8.10.19

Biex nibqgħu niftakru




1.      Wieħed mis-suċċessi f’ħidmet il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni kien dak li jibgħat barra li dak kollu li kien qiegħed isir mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien ħażin.  Kien hemm kampanja attenta, kontinwa u persważiva, bażata fuq il-perċezzjoni, ċertament, mhux fuq il-fatti.  Mhux biss, imma f’dan kien hemm ukoll l-assistenza ta’ min kien jarana b’saħħitna wisq, u ried li jkun hemm bidla.  Bidla, tiġi kif tiġi, f’ħidmet il-Gvern.  L-aqwa argument kien li wieħed jibdel.  Dan il-messaġġ kompla jiġi nfurzat kif kien hemm Gvern Laburista.  Bil-linja li suppost li aħna, f’ħamsa u għoxrin sena, m’għamilna xejn.

Il-propaganda tibqa’ dik li hi

2.      Il-partit fil-Gvern, bħalissa għandu rabta kbira mal-użu tal-propaganda.  Biss, anki jekk effettiva f’dik li hi, ma tibdilx in-natura tagħha.  Propaganda kienet, u hekk tibqa’.  Jista’ jkun hemm min jagħtiha piż ta’ fatt, imma fil-ħajja hija biss illużjoni temporanja.  Duħħan politiku li biċċa biċċa, maż-żmien, jitlaq u jisparixxi.  F’dan, ċertament, li ż-żmien jagħti ħafna pariri.  Forsi għal xi raġuni, aħna wkoll inġbidna lura u bdejna nemmnu li dak li qiegħed jingħad huwa minnu.  Imma, kif qed naraw, il-pożizzjoni qegħda tinbidel.  Hemm l-għarfien li, jekk irridu nimxu, għandna naċċettaw mhux biss dak li m’għamilniex kif xtaqna jew kellna, imma wkoll dak li wettaqna tajjeb ħafna.

Proċess ta’ bidla

3.      Ċertament, deħlin iktar fi proċess fl-għarfien li issa li għaddew diġà sitt snin skorruti tal-istess diska, hemm bidliet li jridu jsiru.  Il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni kkonċentra ferm iktar kif jidħol fil-poter milli f’dak li ser iwettaq meta huwa hemm.  L-aġenda politika, fil-fatt, tidher li qegħda tmur lura.  Dak li kellu jsir, diġà sar.  Qegħdin, għalhekk, isiru għażliet li ngħid li huma “tal-mument”, mhux definiti f’kunċett sħiħ.  Mhux biss, imma n-nuqqas ta’ politika maħsuba qed iġġib lill-Gvern Laburista fid-diffikultà biex jaffronta u jsib soluzzjonijiet għall-problemi soċjali.  Il-kwistjoni ta’ bnedmin li qed jgħixu f’pożizzjoni li neżlin fis-soċjetà, l-ewwel.  It-tieni, magħha, dik tal-kirjiet, li huma bla ebda kontroll jew direzzjoni loġika.  It-tielet: żieda fl-ispiża ta’ kuljum mingħajr miżuri fit-tul biex taħseb fihom b’għaqal u intelliġenza.

Unjoni Ewropea

4.      F’dan hemm il-punt dwar l-Unjoni Ewropea.  Infakkar, biex ma ninsewx, li f’dawn il-jiem, għoxrin sena ilu pajjiżna, taħt amministrazzjoni ġdida Nazzjonalista, kien ħa ħsieb japplika mill-ġdid sabiex pajjiżna jsir membru sħiħ tal-Unjoni.  Mertu tal-mibki Prof. Guido de Marco, fi ftit jiem wara l-elezzjoni ta’ Settembru 1998, fl-14-il jum kien mar biex il-proċess Ewropew tagħna jitlaq mill-ġdid.  Saru deċiżjonijiet politiċi eċċellenti, li sarrfu ġid kbir għalina.  Viżjoni ċara fil-kuntest ta’ dak li kien sar fi tnejn u għoxrin xahar ta’ Gvern Laburista.  Wieħed li ġieb il-bżonn li jinqaleb kollox sabiex inkunu nistgħu naqbdu triq għall-ġid komuni.  

L-għarfien

5.      F’dawn il-jiem li qed jgħaddu minn fuq dan il-Gvern Laburista, minnhom qed jidher li mhuwiex verament konvint mill-Unjoni, u dak li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern iddeċieda.  Minħabba l-pożizzjoni li ttieħdet fil-passat fi ħdan il-linja ġenerali, huwa evidenti li ġiet aċċettata, għax hekk “hemm bżonn”, u mhux għax hekk nemmnu – li hija verament tajba għal pajjjiżna.  L-istess fuq dan jgħodd għal ħidmet Gvern Nazzjonalsita taħt Dr Eddie Fenech Adami.  Għalkemm sar tifħir, tixbih u teħid ta’ forom ta’ metodoloġija politika tiegħu, tant kien hemm attakk dispreġġjattiv fil-konfront tiegħu li hemm l-istess sitwazzjoni.  Aċċettazzjoni mingħajr konvinzjoni.

Inħarsu lura biex nimxu ‘l quddiem

6.      F’dan, għalhekk, irid jingħad li għandna nifhmu li l-Partit Nazzjonalista, tul iż-żmien li kien fil-poter ifforma u kkondizzjona ħafna l-pożizzjonijiet politiċi.  Mertu tad-diversi passi tajba li ħa.  Mertu l-iktar ukoll li dawn kienu parti minn programm fit-tul: ħafna passi kienu qed jidħlu biċċa biċċa f’daqqa.  Kien hemm viżjoni f’dak li kien hemm bżonn li jsir.  Kien hemm ukoll attenzjoni biex dak li kien qiegħed jinqala’ minn mument għall-ieħor, għalkemm konfrontat, ma jneħħix mill-proġett li fassalna.  Fir-realtà, meta wieħed jaqra d-dokumenti politiċi li kienu ġew preparati waqt li l-Partit Nazzjonalista kien fl-Oppożizzjoni, wieħed jifhem li għalkemm kienu ċertament ambizzjużi, fiż-żmien servew bħala gwida u direzzjoni kontinwa.  Daħlu pass pass ‘il quddiem.

Infakkru ftit iktar

7.      F’dan, f’ġimgħa qabel niċċelebraw il-festi tal-Indipendenza, għandna nirrealizzaw ċerti punti pożittivi u determinanti.  L-ewwel: huwa tajjeb li nfakkru lilna nfusna u lill-poplu b’dak li wettaqna tajjeb, mingħajr inċens żejjed.  It-tieni: għandna nanalizzaw fil-fond dak li sar, biex nifhmu l-effetti pożittivi u negattivi li kellhom fis-soċjetà.  It-tielet: għandna nikkonfrontawhom ma’ dak li qiegħed jiġri bħalissa.  Ir-raba’: li fuq dan għandna d-dmir li nibnu l-programm politiku tagħna minn issa.  Il-Partit Nazzjonalista jfakkar snin ta’ ħidma tajba f’isem il-poplu.  Biss, għandu iktar responsabbiltà li jħares kif jista’, fis-snin li ġejjin, iġib lura s-sens komun u ordni soċjali aħjar, bażati fuq il-ġustizzja soċjali.  Fuq kollox, irridu nibnu viżjoni poliika li tmexxi lejn il-futur li ġej għalina.



No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...