1. Għalkemm xtaqt nikteb qabel dwar dan li ġej, iċ-ċirkostanzi ma ppermettewx. Il-ħajja u d-dinja politika huma kkumplikati, u l-iktar għax ftit issib min kapaċi jagħtik pariri tajba. Dawk il-linji gwida li tista’ toqgħod fuqhom. Dawk li bihom mhux ser jiddispjaċik li tieħu. Ideat, prinċipji, direzzjonijiet li jwassluk biex twettaq it-tajjeb u ma tagħmilx ħsara bihom. Il-politiku li jfittex triqtu, f’dan, ħafna drabi jsib ruħu waħdu. Isib lilu nnifsu jfittex il-verità li ma tingħadlux. Isib ukoll il-faraġ fi kliem oħrajn li ġew qablu, għax madwaru ma jsib la għajnuna, u lanqas sostenn. Jaf li jrid jimxi. Jaf li jrid joqgħod attent fejn ser jiġbed. Proprju għalhekk li l-qari, numru ta’ drabi, jgħin.
Problemi tas-sekli
2. Dawk li llum, fil-ħajja pubblika, jippruvaw iwettqu dmirhom sewwa m’għandhom xejn inqas minn dawk ta’ snin u sekli oħra. Diversi kienu li resqu u kitbu dwar dan. Diversi kienu l-imħuħ tajba li ppruvaw jagħtu pariri tajba. Fost dawn, madwar il-perjodu tal-1513 sal-1516, u għalhekk, ‘il fuq minn ħames mitt sena ilu, għandna tlieta partikolari. Tnejn, b’xi mod, għadhom jissemmew. It-tielet, inqas. Fil-fatt, fil-1513 insibu lil Niccolò Machiavelli, li kiteb Il Principe. Fl-1516 insibu lill-qaddis Thomas More b’Utopia, u fl-istess żmien Erasmu ta’ Rotterdam bl-Institutio Principis Christiani. Tlett persuni li nfluwenzaw sija lil xulxin, kif ukoll lid-dinja politika sew. Kitbiet li meta taqrahom tagħraf li huma, in parti, reazzjonijiet għal xulxin.
Erasmu ta’ Rotterdam
3. Saċerdot Kattoliku mwieled fit-28 ta’ Ottubru 1466, u li ġie nieqes fit-12 ta’ Lulju 1536. Bniedem ta’ intelliġenza kbira, teologu li ħalla warajh kwantità kbira ta’ kotba li, taqrahom meta taqrahom, issibhom mhux biss interessanti, imma wkoll siewja. Deċiż li jgħin fil-bidliet, fir-riformi li kien hemm bżonn fil-Knisja u fis-soċjetà ta’ dawk iż-żminijiet. Kitba li għandha fiha t-tiftix kostanti tal-verità. Il-bżonn li l-bniedem jagħraf jibni ħajtu fuq dak li huwa sod u li jista’ jiddependi fuqu. Mhux direzzjonijiet fiergħa, imma mimlija b’ideat li tieħu gost taqrahom, ikun xi jkun iż-żmien ta’ ħajtek. Fost dawn għandu dan il-ktieb, Institutio Principis Christiani, miktub biex jagħti pariri lil dak il-Prinċep li kellu jsir l-Imperatur Karlu V, Re ta’ Spanja (1500-1558) u li taħtu pajjiżna għadda għand il-Kavallieri ta’ San Ġwann.
Ir-responsabbiltà tal-Poter
4. Meta naqra din il-kitba, xejn ma jneħħili minn rasi li din saret fid-dawl ta’ dak li kien kiteb, imma ma ppubblikax, Machiavelli. Bi proċess mill-iktar loġiku bażat fuq kitbiet Griegi, Latini Klassiċi u l-Vanġelu, jagħti gwida lill-Prinċep u mexxej futur. Dawk li jwassluh biex jiddikjara li l-gvernijiet jiddependu fuq il-kunsens ta’ min jiggvernaw, u li dan irid jintrebaħ mhux bil-forza fiżika, imma b’dik tal-persważjoni. Jeżamina l-poter u r-responsabbiltà ta’ min iġorr dan il-piż. Jgħid li hemm poter li jinsab f’idejn min imexxi, u hemm dak il-poter f’idejn dawk li huma ggvernati li m’għandux jiġi eżerċitat b’ribelljoni għax dik il-vjolenza toħloq iktar inkwiet mill-abbuż li qed tipprova tneħħi. Ikun aħjar jekk dan il-poter jiġi eżerċitat bin-non-koperazzjoni tal-mexxej.
