23.10.19

Fid-diffikultà nissudaw.




1.     Ngħixu f’kultura, fi ħsieb soċjali, fejn nippretendu li fil-ħajja, f’dak li nwettqu, dak li jiġi fuqna, kollox irid jiġina tajjeb mill-ewwel.  Ma nippermettux li r-riħ idur kontra tagħna u li l-affarijiet ikunu jidhru li sejrin f’direzzjonijiet opposti għal dak li nkunu daħħalna f’rasna li nwettqu.  Mentri, kif nagħrfu, ir-realtà tal-ħajja tagħna hija mimlija lezzjonijiet.  Kull persuna, kull soċjetà trid tgħaddi minn proċess li minnu, jekk tagħraf timxi, l-avversitajiet ma jkissruhiex, imma jispiċċaw jissudawha.  Trid, iva, paċenzja, sabar, attenzjoni u dożi qawwija ta’ determinazzjoni fil-kurrenti li jiġu għalina.

Hemm min jaqta’ qalbu

2.     F’dan il-proċess, wieħed jiltaqa’ ma’ persuni li jsibu ruħhom iktar lesti li jċedu u ma jkomplux jikkumbattu.  Ħafna, wkoll, mal-inqas kumplikazzjoni, idawru r-rotta.  Ftit huma dawk li jifhmu li hemm bank ta’ prova li jridu jaħdmu fih.  Hemm proċess ta’ eżami kontinwu li l-ħajja toffri, speċjalment f’dik politika.  Dawk li jridu jkunu strumenti ta’ bidla.  Dawk li jridu jagħtu l-ħajja tagħhom biex is-soċjetà tara progress soċjali u ekonomiku veru.  Dawn jagħrfu, biċċa biċċa, li jridu jaqilgħu sew ġewwa fihom, biex jissudaw u jifhmu r-realtà.  Li jridu, f’mumenti, jaraw lilhom jikkonfrontaw ideat f’komunità li trid tiċħadhom.

Mhux ser naħarbu mill-verità

3.     F’dan m’aħniex ser naħarbu mill-verità, mill-fatti, mid-diffikultajiet.  Hemm il-pożizzjonijiet li naraw jiżviluppaw, imma dan ma jfissirx li għandna ma nkomplux fi triqitna.  Dan għax nafu li fl-avversità nissudaw lilna nfusna, ninsannu u nitbasktu għal dak li ġej.  Iktar ma jkun qawwi l-proċess li ngħaddu minnu, iktar il-bnedmin fil-politika jkunu kapaċi jimxu u jmexxu ‘l ħuthom.  Min, fl-oppożizzjoni, jbati fi triqtu, ikun iktar attent għas-soċjetà kollha.  Ikun iktar strument ta’ kull klassi fis-soċjetà.  Ikun dak li mhuwiex parti li taħseb li dak li taħseb hi huwa s-soluzzjoni, mingħajr ma jkollha l-umiltà li tikkonfrontah fil-ħajja tal-bnedmin kollha.

Soluzzjonijiet

4.     Waqt li ħaddieħor jintilef fuq dak li m’għandux.  Waqt li huwa aljenat fuq dak li m’għandux bżonn ħaddieħor għaddej.  Kif nagħrfu, il-Gvern tal-ġurnata mhuwiex iwieġeb għar-realtajiet tal-bnedmin.  Mhuwiex, għax illum tilef mir-rankatura li jibdel fil-ġustizzja soċjali.  It-triq tiegħu biex mill-Oppożizzjoni jidħol fil-poter ma kellhiex il-proċess diffiċli li għaddejji aħna fih.  U proprju iktar, minħabba f’hekk li qiegħed isib li qiegħed jikkrolla internament.  Il-fattur dominanti li jżomm lill-Partit Laburista f’daqqa mhuwiex l-ideal, il-proġett politiku, imma s-sempliċi poter.

