29.10.19

Lura lejn l-Ordni.




1.     Kull soċjetà, kull pajjiż, kull ċiviltà tikber u timxi jekk tħares lilha nnifisha mid-diżordni.  Tipproteġi lilha nnifisha mit-taħwid, mit-tgerfix u minn dak kollu li, flok jagħmel il-ġid, ikun kaġun ta’ deni.  Ħadd ma jista’ jmeri dan.  L-istorja hija mimlija b’eventi li minnhom din il-lezzjoni fundamentali tista’ tinsilet.  Ċertament mhux ħafna jagħrfu dan.  Speċjalment dawk li jaħsbu li n-nuqqas ta’ ordni huwa parti minn prinċipju etiku li tħalli lil kull persuna, fil-libertinaġġ tagħha, twettaq li trid u li jidhrilha.

Hemm limiti

2.     Ma hemmx ġid fil-fatt li l-Istat jindaħal fejn ma jesgħux.  Imma, b’din l-iskuża ma jfissirx li m’għandux jeżerċita u jwettaq dmiru fejn għandu.  Fejn huwa mistenni mill-bnedmin fil-ħajja tagħhom fir-rapporti interpersonali tagħhom.  Jista’ jkun li hemm min irid li jiddikjara lil pajjiżna ‘kosmopolita’, imma dan m’għandux ikun ċertifikat għat-taħwid u nuqqas ta’ kontroll.  Ir-realtà llum hija li f’dawn il-gżejjer, taħt il-ħsieb li għandek tippermetti kull komportament, ikun xi jkun, sejrin dejjem iktar lejn pożizzjoni li la għandha bidu u wisq anqas tmiem.

Garanziji

3.     Il-bnedmin iridu ċerti forom ta’ garanziji mis-soċjetà.  Jitolbu dejjem li jkunu bażati fuq numru ta’ prinċipji bażiċi tas-sewwa, li l-ħajja tagħhom u ta’ dawk li huma għal qalbhom huma protetti.  Protetti mhux biss fiżikament, imma wkoll fid-dinjità li ħaqqhom.  Il-bniedem illum, fis-soċjetà tagħna qiegħed isib lilu nnifsu iktar bħala strument tal-ekonomija, milli jara din bħala għodda għalih.  Il-linja li fuqha qed naraw dak li għaddej ġejja mill-ħsieb li huwa biss x’inhuwa kapaċi jipproduċi l-bniedem li jgħodd.  Huwa qiegħed jidħol f’kuntest ta’ soċjetà li tarah bħala għodda biex jitkabbar il-ġid ta’ ħaddieħor.  Qiegħed għas-servizz ekonomiku ta’ min għandu l-bżonn, fejn il-bżonnijiet tiegħu mhumiex ikkunsidrati.

Is-suq tax-xogħol

4.     Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Adrian Delia, sewwa qiegħed iressaq l-argument, li dan il-Gvern preżenti għandu parti sew mill-politika ekonomika stramba tiegħu, li jara li aktar ħaddiema barranin iżidu fil-ġid ekonomiku ta’ wħud.  Fil-Kamra tad-Deputati kien hemm min ipprova jirredikola dan.  B’argumenti li ma jistgħux jitqabblu.  Imma dan seħħ għax hemm il-fatti li qed jiżviluppaw li l-Gvern ma jridx jaffronta, u jrid biss jaħrab.  Dan għax huwa magħruf li hawn iktar ħaddiema milli għandna bżonn.  It-tieni, hawn numru sew ta’ dawn il-bnedmin li mhumiex reġistrati skont il-liġi u qegħdin jiġu sfruttati.  It-tielet, għandek tkasbir tad-dinjità tagħhom, proprju għax ħadd ma ħaseb mill-bidu fejn u kif ser jgġixu fis-soċjetà żgħira tagħna, u dan qiegħed iwassalhom jgħixu f’kundizzjonijiet ekonomiċi li m’għandhomx.

Aristotli

5.     Tul din il-ġimgħa, ġie quddiemi dan il-filosfu Grieg.  Il-kunċett tal-iskjavitù u l-importanza tiegħu għas-soċjetà Griega, u iktar tard Rumana wieħed jifhmu, u ma jistax jaqbel miegħu.  Imma llum il-ġurnata, huwa evidenti li dħalna fl-istess mentalità fil-fatti tal-ħajja.  Fil-fatt, mhux miktub fil-liġi.  Imma dak li qiegħed jiġri jgħarrafna li fuq il-pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol xejn tajba mogħtija lilhom, hawn sfruttament viċin x’kien jaħseb Aristoti.  Dan qiegħed jassigura li l-pajjiż tagħna jibqa’ jiġbed ċerti nvestituri jew iżommhom hawn għax il-pagi tal-ħaddiema ma jiċċaqilqux.  Punt li, fl-istrateġija ekonomika tal-Gvern ma jistax jiġi abbandunat, għax inkella taqa’ l-istruttura kollha kemm hija.

L-argument il-kontra

6.     Tant għandu raġun il-Kap tal-Oppożizzjoni fuq dan, li ħadd min-naħa tal-Gvern m’huwa lest li jibdel il-politika ekonomika tiegħu.  Proprju għax aħna verament dipendenti fuq dan il-kunċett li bih ‘il-bniedem ġibnieh kważi totalment għas-servizz tal-ekonomija, li ħadd ma jrid iżomm u jġib lura l-ordni.  Tant ġejna niddependu fuq dawn il-ħaddiema, li issa l-Gvern għandu biża’ li jibdel.  Għandu għarfien li l-ewwel tilef il-kontroll tas-sitwazzjoni għax jaf li s-suq qiegħed isir iktar nieqes minn prinċipji etiċi li jqegħdu ‘l-bniedem fiċ-ċentru; u t-tieni, għax jaf li bidla tfisser li jkun hemm żieda fil-paga tal-ħaddiem.  Xi ftit ekonomija nafu, u nagħrfu fejn ninsabu.

Lura lejn is-sewwa

7.     Proprju għax mhux biss, kif irid jgħidilna, li huwa biss huwa l-Ministru tal-Finanzi li tgħallem it-teoriji ekonomiċi.  Nagħrfu li minkejja d-diskorsi li jsiru fil-mument attwali fil-Parlament, huwa ovvju li għandna bżonn inġibu lura l-ordni.  Mhux b’miżuri drastiċi, imma b’passi li jġibuna lura għall-ordni bl-użu tar-raġuni.  Għandna bżonn figuri ċari u preċiżi f’idejna.  Il-Gvern, illum, tant tilef il-kontroll li ma jafx kemm hawn ħaddiema jew persuni barranin li qed jgħixu f’dawn il-gżejjer.  Tant mhuwiex iktar fl-ordni, li issa abbanduna lilu nnifsu fid-diżordni.  Dak li huwa nuqqas, qiegħed issa jressqha bħala xi forma ta’ virtù ġdida.  Il-Gvern mhux jifhem, u qiegħed jirrifjuta li hemm bżonn ta’ iktar attenzjoni, u jiċħad ir-realtà li hemm xenarju soċjali li qiegħed jitlob iktar żabra intelliġenti.

Mill-bank tal-Oppożizzjoni

8.     Proprju għalhekk li mill-Oppożizzjoni qegħdin nifhmu iktar dan kollu.  Ninfetħu għal djalogu dwaru biex isiru l-passi ekonomiċi t-tajba.  Id-deċiżjonijiet li jwettqu l-ġid komuni u t-tqassim ġust tiegħu.  Proprju għalhekk li bdejna t-triq soda tagħna lejn li jkollna l-ordni fil-pajjiż.

       


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...