8.10.19

AMBAXXATA TA’ MALTA FIT-TURKIJA - ĦIDMA




10556. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa t-Turkija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa t-Turkija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena huwa kif gej.

Bilaterali

Bla dubju, l-avveniment l-iktar importanti li seħħ matul il-perjodu msemmi kienet iż-Żjara Statali li l-E.T. il-President is-Sinjura Marie-Louise Coleiro Preca għamlet fit-Turkija, fuq stedina tal-President tat-Turkija, l-E.T. Recep Tayyip Erdoðan. Iż-żjara seħħet bejn it-22 u l-24 ta’ Jannar 2019.  L-ewwel ġurnata kienet tikkonsisti b’business forum taħt il-patronċinju tal-President ta’ Malta u l-Viċi President tat-Turkija, E.T. Dott. Fuat Oktay, f’Istanbul. Ipparteċipaw erba’ Ministri tal-Kabinett, Segretarju Parlamentari u madwar 50 intraprenditur u negozjant Maltin, kif ukoll numru mdaqqas ta’ imprendituri Torok.  Kien hemm ukoll diversi laqgħat bejn l-imprendituri taż-żewġ naħat.

L-attività tat-tieni jum seħħet kollha fil-belt kapitali Ankara fejn l-E.T. il-President Coleiro Preca ngħatat l-Unuri Statali minn Gwardja tal-Unur u ltaqgħet mal-E.T. is-Sur Recep Tayyip Erdoðan fil-Palazz Presidenzjali. Dan kien il-qofol taż-Żjara Statali. Saru laqgħat oħra li fihom ipparteċipaw l-erba’ Ministri u s-Segretarju Parlamentari. Matul iż-żjara, l-E.T. il-President ta’ Malta u d-delegazzjoni żaru l-Parlament Tork u ltaqgħu mal-Ispeaker, l-E.T. is-Sur Binali Yýldýrým. Il-President żaret ukoll Anýtkabir, il-Mosolew fejn hu midfun Mustafa Kemal Atatürk, u poġġiet kuruna. L-Ambaxxata  f’Ankara, kif ukoll il-Konsolat Ġenerali tagħha f’Istanbul, kienu impenjati sewwa kemm fit-tħejjijiet u anki waqt iż-żjara. 

Matul l-istess perjodu, l-Ambaxxata żammet, bl-aħjar mod possibbli, lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ mgħarraf b’dak kollu li kien qiegħed iseħħ fit-Turkija, minn avveniment u żviluppi politiċi għas-sitwazzjoni fl-ekonomija, l-qasam tal-Jeddijiet tal-Bniedem, Saltna tad-Dritt, u l-Libertà tal-Kelma. 

Saru wkoll kuntatti diversi mal-Awtoritajiet Torok dwar appoġġ bilaterali li ż-żewġ pajjiżi ddiskutew jew wiegħdu li jagħtu lil xulxin f’fora jew oqsma internazzjonali.  Komplew il-kuntatti mal-Awtoritajiet Torok dwar ftehim ta’ koperazzjoni f’oqsma tal-Edukazzjoni u s-Saħħa.

Fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija, l-Ambaxxata flimkien mal-Ministeru u r-Rappre¿entanza Permanenti ta’ Malta fi Brussell, segwiet kemm setgħet u irrappurtat dwar l-iżviluppi li kienu qegħdin iseħħu anki fl-isfond tat-temi politiċi attwali fit-Turkija. L-Ambaxxatur jattendi regularment f’Ankara laqgħat għall-Kapijiet ta’ Missjonijiet tal-UE. Dawn il-laqgħat, li jitmexxew mill-Ogħla Rappreżentant tal-UE fit-Turkija jittrattaw temi politiċi attwali fit-Turkija kif ukoll bosta temi oħra marbuta mal-perspettiva Ewropea tat-Turkija u l-politika barranija tal-pajjiż. Dawn il-laqgħat iservu bħala qafas li jikkumplimenta l-ħidma tal-UE u l-Membri Stati tagħha rappreżentati fit-Turkija.

