21.3.17

Dun Mario Agius.


 
1.      It-tessut soċjali tagħna huwa mimli b’persuni tal-affari tagħhom.  Bnedmin li jidhru qed jgħixu fid-dell, ‘il-bgħid mill-paġni tal-gazzetti jew tal-mezzi tal-aħbarijiet.  Nies li jaħdmu għas-sewwa fis-silenzju bieżel.  Ta’ dawk li minn qabel sbieħ il-jum sal-aħħar raġġi tad-dawl ikunu għaddejjin.  Mimlija u mitlufa fl-attività speċifika, ċara u motivata tagħhom.  Is-soċjetà tagħna hija mimlija b’ċittadini bħal dawn li naraw, inkellmu u ħafna drabi nirrealizzaw il-piż sħiħ tagħhom meta jiġu msejħa lura lejn il-Ħallieq tagħna.

2.      Għandi fiduċja f’dawn il-Maltin u Għawdxin.  Nemmen li fuqhom tiddependi s-soċjetà fil-progress u l-avvanz veru tagħha.  Proprju għax huma kapaċi jagħrblu u jifhmu l-polz u s-sinjali taż-żminijiet.  Jitħalltu, jitkellmu, jgħaddu kelma tajba, u fl-istess ħin mimlija fl-abbiltà li jinqatgħu, jirriflettu u jaqraw.  Nifhem li, għal ħafna fis-soċjetà, dawn il-persuni jiġu njorati.  Ma jagħmlux dak il-ħoss.  Ma jiskandalizzawx, anqas jisparlaw, jew jispiċċaw fil-parti żbaljata tal-mezzi tal-informazzjoni.  Biss, il-ħajja tagħhom tibqa’ waħda dedikata assidwament għall-ġid tal-proxxmu.  Is-saħħa fiżika, il-konċentrazzjoni tal-ħin, il-ġid materjali huma kollha mmirati u ffukati għal dawk li għandhom bżonn, ġejjin minn fejn ġejjin.

3.      It-Tlieta, 14 ta’ Frar, waqt l-aħħar tislima mill-iktar dinjituża fuq din l-art, ma ġieni ebda dubju li Dun Mario Agius kien wieħed minn dawn il-bnedmin.  Saċerdot esternament normali, li però kif issir tafu tinduna li huwa wieħed straordinarju.  Kelli x-xorti li nsir nafu tajjeb tul dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena.  Diversi drabi kien ikun il-gwida spiritwali tiegħi, li San Franġisk de Sales kien tant jirrakkomanda.  Taħtu għaddejt minn kitba għal kitba ta’ bnedmin kbar.  Tereża d’Avila, Alfons Maria De Liguori, Ġwanni tas-Salib kienu fosthom.  Kien jispjegahom, u fl-istess ħin imexxik fejn tkun weħilt.

4.      Kien minjiera ta’ informazzjoni u preparazzjoni.  B’imħabba partikolari għal Romano Guardini, li kien għaddieli fil-ktieb tiegħu “The Lord”.  Niftakru jispjega, fuq programm tal-RTK, kif influwenzah.  Kellu wkoll imħabba lejn diversi kittieba li nfluwenzaw it-tkabbir u l-iżvilupp tad-demokrazija kristjana, minn Don Luigi Sturzo għal Aldo Moro.  Niftakru jitkellem b’passjoni dwar San Nikola minn Flue, qaddis svizzeru, patrun tal-istess pajjiż li għex bejn l-1417 sal-21 ta’ Marzu 1487.  Karattru li ma kontx naf u li huwa kien jiddeskrivih bħala l-ewwel demokratiku kristjan.  Ma kienx ikun hemm argument li ma segwiex u ma qarax dwaru.

5.      Dejjem jilqgħek bi tbissima.  Jispjegalek bi ħlewwa, però dirett lejn il-punt.  Kien mimli esperjenza.  Tbaskat personalment.  Kien determinat fil-missjoni tiegħu.  Ried u sar saċerdot.  Ma kellux dubju f’dan, imma ċertezza qawwija li kien jittrasmetti lil dawk li jmissu miegħu.  Ma kienx joqgħod lura jew jaħrab minn dmiru.  Dedikat assidwament għall-opri ta’ ħniena lejn il-proxxmu.  Kien assista diversi fit-tbatijiet varji li l-ħajja tgħaddi lill-bnedmin minnhom.  Huwa wkoll kien jassigura li m’huwiex maqtugħ jew igawdi minn xi lussu.  Id-dar li kellu fi Triq Mater Boni Consiglii kienet tixhed dan.  Awstera qisha parti minn monasteru.  Karozza me kellux, però kont issibu kullimkine.  Jimxi mill-Parroċċa ta’ Raħal Ġdid fl-irkejjen kollha tagħha, sa dik ta’ San Lawrenz fil-Birgu, jew iżur il-morda fl-isptar bil-pass, jikkumbatti l-elementi u l-istaġuni.

6.      Għadda minn mard varju u operazzjonijiet.  Biss, appena kien jiġi ftit f’tiegħu, tarah lura għall-ħidma preparattiva diretta lejn l-eternità.  Kellu kaxxa kbira ta’ paċenzja, determinazzjoni u perseveranza.  Niftakru f’dan fis-servizz li kien jagħti sija Raħal Ġdid, il-Birgu jew tal-ħdax f’Santa Barbara, il-Belt.  Kemm-il darba kont immur nisma’ l-quddies li kont inkun naf li kien ser ikun huwa li jqaddes.  Kien ikun miġbur, mingħajr distrazzjonijiet.  Kollox kien isir b’imħabba.  Proprju għalhekk li kien jiġi aċċettat malajr, imur fejn imur.  Isir ħabib u jiġi apprezat bħala tali minn diversi familjiu bnedmin.

7.      Is-soċjetà tagħha hija fortunatament mimlija b’esperjenzi pożittivi ta’ bnedmin li ssagrifikaw lilhom infushom għall-oħrajn.  Persuni li tista’ tiddependi minnhom.  Dawk li trawmu u servew taħt il-gwida tal-Knisja Kattolika sabiex ikunu gwida u dawl għall-oħrajn li jridu jsegwuhom.  Bnedmin li jħallu warajhom memorji fl-oħrajn, mimlija b’tagħlimiet u gwida għall-ħajja tagħhom.  Proprju għalhekk li Dun Mario Agius kien, u ser jibqa’ fostna, għad-dispożizzjoni tagħna.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...