1.3.17

Il-Kaos Persistenti




1.     Hawn proċess ta’ konfużjoni li qed jikber fis-soċjetà tagħna – wieħed li ma jistax jinstab tarf tiegħu, fejn kontinwament l-argumenti jinġiebu ta’ taħt fuq.  Dak li huwa sewwa jiġi attakkat bħala li m’huwiex ta’ ġid, u dak li huwa żbaljat, imfaħħar u ttollerat.  Qbadna triq li, flok qegħda trendi l-frott, qed tnibbet il-ħsara.  Diversi fil-pajjiż jitkellmu u jiddikjaraw li, minflok qed insegwu l-ordni, qegħdin nippersistu fid-diżordni permanenti.  Dak li soltu jkun temporanju, li kif għallmu l-Griegi mill-kaos jiġi wara l-ordni, m’huwiex qiegħed iseħħ.  Qegħdin nippersistu f’koma kaotika.  Taħwid li qed iġib tgerfix ieħor u m’aħniex nifhmu kemm dan qiegħed jinfirex f’kull parti tas-soċjetà tagħna.



Promotur tad-diżordni



2.     Ħadd m’huwa jippretendi li għandu jkollna soċjetà li kollox ikun taħt il-kontroll assolut tal-Istat.  Biss, ħafna jippretendu li l-Istat għandu jassigura li jkun hemm: l-ewwel, tqassim ġust tal-ġid komuni, u t-tieni, li ma jkunx hemm diżugwaljanzi.  Dawn huma regolit a’ ordni li min irid iwettaq is-sewwa fis-soċjetà għandu jsegwi.  Min imexxina f’dan il-poplu nippretendu li għandu jieħu ħsieb li l-klassijiet kollha, b’mod speċjali min huwa minn taħt, jimxi ‘l quddiem.  Isegwi proċess ta’ ġustizzja u distribuzzjoni ugwali, mhux il-kontra.  Imma llum fil-konfużjoni li għandna qed naraw minflok li l-Gvern, li jrid ikun difensur tal-ordni, huwa minflok il-promotur tad-diżordni.



Diżugwaljanza multiplikata



3.     Mill-istess id, mill-istess moħħ, mill-istess proċess għandna numru ta’ persuni magħżula, privileġġjati, tal-qalba nett li qed jingħataw, b’deċiżjoni tal-Istat u mhux tas-suq, kuntratti ta’ xogħol qawwija.  Mentri oħrajn, biex ma jibqgħux jidhru fuq ir-reġistru tal-impjieg, qed jingħataw salarji medjokri.  Biex ma jkunx hemm min iqajjem il-punt li hawn persuni bla mpjieg adegwat, tneħħew mill-figuri tal-istatistika bħallikieku qegħdin issa jdaħħlu l-‘living wage’.  Fid-diżordni ta’ ideat u prijoritajiet għandek, b’deċiżjoni tal-Gvern preżenti, ħaddiema fl-iskema li qed jitħallsu daqs wieħed u għoxrin (€21)ewro kuljum, mentri għandek il-magħżula tal-kuntratti li qed jiġbru mitejn u disgħin ewro (€290).  Differenza ta’ diżugwaljanza multiplikata għal erbatax-il darba.



Suq tal-kera



4.     Il-kaos jitwieled aktar mill-ħsieb assenti jew diżordinat għax ħaġa ġġib oħra.  Flok għandna Gvern li huwa difensur, u fl-istess ħin protettur kontra l-iżbalji u l-inugwaljanzi li jitwieldu mis-suq, għandna minflok wieħed li qiegħed isir parti mill-konfużjoni li s-suq jaf jipproduċi.  Dan huwa iktar evidenti fil-kirjiet tal-proprjetajiet privati.  Is-suq qiegħed jistabbilixxi u jippretendi ħlas ferm ikbar ta’ kera fix-xahar.  Wieħed jifhem aktar għax għandna domanda qawwija għall-kirjiet għal raġunijiet varji.  B’mod partikolari: l-ewwel, bil-preżenza ta’ 35,500 persuna li m’humiex ċittadini ta’ dawn il-gżejjer li ngħataw il-permess li jaħdmu hawn; u t-tieni, bl-effetti tal-programm tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija.  Ma’ dawn, fi proċess il-kontra l-Gvern, flok intervjena biex jifhem x’qed jiġri daħħal numru ta’ miżuri fiskali li huma wkoll, fil-kejl varju, is-sidien għaddew f’żidiet akbar fil-kirjiet.



