23.2.17

Erbgħin sena ilu.


 
1.      Għandna f’din is-soċjetà, li hija differenti minn ta’ qabilha, id-dmir li nfakkru lil dawk li ġew qabilna u li b’għemilhom għenu biex id-dinja tkun waħda aħjar.  F’dan ma nistgħux ma nibdewx billi ma naċċettawx li l-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin kien u jibqa’ mument storiku.  Diversi fil-poplu tagħna dan għadhom jiftakruh.  Biss, biex dan seħħ, kien hemm passi varji li saru b’kuraġġ u sogru minn bnedmin.  Però issa għandna ġenerazzjoni tielgħa li hemm bżonn li tiġi nfurmata fuq dak li ma ġarrbitx u ma ħassitx.  Li ninfurmawha li biex inbidlet il-klima politika soċjali u biex spiċċat il-ħakma komunista diversi taw is-sehem tagħhom għall-bidla.

2.      Bnedmin ta’ fibra li jimmeritaw iktar mingħandna llum għax minkejja l-id iebsa tad-dittaturi li kienu qed jgħixu fihom xorta ma qatgħux qalbhom.  Anzi ħarsu u ttamaw fil-futur, u b’kuraġġ, b’determinazzjoni għamlu l-parti tagħhom kontra kull kurrent.  Mhux atti bla sens, anqas ħmerijiet imma aġir attent u preċiż li bih wasslu messaġġ f’art u żmien li kollox kien juri li dlam biss kien hemm.  Id-dlam tad-dittatorjat u tad-disprezz tal-bniedem u drittijietu.  Irnexxielhom xorta waħda jiżirgħu ż-żerriegħa li kibret u tkattret.

3.      F’dan ix-xahar, proprju fuq dan għandna iktar infakkru kif disa’ bnedmin iffirmaw u ppubblikaw dak li huwa magħruf bħala “Il-Manifest Charter 77”.  Fil-bidu ta’ Jannar ta’ erbgħin sena ilu, ġabra ta’ intellettwali li ma kienux jaqblu ma’ dak li kien għaddej ġewwa dik li kienet iċ-Ċekoslovakkja Sovjetika, u proprju għalhekk imsejħa “dissident”, sejħu lil dak l-istat sovjetiku sabiex jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem li kien huwa stess formalment iffirma u rratifika mingħajr ma kien qiegħed jirrispetta.  Dak li ġie msejjaħ bħala l-“Ftehim ta’ Helsinki” rabat gvernijiet varji sabiex jiggarantixxu drittijiet fundamentali bażiċi bħal-libertà tal-espressjoni, tal-kuxjenza u tal-assoċjazzjoni li f’dak il-pajjiż ma kienu irrispettati assolutament xejn.

4.      Dak li għalina huwa normali, f’dak iż-żmien kien verament straordinarju.  Dawn il-bnedmin kienu appellaw oriġinarjament favur il-maħfra ta’ ġabra ta’ żgħażagħ li ġew ikkundannati l-ħabs għax kienu daqqew u kantaw fil-pubbliku.  Biss, il-kontenut ta’ dak li kitbumar iktar minn daqshekk.  Fil-fatt, hemm kienu qalu: “The freedoms and rights of the people guaranteed by these pacts are important factors of civilization for which, throughout history, many progressive forces have been striving and their enactment can be of great assistance to the humanistic development of our society”.

5.      Mhux biss, imma fl-istess insibu dikjarazzjoni iktar interessanti marbuta mal-fatt li l-Istat, fl-ateiżmu tiegħu, kien jipprojbixxi l-libertà tal-kult.  Il-bnedmin ma setgħux jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom liberament.  Proprju fuq hekk insibu: “Freedom of religious confession is continually curtailed by arbitrary official action; by interference with the activity of churchmen who are constantly threatened by the refusal of the State to permit them the exercise of their functions, or by the withdrawal of such permission; by financial or other transactions against those who express their religious faith in word or action; by constraints on religious training and so forth”.

6.      F’dan il-Manifest, fuq quddiem tiegħu nsibu lil Vaclav Havel, li dak iż-żmien kien poeta, letterat, bniedem u ma kienx politiku, li però spiċċa l-mexxej ta’ din is-sejħa għas-sewwa.  Bniedem li minħabba l-fatt li ffirma dik id-dikjarazzjoni sabu ruħu kkundannat il-ħabs taħt ir-reġim u wara, fid-demokrazija, President tar-Repubblika ta’ dak il-poplu.  Bniedem li fl-aħħar tas-sena li għaddiet fakkarna l-ħames anniversarju mill-mewt tiegħu.  Bniedem mimli bi kwalitajiet u talenti, li b’kuraġġ semma’ leħnu, flimkien ma’ oħrajn, għall-oħrajn.

7.      Illum, wara dawn is-snin, għandna naċċettaw li proprju mertu ta’ bnedmin bħal dawn id-dinja hija aħjar milli kienet.  Nies li jagħtu eżempju u lezzjoni.  Anke jekk dak li naraw madwarna jista’ jipprova jaqtagħlna qalbna, għandna nibqgħu nagħmlu dmirna, naħdmu u nittamaw għas-sewwa.  Il-futur tagħna ma nafuhx; nistgħu però naħdmu għalih b’passi favur is-sewwa b’determinazzjoni, bil-perseveranza u b’kuraġġ.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...