29.5.23

X’daqqa tajba u tal-għaġeb ħadna!

1.   Għal min irid ifittex u jipprova jifhem, qiegħed jagħraf li pajjiżna niżel ʼl isfel. Jixraqlu mod ieħor, ċertament, u anzi determinat li naħdem sabiex dan iseħħ. Imma hemm ċirkostanzi li jimmeritaw attenzjoni. Jekk, kif qegħdin naraw, niżlin iktar ʼl isfel fil-livell tas-sewwa u fl-importanza tal-valuri fundamentali li jagħmlu soċjetà, dan mhuwiex ġej mix-xejn. Anqas, bir-rispett kollu, m’huwa sejjer lejn xi bidliet. Minflok qed nibdlu l-ilma li tħammeġ u qiegħed jinten sew bil-ġdid u l-frisk qed nassiguraw li nżidulu fid-doża sabiex isir iktar tossiku. Meta f’dan ma tagħrafx fejn int mod, imma meta minflok tkun taf u tibqa’ għaddej tagħraf li jekk ma taggravax tiġi ferm agħar.

Soċjetà ġusta

2.   Jekk qegħdin inmermru, minn kull naħa, il-pilastri tas-soċjetà ma nistgħux nistennew li l-affarijiet ser ikunu aħjar. Pajjiżna tilef l-istima li kellu qabel. Anki jekk għandna d-daqs ġeografiku tagħna, xorta konna kapaċi nsarrfu f’aktar. Konna kapaċi nuru li aħna aħjar milli jagħmluna. Kapaċi nuru ferm aħjar milli ħaddieħor kien jistenna. Dan sija fil-livell tal-għaqal u l-intelliġenza, kif ukoll fil-valuri u l-kultura li nirrappreżentaw. Għal ħafna konna vuċi ta’ kuxjenza li ħaddieħor xtaq li jkollu, imma li fil-fatt kien qiegħed jagħlaq. Pajjiżna kien strument għal bidliet fl-Unjoni Ewropea u fil-Ġnus Magħquda. Il-vuċi tiegħu kienet rispettata, proprju fl-għarfien li dak li kien qiegħed jingħad kien fih sens u sustanza.

Inżilna fl-iskaluni

3.   F’dan irridu naċċettaw li f’dawn is-snin morna lura. L-iktar għax ma bqajniex nagħtu importanza lill-valuri tas-sewwa, li qabel ħaddanna. Fil-biża’ li xi ħadd jakkużana li aħna “antikwati”, wasalna biex niċħdu l-valuri tal-ħajja. Wasalna fil-punt fejn il-bniedem qed inneħħulu kull forma ta’ dinjità u nġibuh biss oġġett. Ileqq jew le, bħal kull ħaġa oħra li għandna ġewwa l-kexxun jew fil-gradenza tagħna. Biex ma nidhrux koroh f’għajnejn dawk li m’għandhomx sens qegħdin nitilfu mill-melħ li aħna għandna. L-istazzjon nazzjonali, li f’ħafna jirrappreżenta dak li aħna, tilef kull missjoni vera li bis-sħiħ jeduka, jinforma u jibni kultura demokratika. Wasalna fl-istadju fejn flok nirrikonoxxu l-avvanz uman, iddeċidejna li rridu nibdew lura mill-passi li s-soċjetà primittiva kellha. F’daqqa waħda, ikkanċellajna eluf ta’ snin.

Popolarità

4.   Jekk hemm min qiegħed jaħseb li din hija t-triq it-tajba għall-popolarità politika tiegħu, qiegħed jiżbalja. Jekk m’aħniex kapaċi nagħrfu dak kollu li l-bniedem għadda minnu f’sekli ta’ storja, allura qegħdin iktar ʼl isfel. Fejn il-klassi politika tagħmel ħilitha biex tieħu l-linja li turi lilha nfisha li hija nieqsa mill-kwalità. Fejn il-qari mhuwiex prijorità, u anqas id-diskussjoni jew id-djalogu, fejn min ma jaf xejn jidher li jaf. Fejn il-“ħsejjes” fil-medja jsiru minn dawk li m’għandhomx kultura politika jew li, konvenjentement, iridu jidhru hekk. Fejn dawk li huma serji u li jistinkaw għas-sewwa jingħataw il-ġenb. Jitqegħdu fis-silenzju, biex il-vuċi tar-raġuni u tal-kuxjenza tagħhom ma tinstemgħax, għax skomda.

