16.10.19

Il-prodott tas-sistema




1.     Kull partit fil-poter jidħol fil-libsa ta’ qablu u jibda, mingħajr ma jaf, joħroġ f’waħda differenti.  Illum, wara sitt snin skorruti, il-Gvern preżenti għandu din l-esperjenza li qegħda timmaterjalizza ruħha.  M’għadux iktar fil-pożizzjoni li jwaħħal f’ta’ qabel fuq in-nuqqasijiet tiegħu.  Din l-iskuża politika u konvenjentui issa m’għadhiex tgħodd.  Ir-responsabbiltà hija fuq min għandu l-piż tal-poter.  Id-deċiżjonijiet li ttieħdu minnu u li qegħdin iseħħu preżentement ilkoll akkumulaw u jiffurmaw stampa magħmula minn biċċiet varji.

Hemm għarfien

2.     Hemm għarfien ta’ dan fil-politiċi li għandhom iktar esperjenza fi ħdan il-Partit Laburista.  Tul din il-ġimgħa smajt, partikolarmenmt, lill-Ministru tal-Edukazzjoni u Xogħol, Evarist Bartolo.  Kien hemm diversi riflessjonijiet.  Fosthom l-għarfien ta’ dak li kull gvern jiret fit-tajjeb.  L-għarfien li kull min qiegħed hemm irid jara kif ikompli jmexxi ‘l quddiem billi jirranġa, jipperfezzjona u jbiddel fejn hemm verament bżonn.  Dan sabiex wieħed jimxi iktar ‘il quddiem.  Kliemu kienu żiffa tajba fil-Kamra tad-Deputati.  Għax hemm il-vantaġġ li wieħed jifhem li l-politiċi lkoll, speċjalment dawk li huma ta’ rieda tajba, jridu jmexxu f’direzzjonijiet ċari u ta’ ġid ġenerali, komuni għal kull membru fis-soċjetà.

Distakk

3.     F’dan, ebda politiku li jidħol b’din il-mira ma jieħu gost isib ruħu f’linja differenti fir-responsabbiltà kollettiva li partit u ministeru jġibu.  Preżentement, ilkoll nafu li hemm wisq sistemi li jimmiraw u jwasslu lejn dak li m’għandux jiġi permess.  Hawn wisq rapporti ta’ korruzzjoni, wisq xamma kbira tagħha.  Diversi jaċċettawha.  Jammettuha.  Qegħda hemm bħala kundizzjoni “essenzjali”, jew “garanzija” għat-tkabbir ekonomiku.  F’dan li jerġa’ jikber l-għarfien li hemm l-impossibilità li wieħed jikkumbattiha, jeqridha u jneħħiha.  Nara li hemm rassenjazzjoni interna fl-inkapaċità li wieħed ineħħi dak li huwa żbaljat.  Żbaljat għall-pajjiż, għall-Partit Laburista u għall-wirt tiegħu.

Separazzjoni

4.     Ċertament, l-ispirtu fl-2013 kien kompletament il-kontra.  Anzi, diversi kienu jikkritikawna fuq kemm għandna “korruzzjoni”.  L-ewwel liġi saret proprju bit-tir li dak li kienu qed jissuspettaw jiġi għad-dawl tax-xemx.  Niftakru u nfakkru li llum hemm liġi li tgħid li ma hemmx preskrizzjoni f’każijiet bħal dawn.  L-effett wara dawn is-snin huwa kompletament il-kontra.  Ma nemminx li dan huwa ovvju għalina biss fil-Partit Nazzjonalista, u mhuwiex f’dak Laburista.  Ma nemminx li ma hemm ħadd li qiegħed jiddejjaq jiġi ssikkat u mwaħħal bil-kolla politika ma’ dawk li ma jġibux ruħhom kif għandhom.

Fil-fonti

5.     L-ilma li wieħed jixrob minnu, dak li wieħed iqiegħed fuq moħħu huwa u jidħol fil-knisja, dak li juża kull ġurnata, huwa tajjeb li jinżamm nadif.  Meta dan jitħammeġ u jiddardar, l-effett tiegħu jintilef.  Il-Gvern preżenti jaf li billi ppermetta, u għadu jippermetti atti żbaljati jsiru, mhuwiex iżomm l-ilma kif għandu.  Anzi, tant “drajna” li l-politika u l-ekonomija żbaljata jitħalltu, li hemm ferm inqas opportunità li tbiddel.  L-argument li naraw għaddej huwa bażat fuq il-fatt li jekk ħaddieħor irnexxielu jieħu u jżid fil-but mingħajr konsegwenza, daqshekk ieħor jista’ huwa.  Mhux biss, imma l-pożizzjonijiet interni huma “importanti” mhux tant fir-responsabbiltà, fis-servizz li jġibu, imma li wieħed ikun fejn għandu biex iwettaq dan il-“ħsieb”.

Kibret wisq

6.     Għada nisimgħu d-diskors tal-Ministru tal-Finanzi li, kif nafu, isir fl-isfond ta’ operazzjoni ta’ aljenazzjoni politika.  Dak li jingħad isir sabiex il-pajjiż jibda jaħseb fuq “proġetti” oħra.  Ċertament mhux miżuri ta’ kontroll, imma diversi punti li, kif nafu, mhux dejjem jitwettqu imma jitressqu quddiem il-poplu sabiex idawwar il-ħsieb.  Fi proċess medjatiku determinat, b’bumbardament kbir.  Dan sabiex uħud jibqgħu taħt l-impressjoni li kollox sejjer tajjeb.  Oħrajn jieqfu jaħsbu fuq dak li qegħdin jaraw ħażin.  Imma lkoll nafu li l-verità tibqa’ li tant kibret din il-pjaga li, jingħad x’jingħad temporanjament f’dawn il-jiem, xorta ż-żejt jitla’ lura f’wiċċ l-ilma mdardar.  Hemm ukoll min qiegħed jara sew dak li qiegħed iseħħ.

Mhux għal dan

7.     Diversi persuni li naf, u sirt iktar naf, fl-2013 u fl-2017 ma vvutawx għal dan.  Ma riedux Gvern li jippermetti li l-korruzzjoni tikber u ssir il-mekkaniżmu intern tal-Istat.  Ħafna qegħdin jikkonfrontawha, jsibuha fil-ħajja tagħhom, fil-problemi u fl-intoppi varji.  Il-ħsara li tmexxija ħażina ġġib hija verament kbira.  Ħafna jafu b’dan.  Ħafna oħrajn huma mdejqa mill-fatt li taw il-kunsens politiku tagħhom għal dak li ma kienux jaħsbu li ser iseħħ.  Ħafna daħlu inizjalment f’kompromessi li llum qegħdin jifhmu dejjem iktar li huma żbaljati.  Biss, finalment, ilkoll ser nagħrfu li dan kollu huwa l-prodott finali ta’ din is-sistema politika mill-iktar żbaljata.




No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...