L-Ambaxxatur ipparteċipa flimkien ma’ Ambaxxaturi oħra fi żjarat reġjonali li d-Delegazzjoni tal-UE torganizza kultant żmien fejn l-emfasi tkun fuq proġetti li jkunu ffinanzjati mill-UE. L-Ambaxxatur irrappreżenta anke lill-Onor. Ministru Carmelo Abela fis-Sitt Laqgħa tal-Proċess ta’ Budapest li saret f’Istanbul, segwa kemm seta’ l-operazzjonijiet militari li t-Turkija qiegħda tagħmel lil hemm mill-fruntiera mas-Sirja u l-assistenza umanitarja li t-Turkija tagħti lil madwar 3.5 miljun refuġjat li jgħixu fit-Turkija b’konsegwenza tal-kunflitt fis-Sirja.

Kummerċjali

Saru laqgħat ma’ żewġ kumpaniji tal-avjazzjoni li kienu interessati jespandu n-negozju tagħhom u jirreġistraw il-kumpanija tagħhom fir-Reġistru Malti.  It-taħditiet issa qegħdin f’idejn id-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili. Laqgħat simili saru ma’ kumpaniji fis-settur turistiku u marittimu. Dawn il-laqgħat seħħew ftit wara ż-Żjara Statali tal-E.T. l-President Coleiro Preca.

Kull tant żmien, l-Ambaxxatur u l-Konslu Ġenerali kienu wkoll f’kuntatt maż-żewġ Konsli Onorarji li jirrappreżentaw l-interessi ta’ Malta f’Iżmir u Antalja, l-iktar dwar informazzjoni ta’ natura kummerċjali li jkollhom bżonn, jew inkella ħtiġijiet oħra.

Kulturali u/jew Promozzjoni ta’ Malta

L-Ambaxxatur ipparteċipa wkoll fi żjarat f’żewġ reġjuni organizzati għall-Missjonijiet Diplomatiċi akkreditati għat-Turkija minn Ministeri jew Direttorati Torok. Hu tajjeb u jista’ ikun ta’ benefiċċju li jkun hemm preżenza Maltija f’dawn iż-żjarat.

Fuq stedina mill-Fakultà tal-Ekonomija tal-Università Teknika tal-Lvant Nofsani  f’Ankara, l-Ambaxxatur indirizza studenti li kienu qegħdin iħejju ruħhom għal studji terzjarji fil-belt ta’ Bejpazari.

L-Ambaxxatur attenda ħafna attivitajiet ta’ natura soċjali organizzati minn Ambaxxati oħra, bħal ċelebrazzjonijiet ta’ jiem nazzjonali ta’ pajjiżi oħra. Attenda wkoll avvenimenti importanti organizzati mill-Awtoritajiet Torok u li għalihom kienu mistiedna l-membri tal-Korp Diplomatiku.

Konsulari

Bejn Jannar u April 2019, daħlu fil-Konsolat Malti f’Istanbul 1,617-il applikazzjoni għall-viża, żieda ta’ 13.48% fuq l-istess perjodu tas-sena 2018. Minn dawn, 95 applikazzjoni kienu rrifjutati. Applikazzjonijiet li jidħlu fl-Ambaxxata f’Ankara jkunu riferuti lill-Konsolat.

Il-Konsolat ipproċessa wkoll erba’ applikazzjonijiet għal passaporti ġodda jew biex ikunu mġedda. Il-Konslu Ġenerali, fil-kapaċità tiegħu bħala Kummissarju għall-Ġuramenti, kien xhud ta’ 177 firma fuq dokumenti relatati mal-industrija marittima u mar-reġistrazzjoni ta’ vapuri ta’ sidien Torok fuq ir-Reġistru Marittimu Malti.

Il-Konslu Ġenerali u l-Istaff tiegħu assistew numru ta’ Ministri Maltin waqt waqfiet f’Istanbul fi triqithom lejn pajjiżi oħra. Għen lill-Ministru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma u d-delegazzjoni tiegħu waqt konferenza internazzjonali f’Ýstanbul. Il-Konsolat għen ukoll xi Maltin li sabu ruħhom f’xi diffikultà meta kienu għaddejjin mill-ajruport ta’ Ýstanbul. 

Il-Konslu Ġenerali attenda numru ta’ attivitajiet organizzati minn Konsolati oħrajn f’Ýstanbul, partikolarment dawk tal-UE.

F’April, il-Ministeru bagħat, għal żmien temporanju, diplomatiku żagħżugħa f’Ýstanbul biex tgħin lill-Konsolat Ġenerali fil-ħidma tagħhom.

Seduta  250
07/10/2019

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...