Dmirijietu
5. Għalkemm Erasmu ma jidentifikax l-Istat tal-Prinċep u jgħid li ma jistax ikun hemm Prinċep jekk ma jkunx hemm qabel Stat, però jgħid li jista’ jkun hemm Stat mingħajr Prinċep u jagħtih ħafna pariri. Dan għax jirrikonoxxi li l-Prinċep għandu fuqu salib kbir xi jġorr, fejn irid jaħrab il-pjaċiri tad-dinja, jieħu ħsieb lil kull persuna, jaħdem ħafna, inaqqas mill-mistrieħ u dan sabiex iċ-ċittadini tiegħu jgħixu fis-sewwa. Irid, f’dan, ikun nobbli, ġeneruż, mimli ħniena u fuq kollox, għaqli. Fejn l-attenzjoni prinċipali tiegħu trid tkun immirata lejn il-politika interna u mhux dik barranija. Isir jaf sewwa lil pajjiżu u lill-bnedmin li jgħixu fih. Jippretendi minnu li jsir missier il-pajjiż.
Pater Patriæ
6. Jelenkalu, għalhekk, numru ta’ dmirijiet. Bħal li għandu juża l-forza biex irażżan il-ħażen u jipproteġi t-tajjeb. Jew li ma jużax il-forza repressiva u awtoritarja, salv fejn verament huwa neċessarju. Kif ukoll li jonqos kemm jista’ milli juża l-piena kapitali. Kif m’għandux imexxi bit-theddid, imma bil-kunsens u l-persważjoni. Li jaqbad kemm jista’ riformi soċjali. Li jħares il-bżonnijiet ekonomiċi tal-pajjiż billi jirregola u jimponi taxxi fuq dak li huwa parti mil-lussu, mhux l-ikel ta’ kuljum. Mhux biss, imma jfakkar li l-gwerra hija brutali, irrazzjonali, tiswa l-flus u l-bidu ta’ kull tiġrib. Aħjar wieħed jasal bil-medjaturi jew arbitraġġi milli bl-użu tal-armi.
It-Talb
7. Il-kitba hija mill-iktar interessanti u min irid jiftaħ paġna friska ta’ ideat politiċi għandu jaqrah sew. Għax fih pariri ta’ kull tip, inkluż f’dak li għandu x’jaqsam it-talb. Jgħid li l-Prinċep huwa l-iktar suġġett għat-tentazzjonijiet, għax fejn jgħix huwa l-iktar post li Sidna Ġesù Kristu huwa miċħud. Fl-istess, proprju għalhekk, m’għandux iqatta’ wisq ħin jitlob, u f’dan iħalli mhux magħmul dak li bih l-Istat jista’ l-iktar ibati. Anzi, kif jgħid: “He may plead with God more effectively in a very few words. If he stills the tempests of war, defends the liberty of the people, staves off famine, appoints incorruptible magistrates, he pleases God better by saying six whole years of prayers.”
Għal min irid
8. F’dan, il-kitba hija mill-iktar miżgħuda b’ideat. Miktuba bl-isbaħ mod u f’kuntrast għall-ideat li, ħafna drabi, mexxejja fid-dinja jmorru għalihom. Kuntrast ma’ ideat Machiavelli, li fl-aħħar tal-ġurnata ma jwasslux għas-sewwa, imma biex jittieħdu direzzjonijiet żbaljati. Kitba li tħares lejn il-bniedem fid-dinjità tiegħu. Tagħtih il-ġieħ politiku li ħaqqu u tqiegħed il-piż tar-riskju tar-responsabbiltà politika fuq min imexxi favur mhux tiegħu nnifsu, imma tas-soċjetà kollha. Huwa, f’dan, inter-klassista. Deċiż li jibni soċjetà tajba għal kull persuna billi tifhem l-iżbalji tal-istorja. Tifhem li kull mexxej politiku, ġej f’liema żmien ġej, inkluż ċertament illum, għandu bżonn pariri politiċi siewja.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment