10.5.23

Fejn tqegħdek l-Istorja

1.  Huwa minnu li min jikteb il-kotba tal-istorja jispiċċa jħalli memorji differenti ta’ oħrajn. Jispiċċa jkun dak li bl-opinjonijiet veri, jew dawk servili tiegħu, jibdel dak li bnedmin varji jkunu wettqu. Huwa minnu li l-istorja nkitbet, u sa ċertu punt, għadha tinkiteb mir-rebbieħa, imma llum għandna numru ta’ vantaġġi. Tul ħajjet il-bniedem huma ħafna dawk li pinġew f’dawl ikrah ħidmet oħrajn. Kif ukoll hemm dawk li ngħataw merti politiċi, militari jew kulturali li, fil-fatt, ma kellhomx. Imma, kif kien qal sewwa Erasmu ta’ Rotterdam, hemm poteri differenti li fihom il-pinna tibqa’ waħda mit-tlieta l-iktar importanti f’ħajjet il-bniedem.

Ċerti drabi

2.  Hemm dawk li f’kitba waħda, li tispiċċa li hija moqrija u f’ċertu sens ikkunsidrata popolari, dak kollu li jkun wettaq jispiċċa mkejjel skont dik il-lenti. Kollox jgħaddi minn dik l-‘analiżi’ li tista’, kif l-istoriċi jippruvaw li tkun, intenzjonata jew minħabba raġunijiet oħra tista’ tkun personali. Min kiteb seta’ kien il-każ li ma kellux simpatija, anzi antipatija, forsi wkoll dożi akbar ta’ mibgħeda. Seta’ wkoll ħoloq minn persuna magħrufa karattru f’kitba letterarja li wara baqgħet fiż-żmien. Biċċiet mill-bniedem li jibqgħu hemm. Elementi umani li l-preġudizzji u l-antipatiji personali jirkbu fuq dak li huwa oġġettiv. Hemm min jagħmilha parti mill-eżistenza tiegħu li jmaqdar persuni partikolari. Hemm min jirnexxilu f’dan, u hemm min le. Il-fatt jibqa’ li t-tajn jibqa’ jeħel f’dak li huwa.

Hekk sibtni

3.  F’dan, li lkoll nafu imma f’ħafna drabi ninsew, sibtni ftit jiem ilu. Waqt li kont qiegħed nerġa’ naħseb fuq il-varji poteri politiċi Ewropej ta’ żmien il-Kavallieri, qrajt trattat politiku dwar ħidmet Armand Jean du Plessis (1585-1642). Persuna magħrufa bħala l-Kardinal Richelieu. Sibtni nifhem aktar li dak li seħħ tlett mija u ħamsin sena ilu għadu rilevanti magħna. Għadu jinfluwenza kif il-bnedmin jaħsbu. Kif iħarsu lejn il-poter u r-responsabbiltà politika. Kif jibnu fl-opinjoni interna tagħhom il-profil tal-elementi essenzjali biex ikollhom mexxejja tal-Istat tajba u li jservu għas-sewwa. Ċertament, għal xi wħud mhuwiex wieħed mill-aqwa karattri. Forsi dawk bħali li ta’ tfal qrajna jew rajna l-films varji b’kitbet Alexandre Dumas tal-1844 fejn l-eroj tal-istorja kienu dawn it-Tlett Muskettieri. U fejn dan il-Kardinal tpinġa bħala l-ħażin influwenzaw. Biss, fil-verità, diversi kitbiet fil-ġurnali barranin u ta’ pajjiżna jirreferu għalih f’dawk li, forsi l-istorja tgħinhom jikkoreġu aħjar, l-opinjonijiet.

Kawtela u attenzjoni

4.  Min qara ftit jagħraf li l-karriera politika tiegħu hija mill-iktar interessanti. Imma mhux biss. Kien persuna ta’ kultura, ideat varji. Kien dak li kien l-awtur ta’ trattati reliġjużi. Wieħed li ġie mgħolli fil-Knisja għal pożizzjoni ta’ Prinċep tagħha Kardinali. Kien ukoll dak li sab ruħu msejjaħ biex imexxi l-Istat ta’ dik li kienet Franza ta’ dawk iż-żminijiet. Kien bniedem li jemmen fl-ordni soċjali. Ma kienx dak li jitpinġa bħala l-kattiv u l-krudili, imma dak li kien jagħraf li wiret anarkija politika u li mingħajr ordni ma setax iġib lil pajjiżu lura f’dak li kien jixraqlu. Anzi, forsi aħjar, dak li telaq bil-ħsieb li jrid jirriforma u jordna, li spiċċa sab li jista’ iktar tat-tieni milli tal-ewwel. Sforz il-kwalitajiet uniċi tiegħu u dik li żamm il-poter f’idejh għal snin twal li fil-fatt ġieb ħafna għira kontra tiegħu. Ħafna drabi, f’qalb u f’moħħ dawk li għandhom opinjoni għolja tagħhom infushom, imma li fil-fatt ma kellhomx it-talenti li ħasbu li għandhom u li huwa maż-żmien wera li kellu.