Biża’ u inċertezza



5.     Anke fejn tidħol il-forza tal-ordni pubbliku, il-pajjiż qiegħed iħoss proċess ikbar ta’ diżordni dieħel.  Wieħed li, bl-eventi kostanti li qed naraw, qed ikabbar il-biża u l-inċertezza.  Il-kriminalità, l-illegalità f’ebda soċjetà ma wieħed jista’ jiddikjara li hija assenti.  Imma huwa dejjem imperattiv li l-gvern tal-ġurnata jassigura li din tonqos, tiġi kkontrollata u l-ħatja jinstabu u jitressqu l-qorti.  Il-poplu qed jara li t-tqegħid ta’ bombi f’karozzi ta’ persuni varji ma naqsux, anzi żdiedu.  Issa, terġa’, is-sitwazzjoni ħadet id-direzzjoni aktar perikoluża li l-bombi jieħdu fost in-nies innoċenti li m’għandhom x’jaqsmu xejn.  Dan id-diżordni jitlob, minn kull gvern, attenzjoni u kontroll.



Diżordni diżorganizzat



6.     Dan huwa dmir kostanti, wieħed regolari li jrid isir mill-pajjiż.  Biss, hawn ukoll ma tantx kien hemm xi għajnuna partikolari lejn dak li l-forza tal-ordni għandha tistenna mill-Istat.  Id-deċiżjonijiet li ttieħdu minn dan il-Gvern fil-bidu tal-leġislatura f’dan is-settur speċjali issa qed naraw l-effett tagħhom.  Ilkoll nafu kif persuni li kellhom esperjenza ta’ snin ta’ ħidma jiddefendu ‘l-Istat u liċ-ċittadini fil-kastell ta’ daru, tneħħew.  Wara Marzu 2013 beda proċess fejn dik l-informazzjoni, dak l-għarfien istituzzjonali ġew imwarrba sistematikament u kompletament.  Dak li kien ilu snin jinbena b’diffikultajiet kbar, b’sagrifiċċju w sogru personali tkisser f’perjodu qasir, qisu ma ġara xejn.  Flok ittieħdu deċiżjonijiet li jissudaw l-ordni rajna diversi lejn id-diżordni diżorganizzat.



Lejn katarsi



7.     Forsi qegħdin, jew sejrin, lejn dik il-pożizzjoni li l-psikanaliżi ssejjaħ ‘katarsi’.  F’dak l-istat li wieħed jidħol wara li jerġa’ jġib quddiem għajnejh il-ġrajjiet li għadda minnhom.  Inkella qegħdin, minflok, nibdew naċċettaw li seħħ proċess invers li bih wassal mhux biex titrażżan is-sikrana, imma biex tikber u minflok rajna li nżorbot ix-xitla t-tajba.  F’kull soċjetà, f’kull żmien, hemm il-kunflitt kontinwu bejn il-ġust u l-inġust, is-sewwa u dak li m’huwiex, l-ordni u l-kaos.  Biss, dmirna fl-istituzzjonijiet demokratiċi ta’ dan il-pajjiż huwa li nkunu favur il-ġustizzja, is-sewwa u l-ordni, u li ma nsirux parti, b’xi mod, mill-kontra.  Ta’ bnedmin li aħna nistgħu, fl-intenzjonijiet tajba tagħna, insibu ruħna fuq in-naħa żbaljata.  Però, dan għandu jixprunana biex nimxu lura u nikkuntrastaw dak li ma jagħmilx ġid.



Koma politika



8.     Sfortunatament il-pajjiż qiegħed fuq din it-trid tad-diżordni u, iktar minn hekk, ma hemmx reazzjonijiet għaliha; anzi dħalna f’forma ta’ koma politika.  Qbadna toroq li, anke fil-pedamenti sodi u kostanti tagħna, qed jieħdu daqqiet kbar.  L-onestà u l-integrità fil-komportament politiku marru lejn it-triq tad-diżordni.  Proprju għax pajjiżna qed isib ruħu f’tant każijiet li jippuntaw lejn il-korruzzjoni.  Li qegħdin nisimgħu l-ħin kollu bi preferenzi, nepotiżmi, bażużliżmu u klijenteliżmu.  Li nsibu ruħna fuq ilsien oħrajn proprju minħabba dak li għaddej.  Wasalna fil-punt fejn, kif qed jingħad iktar mill-poplu, għalxejn issejjaħlu ‘l-Gvern biex jaġixxi.  Ħadd minnu ma jidher li qed jirreaġixxi proprju għax wasalna fi stat permanenti ta’ kaos.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...