17.5.23

Fil-kuntest storiku

1.   Hemm diffikultajiet fl-użu tal-lingwaġġ politiku. F’dak li għaddew ġenerazzjonijiet minnu kif jiġi, dejjem jekk jiġi, trasmess lill-oħrajn li jiġu wara. Nitkellmu b’ideat u nsemmu persuni li sawwruhom, però f’dan naċċettaw li min għadu ġej fil-ħajja politika ma jagħrafx. Dak li konna naraw li m’għandniex bżonn nispjegaw, illum hemm il-bżonn tiegħu. F’ħafna, qegħdin fin-neċessità li nibnu mill-ġdid dak li qabel kien hemm u li sab ruħu maħtut. F’kelma waħda, f’persuna msemmija huwa biżżejjed għalina biex nifhmu, imma dawk li huma ġodda, le. Iktar u iktar illum meta l-kultura politika tinsab lura sew, u mhix tinbena. Iktar u iktar għalina d-Demokristjani, li nsibu lil min jipprova jinjora anke akkademikament dak li huwa parti mill-patrimonju tal-Oċċident u tagħna.

Diffikultajiet

2.   Dan, iktar u iktar meta wieħed jispjega l-pożizzjonijiet politiċi li ttieħdu u l-valur tagħhom. Iktar u iktar fl-impostazzjonijiet li daħlu llum ta’ forom strambi u sterili ta’ lemin u xellug. Mhux biss, imma fil-kuntest politiku, fejn anki l-istess Unjoni Ewropea tiġi stmata biss f’dak li hija llum u mhux minn fejn verament telqet. Meta titkellem dwar politiċi Demokratiċi-Nsara passati, ħafna ma jifhmux. Ħafna lanqas semgħu bihom, jew iħossu l-bżonn li jsiru jafuhom. Li jifhmu x’deċiżjonijiet politiċi ħadu u f’liema kuntesti storiċi ħaduhom. Kienu żminijiet diffiċli, imma fihom urew l-abbiltajiet tagħhom biex jibnu mill-ġdid. Jibnu d-demokraziji u s-soċjetajiet li aħna parti minnhom. Li aħna parti mill-memorja kollettiva u l-wirt ta’ valuri u kontenuti.

Mhux b’nostalġija

3.   Faċli li wieħed imaqdar, imma ħafna drabi dan iseħħ għax parti biss minn dak li seħħ tingħad. Proprju għalhekk nara li għandi nikteb fuq dawk li ġew qabilna. Imma dan mhux f’kuntest jew dimensjoni ta’ nostalġija. Imma aktar f’dak li wieħed jispjega għala aħna li aħna, kif ukoll dak li dawn għaddewlna. Meta nsemmu politiċi li twieldu u ħadmu b’dawn l-ideat, bħal Konrad Adenauer, Luigi Sturzo, Alcide de Gasperi u oħrajn, dan isir b’dan il-ħsieb. Nispjegaw dak li wettqu imma wkoll inkissru d-dominju bla sens ta’ dawk li jridu jnessu din l-esperjenza politika tant iktar attwali llum. Iktar u iktar meta l-Partit Nazzjonalista għadu partit Demokratiku-Kristjan u għandu bżonn iktar jgħarraf għala huwa hekk. Jgħarraf ir-rilevanza mingħajr biża’, u anzi, bil-konvinzjoni.

Ħamsa u erbgħin sena

4.   Ħsibt aktar f’dan meta ftit jiem ilu fakkarna l-45 sena minn meta ġie maqtul Aldo Moro mill-Brigate Rosse. Bniedem li għallimni ħafna kif il-politiku għandu jaġixxi u jaffronta l-kumplikazzjonijiet. Waqt li fakkartu, għadda minn rasi li ftit huma dawk li, fis-soċjetà tallum, jafu min huwa. Anzi, aktar rajt il-bżonn li wieħed jispjega għala jibqa’ eżempju tal-politiku t-tajjeb. Mhux faċli, ċertament, iktar għalija li qrajt sew dwaru u nibqa’, jum wara jum, niskopri biċċiet oħra tiegħu. Dan il-politiku, li kien parti mill-Partit Demokristjan Taljan għax kien il-partit tal-libertà, popolari, immexxi u ggwidat mill-ideali Nsara, li rrappreżenta bnedmin minn kull klassi soċjali.

Metikoluż


5.   Kien il-politiku li serva sew 'l-Istat. Bniedem li ra, f’Alcide de Gasperi, il-persuna li kapaċi jħares il-quddiem u jibni. B’attenzjoni u b’toroq varji bena stat soċjali b’kunsens politiku qawwi. Bidel soċjalment u ekonomikament dak li kienet l-Italja wara d-diżastru tal-Faxxiżmu, u l-iktar il-bini tad-demokrazija. Anzi, fil-bżonn li l-bażi demokratika tikber għax tikkonvinċi lil iktar ċittadini jieħdu sehem fiha. Kienet l-ewwel darba li fl-Italja kien hemm ġenerazzjoni ta’ Kattoliċi fil-poter. Fejn il-ħsieb kien dak li wieħed ikollu soċjetà li hija mibnija sew, għax ispirata mill-valuri tal-ġustizzja, il-fraternità, is-solidarjetà kif id-duttrina soċjali tal-Knisja għallmet. Biss, dan seta’ jseħħ għax Aldo Moro tgħallem li l-politiku jrid ikollu l-polz fuq dak li għaddej fis-soċjetà.