Il-bidliet

5.     Anki l-punt ċentrali li ġieb diversi f’daqqa miegħu, f’kelma oħra, is-saħħa tal-Mexxej, tal-Prim Ministru, qegħda biċċa biċċa tmur lura.  Illum hemm għarfien li saru numru ta’ forom ta’ “kompromessi”, uħud fl-“onestà”, oħrajn inqas fl-ideal u fil-kompożizzjoni tal-formazzjoni tal-Moviment li nħoloq.  Kien hemm fatturi varji li ġiebu bnedmin f’daqqa qabel.  Forsi aħna stess, bħala Partit Nazzjonalista, mingħajr ma għarafna dan biżżejjed, ġejna użati sabiex nassiguraw is-suċċess tiegħu.  Biss, ir-realtà hija li l-Partit Laburista qiegħed illum jaħdem, u ngħid li qed jirnexxilu, jidfen il-Moviment.  Qiegħed jieħu lura kontroll ta’ dak li ma kienx.

Proprju għalhekk

6.     Proprju għalhekk li wieħed irid jifhem, iktar u iktar wara l-aħħar diskors tal-Budget, li hemm bidliet li qed iseħħu fix-xenarju politiku.  L-ideat qed jinxfu, u magħhom ukoll il-momentum sabiex isiru l-bidliet importanti.  Hemm, ċertament, iktar piż fuq il-konsolidazzjoni tal-poter.  Proprju għalhekk li aħna rridu nifhmu li r-rilevanza politika tagħna qegħda tikber fil-proposti alternattivi tagħna.  Id-dokument li ġie preparat mill-Partit Nazzjonalista qabel id-diskors tal-Budget kellu f’dan importanza.  Dan għax: l-ewwel, wera biċ-ċar li qegħdin fil-proċess determinanti sabiex nibnu l-programm politiku tagħna; it-tieni, li fih hemm diġà ideat differenti minn tal-Gvern, li huma rilevanti; it-tielet, li hemm ukoll l-opportunità mitlufa li ngħatat lill-Gvern biex japplika wħud minnhom.

Fid-Diskors nieqes mis-sustanza

7.     Minkejja d-diskors nieqes mis-sustanza li ssir minn uħud dwarna, ir-realtà hija li l-Partit Nazzjonalista miexi ‘l quddiem.  Hemm proċess ta’ bidla li għaddej, naturali, neċessarju, li qiegħed isir.  It-triq quddiemna hija ċertament twila.  Forsi hemm ukoll min jaħseb li hija itwal milli hija.  Biss, hemm determinazzjoni u kuraġġ minn diversi minna biex f’dan il-pajjiż ikun hemm il-bidliet.  Ikun hemm pajjiż li jagħti każ tal-ġustizzja soċjali, lil min huwa minn taħt, lil min qiegħed jara li qiegħed wieqaf fis-soċjetà, lil min qiegħed isofri inġustizzji.  Li jkun hemm pajjiż li jieqaf mit-toroq żbaljati li l-korruzzjoni u ħutha jeħduna fihom.

Fil-proċess

8.     Fil-ħin tagħna fl-Oppożizzjoni, dmirna qed inwettquh.  Dak li nippreparaw sabiex ikollna programm politiku li nistgħu napplikaw għal dan il-poplu, li verament jixraqlu ċertament aħjar milli qiegħed jingħata. F’dan, minkejja dak li jistgħu jgħidu fuqna, qegħdin fil-proċess sabiex inbiddlu għas-sewwa lil dan il-pajjiż.  Għax għaddejna, u għaddejjin minn diffikultajiet varji li naraw dejjem iktar li qed nissudaw fil-ħidma u fil-proposti tagħna.  Aktar ma niġu mbaskta, bħal ma ġew ta’ qabilna, aktar ser inkunu kapaċi biex inwettqu l-intenzjonijiet tagħna għal ħutna f’dawn il-gżejjer.




No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...