Infittxu aħjar

5.   Pajjiżna għandu jkollu aħjar, u għandu jfittex li jibni dan billi jassigura iktar li l-partiti politiċi jkollhom bnedmin li jmissu mar-realtà u jippruvaw jifhmuha. Jekk hemm terz tal-poplu li ma jridx jivvota, dan ifisser li mhuwiex jiġi ispirat mill-klassi politika. Ifisser li qiegħed jippretendi bnedmin ta’ valuri li mhuwiex isib. Anki għal min huwa xettiku ħafna fuq dak li s-surveys jgħidu, xorta jagħraf li m’għandux jinjorahom. Jista’ jwebbes rasu u jbaxxiha biex ma jismax, imma l-pożizzjoni ma tinbidilx. Għandna, f’dan, id-dmir li nfittxu li nkunu aħjar, u nifhmu li għandna dmir li nirrappreżentaw u fl-istess ħin li nġibu lis-soċjetà kollha tieħu sehem fis-sistema demokratika. Dan iseħħ bil-bdil li jrid isir, u li bih nitilgħu ʼl fuq u mhux inkomplu ninżlu aktar ʼl isfel.

Iktar żbaljat

6.   Huwa, f’dan, iktar żbaljat li hemm min jaħseb li ser isolvi l-iżbalji tiegħu billi l-Ġudikatura tiġi attakkata kontinwament. Ħadd m’huwa qiegħed jgħid li għandha tgħix fid-dinja tagħha qisu s-soċjetà u l-esiġenzi tagħha ma jeżistux, imma ċertament mhux dak li hu għaddej bħalissa. F’din l-esperjenza qarsa ta’ dawn l-aħħar snin, il-Ġudikatura baqgħet taħdem u sservi. Baqgħet kostanti, tara dak li għaddej u tassigura li ma titlifx ir-reputazzjoni tagħha. Hija dak l-organu tal-Istat li baqgħet għaddejja tamministra l-ġustizzja u tibqa’ sejra, minkejja l-atti ta’ bluha li saru minn dawk li mexxew lil pajjiżna. Hi li taħdem fil-ġustizzja qegħda ssib lilha nfisha attakkata inġustament.

Kostanti

7.   Anzi, kif rajna sew, żied wisq il-piż tax-xogħol fuqha, sija minħabba liġijiet varji li għaddew mill-Parlament. Mhux biss, imma iktar ukoll minħabba l-imġieba żbaljata, illegali u kriminali ta’ dawk fil-Gvern. Il-pajjiż ħallas flus kbar f’inkjesti u għadu għaddej iħallas minħabba dan kollu, imma fuq kollox għandna nagħrfu li l-ħin tal-Ġudikatura tagħna ttieħed ʼil bgħid mill-ħidma normali tagħha. Jekk irridu ninżlu iktar ʼl isfel milli qegħdin, din hija proprju t-triq li biha nattakkaw lil dawk li għandhom jikkontrollaw u li jwettqu dan b’imparzjalità li ddejjaq. Aktar u aktar għal dawk li kienu draw bil-ħsieb li l-bnedmin jistgħu jinxtraw. Anzi aktar, f’dan huwa iktar faċli tattakka lil min taf li fi dmiru ma jistax iwieġeb għall-ħmerijiet li jkunu qegħdin jingħadu.

Tikkiet

8.   Hemm min jaħseb li minn dan kollu, il-poplu mhux jagħti każ. Hemm min jimmaġina li huma ċerti klassijiet li jidentifikawhom bħala ‘puliti’ li huma biss importanti. Li l-oħrajn kollox jgħaddi minn fuq rashom qisu ma ġara xejn. Mentri r-realtà politika hija differenti. Il-votant jara dak kollu li hu għaddej. Iqisu f’dak li verament hu, u jdaħħlu fil-kalatura naħa jew oħra, imma rari jirreaġixxi dak il-ħin stess. Dan kollu li qiegħed isir mhuwiex jiġi injorat, u f’dan wisq anqas l-elettorat mhuwa xi annimal irrazzjonali. Dak li jimxi biss bl-istint u jagħma malajr bil-flus. Il-poplu huwa attent, u jagħraf dan. Jagħraf li b’dak kollu li seħħ u li qiegħed iseħħ ħadna daqqa tajba u tal-għaġeb.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...