Ċentru

6.   Kien magħruf li kien attent ħafna fid-deċiżjonijiet politiċi tiegħu. Ma jiġrix u metikoluż, għax kif kien qal, ried li jwettaq wara li jkun ra kollox, qara kollox u sar jaf kollox. Fuq dan li wieħed jista’ jibni sewwa. Ħafna politiċi jiġru u jispiċċaw li dak li jaħsbu li huwa avvanz, ikun fil-fatt, il-kontra. Ried jibni, anzi, kif kien qal: “Attuare una politica di sviluppo e di riforme con vigore e con concretezza.” L-iktar li jkunu sodi u jservu lill-bnedmin fiż-żmien proprju għax passi tajba. Fejn wieħed iħares lejn il-futur b’ottimiżmu. Proprju għalhekk li fehem li jekk partit irid jassigura l-ġid lis-soċjetà kollha, irid ikun wieħed taċ-ċentru. Iktar u iktar sabiex ikun kapaċi jimxi u jsib l-ispazju politiku f’kundizzjonijiet dejjem diffiċli u kkumplikati.

Konvint

7.   Kien konvint li wieħed irid ikollu partit taċ-ċentru li jimxi lejn ix-xellug, li l-kontenut tiegħu ma jistax, f’dan, ma jkunx popolari u li jġid il-ġid u l-ġid. Ċertament, mhux partit tal-lemin li jagħlaq lilu nnifsu, imma wieħed sostnut mid-djalogu li jintroduċi fis-soċjetà sens demokratiku li jżid fl-ideal awtentiku tad-demokrazija. Fejn tibqa’ miftuħ tisma’ u ma tneħħi lil ħadd mill-ħidma interna tal-partit. Fejn ebda persuna ma tkun emarġinata, anzi, kif jgħidha aħjar hu: “Nessuna persona ai margini, nessuna persona esclusa dalla vitalità e dal valore della vita sociale.” Anzi, li b’hekk tassigura li tibni viżjoni demokratika aktar wiesgħa li ġġib magħha aktar jaħdmu u jsostnuha, iktar u iktar fir-riformi soċjali li dejjem hemm bżonnhom.

L-Istat ta’ kull persuna

8.   Id-diskorsi u l-kitbiet tiegħu huma varji. F’ħafna ssib ispirazzjoni, aktar u aktar meta taqrahom fil-kuntest storiku tagħhom. Bħal dak li għamel fl-1959 fil-Kungress tal-Partit ġewwa Firenze, fejn jafferma ċar dak li huwa l-Partit u fejn għandu jimxi ‘l quddiem. Jitkellem fuq in-natura popolari tiegħu, fejn wieħed irid ifittex, fl-ekwilibriji politiċi, kif jiftaħ iktar is-soċjetà. Fejn il-fonti ideali jispiraw ruħhom mill-valuri etiċi Nsara tad-dinjità umana, tal-inizjattivi u libertajiet tal-bniedem, ta’ drittijietu fis-soċjetà u quddiemha. Fejn il-Partit irid jaqbad volontà unitarja fil-libertà li fih tagħti spazju, vuċi, u tassigura rispett u dinjità lil kull persuna fi ħdan il-Partit. Proċess li bih il-Partit jassigura li l-Istat mhuwiex ta’ xi wħud, imma ta’ kull persuna: “Non lo Stato di alcuni, ma lo Stato di Tutti.”

Imbotta

9.   Kliemu kien dejjem iqis il-preżent fil-kuntest ta’ dak li jista’ jsir fil-futur. Kien jimbotta 'l-Partit lejn pożizzjonijiet ġodda wara li jkun studjahom sew. Fuq naħa twettiq ta’ kontenut demokratiku aqwa, ta’ stat demokratiku aħjar. Fuq l-oħra, il-kontinwità tal-azzjoni popolari tal-Partit Demokratiku Kristjan. Aldo Moro jista’, għal uħud, jidher bħala bniedem tal-passat, però bil-pariri tiegħu, fir-realtà huwa wieħed tal-preżent. Dan għax bl-ideat li ħarġu f’dak il-kuntest storiku, għadhom tweġibiet rilevanti għal min irid jibni mill-ġdid lil din is-soċjetà tagħna, li għaddejja minn kriżi. Proprju għalhekk li waqt li wieħed għandu jħares lejn il-kuntest storiku, għandu fl-istess ħin jifhem il-bidliet li jridu jsiru, u kif dawn għandhom iseħħu.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...