawl relattiv għal mal-lejl?

 

25/03/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  330

07/04/2025

GRAZZI KAROL WOJTYLA

1. Tul din il-ġimgħa ftakarna f’anniversarju importanti. Għax dawn ma jiġux ta’ xejn imma biex ifakkruna mill-ġdid. Ifakkruna fi bnedmin li għexu qabilna u fi żmienna li ħallew impatt fuq ħajjitna u dik ta’ oħrajn bħalna. F’ħafna sens, aħna li għexna miegħu ma nistgħux nemmnu li m’għadux magħna, jew li m’għadniex inqumu jum wara jum nisimgħu b’ħidmietu. Bniedem li għal diversi ma kienx b’xi mod magħruf. Imħajjar u mrobbi fil-valuri Nsara b’mod u manjiera li kull ma kien iwettaq kien ġej minn raġuni preċiża: skop li għalkemm f’dak il-mument seta’ jidher u anke jekk le, konna ċerti li kien jaf x’inhuwa jgħid. F’dan ħalla wirt uniku warajh li aħna fortunati li konna parti minnu.

L-Awtorità

2. Il-persuna li kiteb dwaru fit-tul huwa fil-fatt dak li kont qiegħed insegwi f’kitbiet oħra tiegħu, George Weigel (1951). Dak li, fil-bijografija bit-titolu Witness to Hope (1999) irnexxilu jispjega ħafna lill-bniedem. Ktieb voluminuż (’il fuq minn 886 paġna) li nittama li aktar ’il quddiem ikolli l-ħin li naqrah minn qoxra sa qoxra. F’dan huwa jibda b’dawn il-kliem: “When Pope John Paul II died on April 2, 2005, the extraordinary global outpouring of affection and regards for this old and in recent years, increasingly crippled Polish priest and Bishop suggested that Karol Wojtyla had, in fact, influenced more lives in more diverse circumstances than any human being of his time.” (Meta l-Papa Ġwanni Pawlu II miet fit-2 ta’ April 2005, il-messaġġi straordinarji ta’ mħabba li ġew mid-dinja kollha għal dan is-saċerdot, Isqof Pollakk li maż-żmien ġie iktar imxekkel bil-mard, issuġġerew li Karol Wojtyla kien, fil-fatt, influwenza lil diversi bnedmin f’ċirkostanzi varji iktar minn kull persuna oħra li għexet fi żmienu.)

Personali

3. Għaddew diġà għoxrin sena u aħna stess ma nistgħux nemmnu li dan fil-fatt seħħ. Għadda ż-żmien minn dak il-mument li diversi kienu fehmu li kien ser ifisser bidla fil-ħajja personali tagħna, kif ukoll f’dik tal-Knisja u s-soċjetà fuq dawn il-gżejjer. Il-fatt li kien l-ewwel Papa li qatt ġie hawn kien ġieb rabtiet qawwija ma’ diversi li ħassew li mal-mewt tiegħu, parti minnhom kienet ġiet nieqsa. Kellu l-abbiltà li jfiehem, li jikteb tajjeb ħafna u li jersaq biex imiss direttament il-qlub tal-bnedmin. Kien kalamita umana partikolari. Kull min rah quddiemu, jew f’xi ritratt mill-varji sbieħ li kellu, kien iħossu viċin ħafna tiegħu. Meta kien jiddikjara li billi Sidna Ġesù Kristu ma kienx niżel minn fuq il-Kurċifiss ħaj daqshekk ieħor hu, fil-mard m’għandux iċedi, kien hemm qbil ġenerali miegħu. Stima, u fl-istess ħin tama li dan il-bniedem ser jibqa’ jkun hemm. Gwida unika li ma kellniex sostitut għaliha.

