15.4.25

LAZZRU U L-PATRUNI TIEGĦI

1. Tul din il-ġimgħa mhux proprju jixraq li titkellem jew tiddiskuti l-politika. Tista’ tkun attent ħafna fid-dawl ta’ dak li tkun qed tara b’għajnejk u forsi wkoll ikun jixraq il-mument. Imma anki jekk imdorri nipprova naħseb fuq dak li hemm madwari, xorta naħseb li ma jixraqx. Jixraq minflok li titkellem dwar dak li huwa uman. Dak iktar viċin il-bniedem fil-punti li verament jibdluh. Inżomm quddiemi lid-diversi persuni li rajt u għadni nara f’ħajti. Iltqajt ma’ dawk li kienu mimlija b’ġid materjali imma li xorta mhumiex ferħana. Fuq in-naħa l-oħra missejt ma’ dawk li għandhom ferm inqas imma li jafu jgħixu aħjar. Bnedmin varji b’forom daqshekk differenti li fit-triq tagħraf tmiss magħhom. Xi wħud bil-geddum u oħrajn bit-tbissima.

Il-Qari

2. Ma’ dawn inżid il-ħajjiet ta’ dawk li oħrajn kitbu dwarhom, jew dawk li kitbu huma stess fuqhom infushom. Hemm minjiera ta’ kitba kostanti u sabiħa li hija għad-dispożizzjoni tagħna lkoll. Veru li aħna, bħala poplu, ma tantx aħna magħrufa li aħna fost dawk li jħobbu jieklu l-paġni tal-kotba, imma fil-verità hemm xewqa kostanti fil-bniedem li jsir jaf iktar milli kien jaf. Għandna diversi libreriji pubbliċi għad-dispożizzjoni tagħna, għalkemm ninsisti li nistgħu nonfqu ferm iktar milli aħna għall-ġid nazzjonali tagħna. Dan fi proċess li tħajjar lil dak li jkun biex jaqbad ktieb f’idejh billi jirnexxilu jsib varjetà dejjem akbar ta’ pubblikazzjonijiet: dawk riċenti u dawk passati. Għandna nammettu li m’għandniex politika nazzjonali qawwija biex iżżid il-qarrejja.

Żewġ patruni

3. Tul dawn is-snin li ilni fid-dinja politika nista’ ċertament, għalkemm nirrikonoxxi li kelli diġà qabel, il-kilba li naqra. Però naħseb li b’xi mod din il-kilba rnexxieli nżommha. Dejjem fittixt li jkolli ktieb tajjeb f’idi. Nammetti li sibt gwida u protezzjoni fil-kontenut għad-dispożizzjoni tiegħi. Daqqa jkolli politiċi, daqqa dawk imsejħa għall-qdusija u daqqa wkoll dawk varji. Kull leġislatura li sa issa servejt fiha kelli lil xi ħadd li ggwidani u żamm idejh fuqi. Kemm stajt ma nqtajtx mill-ilma frisk u ħaj li saħħaħli l-ideat. Waqt li ndur lura niskanta kemm kważi kull ġimgħa, f’din il-ħajja politika, ktibt artiklu jew tnejn fil-gazzetti varji tagħna. Iktar fl-aħħar leġislatura, li hija wkoll kienet sfida f’livelli differenti u li ma kenitx faċli għalija biex nibqa’ nipprova nsib l-ispazju biex nagħti sehmi għas-sewwa. Kelli dubji varji, imma ħarist u ħadt eżempju minn oħrajn qabli li ma ċedewx.

12 t’April 2022

4. F’dawn l-aħħar jiem ftakart mill-ġdid li tlett snin ilu erġajt ġejt elett biex inservi. Jum importanti għalija proprju għax kelli ħafna dożi ta’ dubju dwar jekk kellix nikkontesta u jekk kellix nibqa’ għaddej fl-avversitajiet li rajt. Din il-ħidma wkoll mhix faċli, aktar u aktar fil-preżent. Imma fuq in-naħa l-oħra, inżomm quddiemi li dan huwa marbut ma’ żewġ persuni li nħoss li huma gwida u protezzjoni għalija. Jibqgħu hemm fuq iħarsuni. Bnedmin determinati li pperseveraw fis-sewwa għal ħuthom li raw u ħassew li kellhom bżonn il-ħidma tagħhom.

