23.3.17

Għadhom mhux eradikati


 
1.      L-Ewropa, tul din il-ġimgħa ħadet nifs twil ta’ mistrieħ appena ħarġu r-riżultati tal-elezzjoni ġenerali fl-Olanda.  Dak li diversi ħasbu li ser jiġri ma seħħx.  Il-partit tal-lemin estrem, għalkemm żied, però baqa’ ma sarx l-ewwel wieħed.  Inbidlu saħħet il-partiti għax uħud kibru ftit, bħad-demokristjani, oħrajn naqsu, speċjalment il-Partit Laburista olandiż.  Ser ikun iktar ikkumplikat u diffiċli li wieħed jibni maġġoranza.  Hemm prezz li jitħallas f’dak il-pajjiż, minħabba n-numru kbir ta’ partiti li, flok jassiguraw stabbiltà, drabi jkunu fattur ta’ kumplikazzjoni.  Stat ta’ affarijiet li sa issa għadna ma lħaqniex f’dawn il-gżejjer.

Opportunità unika

2.      Sa issa għadna nżommu sistema ta’ żewġ partiti fejn huwa ferm iktar ċar min huwa fil-Gvern u min fl-Oppożizzjoni.  Inżamm fil-passat bilanċ bejn iż-żewġ naħat, ħafna drabi marbuta b’differenzi xejn qawwija minn siġġu wieħed sa ħamsa.  Biss, erba’ snin ilu r-riżultat kien barra mis-soltu, b’vantaġġ ta’ disa’ siġġijiet.  Ir-reazzjonijiet varji fi ħdan il-poplu wasslu sabiex għandna Gvern b’maġġoranza assoluta verament kbira.  Tmienja u erbgħin xahar ilu din kienet opportunità u okkażjoni unika li biha setgħu nbidlu diveri problemi li ilna nbatu biex jitneħħew.  Illum ir-riżultat huwa kompletament il-kontra, fejn l-agħar ċertifikat huwa dak marbut mal-korruzzjoni.

Pożizzjoni skomda

3.      Tant dan huwa minnu, li bħalissa hemm sforz qawwi minn naħa tal-magna propagandistika tal-Gvern biex tikkonvinċi l-kontra.  F’kull mezz, b’mod partikolari fuq twitter insibu kemm suppost sar taħt il-“First 4 years”.  Il-vantaġġ ta’ dan l-istrument huwa li kollox isir fil-qosor.  L-iżvantaġġ huwa li min jaqra biss it-titoli jispiċċa jifhem il-kontra ta’ dak li qiegħed fil-fatt iseħħ fir-realtà ta’ kull ġurnata.  Ma hemmx bżonn spjegazzjoni; hemm biss lok għal dikjarazzjonijiet.  Pożizzjoni komda, speċjalment għal min ma għandux sustanza politika u min irid jaħrab minn dibattitu veru.  Pożizzjoni li diversi mexxejja populisti, kif qed naraw, qed isibuhom komdi fiha.  Jgħidu ħaġa mingħajr ma konvenjentement jispjegaw xi tfisser.

Għadu fil-proċess

4.      Hemm f’dan ix-xenarju tas-suppost “suċċess” politiku min qiegħed jitħajjar iktar u jaqbad toroq li m’għandux.  Jiġu ttantati f’direzzjonijiet li m’humiex proprju indikativi għalihom.  L-agħar meta dawk li huma fil-mestier tal-ġurnaliżmu, flok jinfluwenzaw fit-tradizzjoni b’saħħitha tagħhom li jispjegaw, jinġibdu huma wkoll.  Imorru, kif rajna, f’dikjarazzjonijiet li m’humiex minnhom, li minflok iġibu kunsens jispiċċaw iġibu reazzjonijiet.  Dan kien iktar evidenti f’din il-ġimgħa meta l-Orizzont tal-Erbgħa fetħet bit-titolu: “Il-prekarjat eradikat grazzi għall-GWU”.  Kliem li suppost li qal is-Segretarju Ġenerali tagħha meta fil-fatt ingħad fil-verità, skont l-istess Josef Bugeja li l-prekarjat f’pajjiżna għadu qed jipprova jiġi eradikat.  Għadu, anzi, fil-proċess twil biex iseħħ.




Irnexxilu jissoda

5.      Dan huwa ferm iktar korrett mal-verità.  Il-prekarjat f’pajjiżna ma spiċċax, u ppermettuli, m’huwiex ser jiġi eradikat.  Anzi, għadu magħna u rnexxielu, sfortunatament jissoda f’pożizzjonijiet ġodda li qabel ma kellniex.  Il-figuri ta’ ħaddiema jaħdmu part-time jitkellmu waħedhom.  Ma niżlux; anzi, żdiedu.  L-istess dawk li għandhom part-time flimkien ma’ full-time għax ma jlaħħqux.  L-istess dawk li għandhom żewġ impjiegi part-time.  Biex ma nsemmux il-pożizzjoni ta’ dawk is-600 ħaddiem marbuta fi skema mmexxija mill-istess GWU, li m’għandhomx union taqbeż għalihom u minflok għandhom il-paga iktar baxxa.  L-istatistika titkellem waħedha u turi li għadna ferm u ferm lura milli neradikaw il-prekarjat.

Erba’ snin moħlija

6.      Dan sfortunatament għax ċert li diversi kienu jippreferu jaqraw u jqisu bħala verità li l-prekarjat huwa distrutt.  Dan iktar u iktar meta huwa ċar li l-għedewwa prinċipali għall-prekarjat huma mmexxija minn letarja f’żewġ direzzjonijiet: l-ewwel, in-nuqqas ta’ ideat; u t-tieni, il-kuntrast għall-preżenza u l-effetti tal-korruzzjoni.  Bil-maġġoranza parlamentari preżenti, il-Gvern kellu f’dawn l-erba’ snin okkażjoni unika li jikkumbatti u jsib soluzzjonijiet li nafu li ma sabx.  Mhux biss, imma kellu flus għad-dispożizzjoni tiegħu kemm ried.  Flok investihom fil-libertà tal-klassi tal-ħaddiem, ħlihom f’uħud li m’għandhom x’jaqsmu xejn magħha.  Il-kuntratti skandalużi u żbaljati mogħtija f’donazzjonijiet bla sens għamlu wisq ħsara.  Flok eradikaw, kattru iktar il-prekarjat.

Festa ta’ San Ġużepp

7.      Il-klassi tal-ħaddiem illum tinnota, minn dak li qiegħednara, dak li għaddej mingħajr ħafna kummenti jew tlablib bla sens.  Tagħraf li min tkellem b’ħafna xellug fl-Oppożizzjoni, issa qiegħed jaġixxi bil-lemin.  Jagħti lil min għandu iktar milli huwa ġust, proprju għax ir-rent seeking huwa fl-aħjar tiegħu magħna.  Sab li l-partit tal-ikbar maġġoranza spiċċa flok huwa kif ippretenda li jkun l-aqwa difensur tiegħu – dak li huwa identifikat bħala l-aktar marbut mal-korruzzjoni.  Punti ta’ riflessjoni importanti, iktar u iktar illum li niċċelebraw bil-ferħ il-festa ta’ missierna San Ġużepp.  Il-bniedem qaddis li ħadem fis-silenzju ħajtu kollha għas-sewwa tal-proxxmu  Dak li jagħti eżempju lil dawk li jridu jaħdmu favur id-dinjità tal-bniedem kontra dak li għadu mhux eradikat – il-prekarjat u l-korruzzjoni.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...