25.3.17

Il-parir ta’ Lucius Annaeus Seneca  




1.     Il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna ħallewlna minjiera ta’ għerf u informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħna.  Esperjenzi umani varji, marbuta ma’ riflessjonijiet miġbura f’kotba li fis-soċjetà tagħna hawn min jinjora l-eżistenza tagħhom, jew jaħseb żbaljatament li m’għandhomx rilevanza għalih.  Biss din il-kitba, fortunatament għall-umanità, nagħmlu x’nagħmlu hemm qegħda – miktuba u miġbura.  Nistgħu, għalhekk, naqrawha, nieħdu lezzjoni minnha, inkella żbaljatament inħalluha fejn hija.

2.     Is-soċjetà tagħna għandha, ma hemmx dubju, il-problemi partikolari tagħha.  Dawk li jqumu direttament minħabba l-kurrenti l-ġodda, li minn żmien għal żmien naraw.  Biss, il-maġġoranza ta’ dak li niltaqgħu miegħu huma kwistjonijiet, sitwazzjonijiet umani li ilhom ġejjin is-sekli.  Imissuhom bnedmin qabilna u warajna.  Jitfaċċaw taħt forma jew oħra, imma hemm jibqgħu.  Imissu mal-bniedem u jqegħduh għall-eżami u l-prova.  Provi li minnhom joħroġ jew l-aħjar, inkella l-agħar tal-bniedem.  Sitwazzjonijiet li huma, f’ħafna sens komuni, li mhux ser issibhom diskussi, anzi aċċettati passivament jew injorati fil-qiegħ tas-soċjetà.

3.     Waħda minn dawn hija r-rabja, li diversi fis-soċjetà jġorru magħhom.  Dak l-istat jew istantanju jew, kif qed naraw, li għalkemm jista’ jimmanifesta ruħu dak il-mument, fil-verità jkun ilu jinġarr u jinġema’ fil-qalb u fil-moħħ ta’ dak li jkun.  F’din is-soċjetà fejn iktar bnedmin qed jinqatgħu għal rashom.  Fejn inqas persuni qegħdin jinġabru f’attivitajiet komunitarji.  Inqas imorru għall-quddies u inqas joħorġu.  Meta l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja hija dejjem iktar individwalista, distakkata u s-solidarjetà hija għalihom ‘il-bgħid u apparentement mingħajr bżonn għalihom, din il-problema hija iktar magħna.

4.     Ir-raġunijiet għar-rabja li hawn fis-soċjetà preżenti huma varji.  Ir-realtà hija li teżisti, minkejja li ma nagħtux wisq kasha, jew nagħtuha attenzjoni.  Tmissna jew direttament meta nsibu ruħna mkaxkra minn passjonijiet, furji instantanji li jiġu fuqna, jew inkella fuq ħaddieħor lejna, u għalhekk indirettament.  F’dan il-każ insibu ruħna suġġetti għall-għajjat ta’ ħaddieħor, inkella naraw jew nisimugħa manifestata fuq ħaddieħor.

5.     Rari nitkellmu dwar din il-problema soċjali qawwija, salv meta tiġi rappurtata.  Meta f’xi każ ta’ xi delitt li jitwieled minn nuqqas tal-kontroll u telf evidenti tal-kalma.  It-toroq tagħna, diversi drabi huma xeni ta’ dak li llum jissejjaħ ‘road rage’.  Il-post fejn in-nervożiżmu kiber.  Ħadd ma huwa lest li jistenna.  Id-daqq tal-ħornijiet kiber.  Is-sinjali bl-idejn, xejn kumplimentużi, żdiedu.  Ftit jistgħu jitkellmu, u ftit iktar jissugraw jieħdu r-raġun bil-kelma t-tajba.  Ħafna jifhmu li din is-soċjetà qisha trid tiżvoga, tinfexx f’dan l-aġir tesprimi ruħha mingħajr ma taf x’qed tesprimi.  Tant tiġma ġewwa fiha li mhix tirreaġixxi għal sitwazzjoni temporanja, imma għal kumulu li ġej mill-esperjenza preżenti tagħha.

6.     Sekli ilu, bniedem bħalna mwieled fi Spanja, Lucius Annaeus Seneca, kien osserva dan fil-bnedmin ta’ żmienu, u kiteb trattat bl-isem ta’ De Ira.  Fuq ir-rabja.  Ktieb maqsum fi tlett partijiet, dedikat għal ħuh Novatus.  Wieħed li huwa kkunsidrat bħala fost l-iktar elokwenti u brillanti.  Hemm issir diskussjoni fuq ir-raġunijiet għal wieħed jitlef rasu u, fuq kollox, jekk hemmx xi forma ta’ benefiċċju għal dak li jkun jew għas-soċjetà.
7.     Minn din il-kitba ċara, il-messaġġ huwa li r-rabja ma għandha ebda forma ta’ valur jew virtù.  Jgħid: “There is nothing useful in anger”.  Tant huwa ċar li anqas jekk wieħed irid għall-akbar battalja: “Anger is useless, even in battle on in war.  With its wish to bring others into danger, it lowers its own guard.  The surest courage is to look around long and hard, to govern one self, to move slowly and deliberately forward”.

8.     Aktar ma taqrah, aktar jikkonvinċik: l-ewwel, kemm ir-rabja hija fiha nfisha żbaljata, m’għandhiex ġustifikazzjoni umana għax effetti ħżiena joħorġu minnha; it-tieni, kemm ikun iktar soċjalment utli għas-soċjetà li tagħraf taffronta u tgħin biex tneħħiha.  Lezzjonijiet mill-passat li però huma rimedji għall-preżent.  Nagħmlu tajjeb li nfittxuhom u neħduhom.



No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...