Moscati u Mazzolari

5. Tal-ewwel huwa l-qaddis San Giuseppe Moscati (1880-1927). Tabib magħruf li serva lil dawk l-inqas fis-soċjetà b’imħabba u b’dedikazzjoni. Karriera li bdiet f’dak imsejjaħ bħala Ospedale Degli Incurabili f’Napli, il-belt li għex u ħadem fiha. Dedikazzjoni totali għall-pazjenti sakemm fit-12 t’April 1927 ġie nieqes wara ġurnata ħidma mal-pazjenti. It-tieni, Don Primo Mazzolari (1890-1959), saċerdot, kif jgħidu, ta’ veru, li sab ruħu mwarrab, itturufnat, emarġinat u ċċensurat. F’belt mill-iżgħar ta’ Bozzolo, fejn serva lil dawk l-inqas fis-soċjetà. Ħadem, kiteb kotba u artikoli varji u ppriedka. Sab ruħu fil-mira ta’ dawk li ma qablux miegħu imma ma kienx nieqes mill-kuraġġ. Serva lil pajjiżu fir-reżistenza, dejjem u kostantement kontra l-Faxxiżmu u n-Nażiżmu. Baqa’ għaddej sal-jum ta’ mewtu, fit-12 t’April 1959.

Ta’ fuq u ta’ taħt

6. Kienu t-tnejn bnedmin li kellhom lil minn javversahom. Imma l-iktar, il-poplu, li kien iħobbhom. Kienu dawk li fittxew li jaraw u jmissu mal-verità. Dik li diversi jridu, imma li ma jafux fejn isibuha. Dik li tinsab u li hija għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd. Dik li ssaħħaħ lill-bniedem biex ma jidħakx bih innifsu. Jagħraf fejn hu, u jagħraf li dak li qiegħed jieħu sehem fih jissudah u jfakkru fil-balzmu li dak li qiegħed iwettaq huwa bis-sens u li se jservi ta’ ġid. Verament, l-ingratitudni tista’ tkun ġebla li tfixklek f’dan. Veru wkoll li tista’ tkun ittantat li tibqa’ pass lura għax taf li ħaddieħor mhux ser japprezzak. Anzi jaf, minflok, jiddisprezza ħidmietek. Imma l-esperjenza umana tfakkrek li m’għandek tagħmel xejn bil-ħsieb li ser ikun hemm min, wara, li ser ikun rikonoxxenti lejk.

Lazzru

7. Dan aktar u aktar f’soċjetà li taħseb li qed tikber jekk issir aktar egoista u tħalli warajha l-atti ta’ ġenerożità. Qed naraw wisq eżempji ta’ bnedmin li flok jaħdmu għall-oħrajn qed iħarsu biss xi gwadann ser jieħdu huma. Fuq kollox u wkoll, il-kunċett li għal kull ma twettaq titħallas aktar milli għandha. F’ħafna sens, is-soċjetà tinsab u qed tidher li qed titlef mit-tajjeb li għandha. Dak li hemm bżonn aktar li jitqajjem mill-ġdid sabiex nibdlu triqatna. F’dawn il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa ser ċertament naqraw ukoll dwar Lazzru u kif tqajjem mill-mewt. Ser inħarsu lura lejn dak li aħna u dak li jista’ jseħħ. Ser nifhmu li hemm valuri Nsara li bihom is-soċjetà tista’ terġa’ tmur lura għal dak li darba kienet. Terġa’ ssir lura dik li tagħraf il-verità, is-sewwa, il-ġenerożità u taħdem biex, kif għamlu l-patruni preżenti tiegħi, twettaq atti ta’ sens u sustanza.

Minn qalbi nawguralkom l-Għid il-Kbir it-tajjeb.

No comments:

LAZZRU U L-PATRUNI TIEGĦI

1. Tul din il-ġimgħa mhux proprju jixraq li titkellem jew tiddiskuti l-politika. Tista’ tkun attent ħafna fid-dawl ta’ dak li tkun qed...