Rajtu

4. Kont ukoll grat għax-xorti li kelli li niltaqa’ miegħu. Anke jekk kien ra diversi bnedmin, meta messejt miegħu ħassejt rabta li riedet tikber ferm iktar minn qabel. Kien il-Papa tagħna verament. Aktar u aktar meta ħafna bħali kienu jaqraw il-best sellers tiegħu. Ktieb wara ktieb li ma tkunx trid titlaq minn idejk u li jmexxuk ’il quddiem. Għandi wħud li qrajt ħafna drabi, għax jibqgħu mimlija għerf. F’ħafna nammetti li l-bniedem sħiħ illum ikun hekk jekk ikun qara kitbietu. Li n-nuqqas tal-qari ta’ kitbietu huwa dgħjufija kulturali, soċjali, spiritwali u politika. Kien, u f’ħafna jibqa’ gwida qawwija għal dawk li, bħali, huma fil-politika. U jekk hemm min qiegħed jaqra u jixtieq ikun Demokratiku Kristjan sewwa, jagħmel aktar milli tajjeb li jibda triqtu b’kitbietu.

Sens komun

5. Kien il-persuna mimli b’talenti uniċi, tant li Weigel jiddeskrivih bħala: “... was a thoroughly, indeed radically, convinced Christian disciple. It was the passion of his discipleship that made him the most influential man of his time.” Kien dak li nfluwenza sew fuq kull livell, u d-dinja nbidlet lejn is-sewwa. Bidla li seħħet proprju għax kien dak li kien kapaċi jagħti importanza lill-valuri Nsara. Ma jċedix fuqhom, taħt ebda ċirkostanza, anke jekk l-istess diplomazija Vatikana kienet tipprova tasal f’kompromessi, huwa ma kienx. Kien il-bniedem tas-sens komun, tar-raġuni, u fuq kollox xhud għall-verità. Il-verità tibqa’, għal dawk li jridu jwettqu s-sewwa, id-dawl li jmexxina ’l quddiem. L-enċiklika tiegħu Fides et Ratio (1998) tibqa’ dawl li jiċċara ħidmet il-bniedem fis-soċjetà. Tiċċara aktar dik tan-Nisrani impenjat fil-politika. Għax jgħaddi kemm jgħaddi żmien, tibqa’ gwida unika. Dik li tinfluwenza biex bnedmin jibqgħu ispirati jwettqu l-ġid u s-sewwa. Jibqgħu dawk li jiftakru li minkejja dak kollu li jgħaddu minnu, il-ferħ qiegħed fil-ħidma li jixhdu għall-verità. Jgħaddu kemm jgħaddu snin, nibqgħu nduru lura u nirringrazzjawh għal dak kollu li kien u dak li għadu għalina llum. Grazzi Karol Wojtyla!

ĦAL TARXIEN - TRIQ TAL-BARRANI - AKKUMULU TAL-ILMA TAX-XITA

26884. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25948 dwar akkumulu tal-ilma fi Triq tal-Barrani, jista’ l-Ministru jerġa’ jibgħat it-tekniċi mid-dipartiment relattiv sabiex jaraw il-pożizzjoni billi mhix mitigata?

 

25/03/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din iż-żona s-sistema ta’ ġbir tal-ilma tax-xita kienet limitata għal ftit gradilji mat-triq. Dawn inżammu kollha u x-xogħlijiet li saru ricenti fit-Triq tal-Barrani kienu jinkludu il-bini ta’ numru ta’ collection water chambers fil-bankini li jferrgħu fil-ġibjun biswit mat-triq. Issa wkoll qed jiġi ppreparat disinn biex jinbena culvert ieħor u jiżdiedu l-gradilji ma’ ġenb it-triq.

 

Seduta  329

02/04/2025

AFM COMPLAINTS BOARD - COMMISSION FOR INJUSTICES

26883. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25699 dwar l-AFM Complaints Board - Commission for Injustices, jista’ l-Ministru jgħid abbażi ta’ liema kriterji rrakkomanda li ċertu persuni jingħataw kumpens qabel sabiex jitwaqqfu każijiet pendenti?

 

25/03/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 25699, infurmat li dan hu ibbażat ukoll fuq id-deciżjoni personali ta’ min ressaq l-ilment.

 

Seduta  329

02/04/2025

AFM COMPLAINTS BOARD - COMMISSION FOR INJUSTICES

26882. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25699 dwar l-AFM Complaints Board - Commission for Injustices, jista’ l-Ministru jgħid għala hemm persuni li għandhom l-istess pożizzjoni fir-ranks li ħarġu li kellhom ħlasijiet?

 

25/03/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li llum fil-Forzi Armati ta’ Malta, teżisti struttura ta’ korsijiet u struttura ta’ kif tipprogressa bħala ufficjal, kemm fil-lower u anke fil-higher ranks. Dan għaliex ġew indirizzati anomaliji li seħħew qabel l-2013, kif anke imressqa quddiem il-bord tal-inġustizzji. Miżuri li ttieħdu bil-għan li tali anomaliji ma jerġgħux iseħħu.

 

Seduta  329

02/04/2025

AFM COMPLAINTS BOARD - COMMISSION FOR INJUSTICES

26881. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25699 dwar l-AFM Complaints Board - Commission for Injustices, jista’ l-Ministru jispjega għaliex ma ġietx mgħoddija spjegazzjoni bil-miktub lil kull persuna ta’ kif ġiet maħduma lilu r-rata applikabbli?

 

25/03/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li kull suldat/uffiċjal li kellu każ mal-bord tal-inġustizzji ġie mgħarraf bil-miktub, mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, b’dak li kien intitolat/a u bi spjega dwar l-eżitu tal-bord. Kull forma ta’ kjarifika mitluba mil-istess suldati/uffiċjali, ġiet indirizzata u mogħtija spjegazzjoni kif meħtieġ.

 

Seduta  329

02/04/2025

AFM COMPLAINTS BOARD - COMMISSION FOR INJUSTICES

26880. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25699 dwar l-AFM Complaints Board - Commission for Injustices, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx spjega ta’ kif ġew maħdumin r-rati bil-ħlas b’lura?

 

25/03/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat illi s-suldati/uffiċjali li ngħataw:

 

a.            backdated promotion - kellhom ir-rati tal-ħlas tagħhom maħdumin mid-Dipartiment ta’ Teżor. Dawn ir-rati ġew ibbażati fuq rati relatati mas-sena tal-backdated promotion, jiġifieri ntużaw r-rati antiki relatati mas-snin ta’ meta il-promozzjoni ġiet mgħotija biex l-ammont ikun preċiż.

 

b.           boroż ta’ studju/safar/korsijiet – ammont ġie stabbilit mill-bord tal-inġustizzji bbażat fuq l-ammont li wieħed kellu jieħu relatat mad-diskrepanza ta’ inġustizzja. Hekk kif dawn taħt amministrazzjoni precedenti ma tħallsux għall-korsijiet li segwew u li kienu ta’ beneficcju għall-Forzi Armati ta’ Malta.

 

Irrid infakkar li dawn il-bordijiet indirizzaw inġustizzji li dan il-Gvern wiret fil-Forzi Armati ta’ Malta.

 

Seduta  329

02/04/2025

ĠURI PENDENTI

26879. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25962, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-persuni li għandhom ġuri pendenti, kienu jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sal-aħħar ta’ Frar 2025?

 

25/03/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant jressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  329

02/04/2025

KUNSILL LOKALI TA’ ĦAL GĦAXAQ - RIVISTI PPUBBLIKATI

26280. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rivista ħareġ il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq matul is-snin 2021, 2022, 2023 u 2024 biex jinforma l-lokalità b’dak li qiegħed jiġri fl-istess lokalità u kemm kienet in-nefqa rispettiva? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ pubblikazzjonijiet stampati u jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

 

05/03/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq ma ħareġ l-ebda rivista bejn l-2021 u l-2024 minħabba li juża mezzi oħra biex ixerred l-informazzjoni.

 

Seduta  327

26/03/2025

KUNSILL LOKALI TA’ WIED IL-GĦAJN - RIVISTI PPUBBLIKATI

26279. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rivista ħareġ il-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn matul is-snin 2021, 2022, 2023 u 2024 biex jinforma l-lokalità b’dak li qiegħed jiġri fl-istess lokalità u kemm kienet in-nefqa rispettiva? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ l-pubblikazzjonijiet stampati u jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

 

05/03/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala ma ppubblikax rivisti bejn l-2021 u l-2024 minħabba li juża mezzi oħra biex ixerred l-informazzjoni.

 

Seduta  327

26/03/2025

KUNSILL LOKALI TA’ MARSAXLOKK - RIVISTI PPUBBLIKATI

26278. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rivista ħareġ il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk matul is-snin 2021, 2022, 2023 u 2024 biex jinforma l-lokalità b’dak li qiegħed jiġri fl-istess lokalità u kemm kienet in-nefqa rispettiva? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ pubblikazzjonijiet stampati u jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

 

05/03/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk li matul is-snin imsemmija ma ppubblika l-ebda rivista minħabba li juża mezzi oħra biex ixerred l-informazzjoni.

 

Seduta  327

26/03/2025

ĦAL TARXIEN - TRIQ PAOLA - XOGĦLIJIET

26277. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru tgħid jekk humiex ser isiru x’xogħlijiet neċessarji fi Triq Paola, f’Ħal Tarxien billi tidher ċar li qiegħda taqa’ u ċċedi biċċa biċċa?

 

05/03/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mit-tieni fażi ta’ rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, fejn fl-ewwel fażi tpoġġew aktar minn 82 kilometru ta’ cables ġodda, Enemalta qed tqiegħed 60 kilometru ieħor ta’ cables ġodda taħt l-art f’diversi lokalitajiet inkluż f’Ħal Tarxien. Billi x-xogħlijiet huma kkordinati minn Infrastructre Malta, flimkien ma’ interventi infrastrutturali oħrajn li se twettaq fiż-żona indikata, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

 

Seduta  327

26/03/2025

ĦAL TARXIEN - TRIQ PAOLA - XOGĦLIJIET

26276. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex ser isiru x’xogħlijiet neċessarji fi Triq Paola, f’Ħal Tarxien billi tidher ċar li qiegħda taqa’ u ċċedi biċċa biċċa?

 

05/03/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  327

26/03/2025

ĦAL TARXIEN - TRIQ PAOLA - XOGĦLIJIET

26275. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex ser isiru x’xogħlijiet neċessarji fi Triq Paola, f’Ħal Tarxien billi tidher ċar li qiegħda taqa’ u ċċedi biċċa biċċa?

 

05/03/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin xogħlijiet relatati mad-distribuzzjoni tal-elettriku fit-toroq li jagħtu għal din it-triq. Il-pjan hu li ladarba dawn ix-xogħlijiet jitlestew, Infrastructure Malta tintervjeni f’din it-triq. Il-ħsieb hu li x-xogħol jinqasam f’fażijiet, skont dak maqbul mal-Kunsill Lokali, sabiex it-triq tibqa’ aċċessibbli waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa u jitnaqqas l-inkonvenjent kemm jista’ jkun.

 

Seduta  327

26/03/2025

2.4.25

PUNTI TA' RIFLESSJONI

1. Forsi ftit aktar, jew l-istess, hemm mumenti fil-ħajja li fihom tieqaf tħares lejn dawk li ġew qabilna. Ħidmiethom fis-setturi li ddedikaw u li b’xi mod baqgħu magħrufa. Ċertament il-kelma ‘magħrufa’ ma tfissirx neċessarjament li huma stmati ħafna, jew li wettqu opri tajba, imma huma dawk li effettivament jissemmew. Issibhom f’dak li m’għandhomx ikunu u f’dak li mertu tagħhom id-dinja mxiet ’il quddiem. Ħidmet il-bniedem hija verament ikkumplikata, sija fid-direzzjonijiet li hu ried jieħu, kif ukoll f’dawk li oħrajn ħadu minħabba fih. Reazzjonijiet u azzjonijiet jingħaqdu f’daqqa. Ħafna drabi kollox jiddependi fuq dak li jiktbu l-istoriċi.

