25.3.17

Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni




1.     F’kull pajjiż, f’kull poplu, wieħed isib taħlit fih bejn dawk li jimmiraw li jwettqu s-sewwa, u dawk li jaqgħu għat-tentazzjonijiet li jeħduhom ‘il-bgħid mit-tajjeb.  Soċjetà demokratika, bħal tagħna, trid tiggarantixxi liċ-ċittadini tagħha li jkun hemm sistemi, istituzzjonijiet li jassiguraw li jħajru lejn is-sewwa u jċanfru lil dawk li jmorru ‘l kontra.  F’dawn is-snin li ilna Stat Indipendenti u repubblikan bnejna diversi mekkaniżmi li jipproteġu u jħarsu sabiex is-sewwa ma jonqosx.



2.     Illum nagħrfu li għandna l-Qrati, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u l-Uffiċċju tal-Ombudsman li huma preżenti u attivi f’din il-linja ta’ ħidma.  Nagħrfu u nirrikonoxxu li mertu tagħhom, is-soċjetà tagħna hija aħjar.  Proprju għax il-gvernijiet u l-amministrazzjoni huma magħmula mill-bnedmin u mhux mill-anġli li hemm bżonn dawn l-għassiesa.  Ikun żball għal kull soċjetà li ma tarax li jkollha din is-sistema difensiva, ħajja u attiva.



3.     Fost dawn id-diversi organi demokratiċi għandna għad-dispożizzjoni tagħna l-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.  Din il-Kummissjoni, li llum ilha taħdem għal kważi tletin sena, rat u eżaminat diversi rapporti li tressqulha quddiemha.  Kull sena tal-ħidma tagħha rnexxielha tkun sorveljant tas-sewwa.  Irnexxielha tkun parti mit-tastieri varji li għandna sabiex nikkumbattu atti ta’ korruzzjoni.  Atti li f’kull soċjetà, f’kull żmien, wieħed jarahom jerġgħu jfeġġu.



4.     Daqqa jkunu ċari u flagranti, drabi oħra le; imma hemm jibqgħu u jridu jiġu kkontrollati, eżaminati u, jekk eżistenti, attakkati.  Kull att ta’ korruzzjoni huwa ħsara lit-tessut demokratiku tagħna.  Kull wieħed huwa tnaqqis mill-ekonomija t-tajba, u pass lejn dik moħbija u sewda.  Il-korruzzjoni materjali u morali ċċekken poplu u pajjiż.  Il-ġlieda u l-kontroll tagħha jgħollu u jġibu l-istima barra minn xtutna.



5.     Din l-attività legali kontra l-korruzzjoni saret u għadha qegħda ssir tajjeb ħafna minn din il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.  Biss, hija ħidma li ma tantx hija magħrufa; anzi proprju għax kien hemm żbaljatament attakki varji kontra tagħha, ingħatat immaġini negattiva.  Mentri, kif nafu tajjeb aħna li nsegwu dak li huwa għaddej, il-ħidma silenzjuża u kostanti tagħha għamlet il-ġid.



6.     Proprju fuq dan, fis-7 ta’ Frar 2017 dehret ittra spjegattiva u interessanti fit-Times of Malta.  Fiha, l-Imħallef Emeritu Albert Manchè, li flimkien ma’ żewġ membri oħra mexxa din il-Kummissjoni b’serjetà għal ħmistax-il sena, jispjega kemm każijiet ġew imressqa u skrutinati.  F’dan iż-żmien ġew quddiemha 227 każ, li minnhom f’171 instab li ma kienx hemm każ jew prova ta’ korruzzjoni, u f’56 saru rapporti li ntbagħtu lill-Ministru tal-Ġustizzja u li tqegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra għad-dispożizzjoni u kunsiderazzjoni tal-poplu.



7.     Azzjoni ttieħdet u passi seħħew.  Il-Kummissjoni demokratika ħadmet, u fuq l-eżempju tajjeb tagħha llum, b’membri differenti, l-istess skrutinju qiegħed ikompli jsir bl-istess reqqa u attenzjoni.  Fil-fatt fil-ġimgħa li għaddiet il-Parlament tagħna ddiskuta, proprju fuq  mozzjoni tal-Ministru tal-Ġustizzja, wieħed minn dawn ir-rapporti.  Eżerċizzju demokratiku li huwa neċessarju, iktar u iktar f’dan il-perjodu partikolari tal-istorja tagħna fejn qed nisimgħu u naraw b’ferm iktar atti ta’ korruzzjoni milli kellna.



8.     Fortunatament, il-pajjiż tagħna mexa u għandu biex jiddefendi ruħu mill-korruzzjoni.  Proprju għalhekk li rridu nassiguraw li dawn l-istituzzjonijiet jibqgħu jaħdmu, jservu u jħajru iktar nies jersqu lejhom biex is-sewwa ma tonqosx u l-ħażin jiġu kuntrastat fl-għeruq u x-xniexel tiegħu.








No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...