Mudell


5.  Difatti, huwa kkunsidrat illum minn numru sew ta’ studjużi li huwa forma ta’ mudell ta’ aġir politiku attent, prudenti u fil-kawtela. Fejn il-każ u l-bżonnijiet partikolari isibu ruħhom iggwidati mid-dimensjonijiet storiċi kulturali, u d-deċiżjonijiet jittieħdu f’dawl ta’ prinċipji u pragmatiżmu. Fehem ferm iktar minn oħrajn dak li kien għaddej fl-Ewropa. B’mod partikolari l-influwenzi u l-aġendi tal-Imperu Spanjol. Imma kien għaqli wkoll fil-mod li mexa bih fil-konfront tal-moviment protestant tal-Ugonotti. Kien taħtu li fil-battalja ta’ La Rochelle (1628) din l-influwenza tqegħdet f’postha, imma li fl-istess ħin ma tilifx f’għaqlu li jeradika ‘l-Franċiżi bħalu, anzi li minflok użahom fl-allejanzi interni, li swewlu wkoll.

Deċiżjonijiet


6.  Fil-fatt, meta wieħed jaqra iktar dwaru jagħraf li kien kapaċi fi kwalità politika importanti ħafna. Kien jagħraf il-mument meta deċiżjoni politika għandha tittieħed. Jagħraf iċ-ċirkostanzi, u wara jaġixxi b’determinazzjoni. Fid-dinja li fiha kien jgħix dan kellu lieva fir-relazzjonijiet tal-Istat mal-Knisja, dik ma’ stati u monarkiji oħra u dik tas-soċjetà nnifisha. Kien bniedem li jagħti kas dak li għaddej, kif ukoll dawk l-iktar l-isfel u varji fil-pajjiż. Kien bniedem tal-Istat, kif ukoll tal-Knisja Kattolika. Imma kien ukoll dak li ħabb il-liġi. Kien, f’dawn l-elementi kollha, parti mill-Kontro-riforma Kattolika. Deċiż fuq naħa li jaħdem sabiex l-Istat ikun sod u ordinat, fuq l-oħra li jirriforma l-Kattoliċeżimu u bil-persważjoni, u mhux bl-impożizzjoni, jikkonverti lura lil dawk li kienu telquha.

Għalih

7.  Kien influwenza politika kbira f’pajjiżu. Waħda li mexxa u uża b’intelliġenza sabiex jipproteġi l-Istat mingħajr ma jitlef mis-sustanza ta’ dak li għandu jkun. Kien jemmen li l-ħsieb u l-aġir politiku jridu jimxu wkoll fid-dawl tar-reliġjon u tal-liġi. Id-deċiżjonijiet politiċi tiegħu kienu ggwidati u bbażati fuq il-liġi. Kif kien qal l-istoriku Fritz Dickmann (1906-1969): “For Richelieu the great political decisions were also decisions of conscience; much more than we might expect he evaluates questions of power politics by way of legal concepts.” Kif ukoll l-istorja turi li kien joqgħod attent ħafna sabiex ma jkollux deċiżjonijiet politiċi li ma jistgħux jiġu ġustifikati bil-liġi. Ma kienx, f’dan, arbitrarju, imma fl-għarfien li dak li qiegħed iseħħ huwa fl-ordni legali nazzjonali u dak bejn l-istati.

Ta’ Kultura

8.  Kien il-bniedem li ġieb fis-seħħ l-Academie Française, li għadha ħajja sallum. Kien jemmen li l-Lingwa Franċiża hija l-iktar indikata għal dibattiti u analiżi kalma li tmexxi r-raġuni. Kien f’dan, u għadu kkunsidrat dak li bl-aġir tiegħu nfetaħ kapitolu importanti fl-iżvilupp tal-letteratura unika ta’ pajjiżu. Kien, f’dan ukoll, għas-servizz tal-Istat. Bniedem li faċilment jitqiegħed f’kategorija tad-despoti, imma fir-realtà ġieb il-liberazzjoni tal-Istat. Iggwidat maż-żmien b’ideat u esperjenzi varji, ċertament huwa figura politika li jixraqlu attenzjoni. Iktar u iktar meta wieħed isib awturi storiċi li jfittxu li jkunu oġġettivi u mhux suġġettivi f’ħidmiethom. Fl-aħħar tal-ġurnata, taħseb x’taħseb dwaru jibqa’ figura ċentrali fil-ħajja politika Ewropea. Wieħed li l-istorja għandha tagħraf tqegħdu fid-dawl proprju tiegħu.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...