Storiċi

2. Fl-edukazzjoni li ħadna ġejna wkoll fortunatament esposti għal diversi suġġetti, fosthom l-Istorja. Nibqa’ grat lejn id-diversi għalliema li kelli li assiguraw li nsir naf b’ħafna, u li kienu determinanti sabiex nibqa’ naqra wara li spiċċajt mill-bankijiet tal-iskola. Illum, forsi wkoll minħabba dan, nista’ nkompli nħares lejn dawk li konna nħarsu lejhom b’ammirazzjoni jew inqas u nqishom mill-ġdid. Inevitabbilment konna ġejna wkoll kemm influwenzati, kif ukoll kundizzjonati. Uħud tressqulna bħala eżempji; oħrajn bħala għedewwa. Fost dawn nimmarka fil-memorja sija lil Alessandru l-Kbir, kif ukoll lil Annibale. Wieħed mexxewna biex nammirawh ħafna; l-ieħor tant inqas. Dwar Alessandru (356-323 WK) qrajt kotba varji, li mexxa bi strateġija u b’intelliġenza. Tressqilna bħala mudell storiku. Però, l-ieħor le.

Fil-kitba


3. Dan il-punt missejt lura miegħu fi ktieb iddedikat lit-tieni persunaġġ: Annibale (247-181 QK). Fih, min kiteb l-introduzzjoni tiegħu, Sergio Valzania (1951) jibda biex jiddikjara li ż-żewġ persuni li jitqegħdu ħdejn xulxin fl-importanza u fl-abbiltà huma proprju dawn. Huwa jgħid: “So quindi che l’unico vero rivale che lui è disposto a riconoscere ad Annibale è Alessandro Magno.” (Naf li l-uniku veru rivali li huwa dispost li jaċċetta lil Annibale huwa Alessandru l-Kbir). U jkompli hekk: “A nessun conoscitore di storia militare sfugge la contiguità tecnica e culturale fra i due generali.” (Lil ebda persuna mgħarrfa fl-istorja militari ma jaħrablu l-fatt tekniku u kulturali ta’ kemm dawn iż-żewġ ġenerali kienu viċin ta’ xulxin.) Ftit aktar minn dak li jiftaħ fil-ktejjeb tal-istoriku Giovanni Brizzi dwar is-suġġett.

Storiku magħruf

4. Madwarna, anki f’pajjiżna, għandna ħafna li jiktbu b’attenzjoni, dettall u riċerka assidwa. Waqt li taqra ssib fil-fatt lil min jiċċita diversi awturi li ħafna minnhom mhumiex tant magħrufa għaliha. F’ċertu sens forsi wkoll waqqafna mal-kbar u li ġejjin ukoll taħt żoni ta’ influwenza ta’ awturi li jiktbu fil-lingwa Ingliża. Biss hemm diversi oħra minn Stati diversi li jimmeritaw verament l-attenzjoni. Fost dawn sibt lil Giovanni Brizzi (1946), persuna li għamel żmien twil Professur tal-Istorja ta’ Ruma fl-Università ta’ Bologna. Bniedem li kiteb u studja sew, tant li huwa kkunsidrat bħala awtorità dwar is-suġġett. F’dan għandu lista twila ta’ kitbiet li ħaqqhom eżami proprju għax jidħol f’dettall ferm iktar minn ta’ qablu. Mhux biss, imma l-pinna tiegħu hija wkoll faċli u mhux ikkumplikata, diretta u timxi mal-fatti.

Annibale

5. Huwa kkunsidrat speċjalista fis-suġġett u f’dan għalhekk ġie f’idi dan il-ktieb tiegħu, Annibale (2000) fejn fih huwa jispjega punti li ma kienux fid-dawl għalija qabel. Anzi, l-kitba tiegħu fiha aktar valur, għax jispjegahom proprju għal dawk li kienu qed jisimgħu r-radju u għalhekk iktar diffiċli għalih kienet l-isfida biex ifiehem. Matulu jiddefendi f’ħafna lil Annibale: dan il-gwerrier minn Kartaġni li kellu l-abbiltà kbira li jkun ta’ theddida vera għall-eżistenza, għall-istabilità u l-prosperità ta’ Ruma. Jispjega kif dan il-bniedem sfortunatament tħalla f’dawl ikrah mill-istoriċi, speċjalment dawk il-pro-Rumani, mentri oġġettivament ħaqqu ferm iktar mertu. Iqegħdu fid-dawl storiku u wkoll fil-fortuni jew l-isfortuni tal-ħajja tiegħu. Imma l-iktar fl-għarfien tal-abbiltajiet strateġiċi fil-kamp tal-battalji. Kemm drabi b’intelliġenza militari sofriet Ruma. Speċjalment f’dik ta’ Canne (215 QK), fejn ir-Repubblika laqqtet telfa kiefra sew – waħda li, kif nafu, ma kenitx unika imma parti minn lista twila. Dan f’parti minn gwerra li minnha diversi tilfu ħajjithom u l-atroċitajiet ma naqsux.

Tagħlimiet

6. Il-ktieb huwa mimli informazzjoni utli. Jispjega l-intelliġenza tal-Ġeneral Puniku u fl-istess l-informazzjoni kulturali li basktitu. F’dak iż-żmien aktar, meta t-tlett ċentri tal-poter, tal-kultura u tal-kummerċ kienu Ruma, Kartaġni u l-Greċja. Jispjega kif aġixxa militarment u x’kellha twettaq Ruma sabiex wara ħafna tikollu s-saħħa li kellu. L-istil tal-awtur huwa, kif għidt, mexxej, u fil-ktieb timxi minn mument għall-ieħor b’veloċità mingħajr ma tiddejjaq. L-aħħar żewġ kapitoli huma ddedikati sabiex wieħed janalizza l-effett tat-Tieni Gwerra Punika, li damet għaddejja fuq Ruma sbatax-il sena (218-210 QK). Interessanti, u nistqarr li laqtuna numru ta’ punti. Huwa jikkonkludi li l-Istat ta’ Ruma nbidel f’unità aqwa. It-tieni, li l-ekonomija mxiet aktar lejn il-kummerċ u baqgħet inqas marbuta mal-agrikoltura. It-tielet, li s-Senat afferma ruħu bħala l-awtorità politika vera. Ir-raba’, li daħlu sistemi u tattiċi militari aktar effettivi li servewhom iktar ’il quddiem.

Kontra

7. L-awtur Brizzi jelenka wkoll, però, lista ferm itwal ta’ żvantaġġi u effetti negattivi li Ruma batiet. Fosthom il-bdil tal-kostumi u morali tat-tmexxija tal-poter. Ifakkar f’dawk fis-Senat li qamu għal xejn kontra l-linja l-ġdida tal-poter waqt li jfakkru kif kien il-komportament qabel “mortis antiqui memores”. Fejn kjarament, wara gwerra daqstant devastanti, il-valuri u l-prijoritajiet inbidlu fl-importanza tagħhom. Mhux biss, imma l-awtur jagħraf aktar kemm il-ġlieda kienet kulturali. Fl-għarfien tal-ġlieda li għandha ssir fil-kamp politiku, fejn l-ankra u l-boxxla tagħha jkunu proprju l-linja ta’ sens li tirrappreżenta. Politika mingħajr kultura ma fihiex sustanza. Annibale kellu dan fih, u proprju għalhekk kien theddida vera u potenza Mediterranja qawwija. Punti li ċertament huma mill-iktar interessanti għal min irid iwettaq il-politika t-tajba. Bħalma huma dawk li jfakkruna li ħafna drabi, ħidmet ta’ qabilna u tagħna jiddependu fuq min jikteb l-istorja. Huwa t-trapass taż-żmien li jgħin sabiex wieħed jifhem aktar u f’iktar dawl u dettall. Huwa wkoll, f’dan kollu, il-qari li jwassalna biex niftħu aktar il-fruntieri tal-għerf. Dawk li jgħinuna jkunu punti utli ta’ riflessjoni fil-politika li għandna nassiguraw li nwettqu.

EKS CASINO DI VENEZIA - XOGĦOL PREPARATORJU

26878. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21192, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żvilupp fir-rigward ta’ dak li kien l-Eks Casino Di Venezia fil-Birgu?

 

25/03/2025

 

ONOR. SILVIO SCHEMBRI:  Ninforma l-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejin diskussjonijiet mal-Awtorita tal-Artijiet dwar it-tali sit.

 

Seduta  328

01/04/2025

IMTIEĦEN - RAPPORTI

29302. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-misto...