22.2.17

Sar ħin l-Arluġġar


 
1.      Soċjetà tiġi oskurata meta ssib ruħha mmexxija minn klassi politika li ma hemmx li toqgħod mar-regoli.  Hemm dell twil u skur li jikber meta din il-klassi tippersisti tidħol, il-ħin kollu, fi kwistjonijiet, polemiċi u imġieba żbaljata.  Ngħid dell, għax ilkoll nafu li l-poplu huwa fil-maġġoranza tiegħu magħmul minn bnedmin tal-affari tagħhom.  Nies ta’ fehmiet politiċi u soċjali varji li jirsistu u jistinkaw biex imexxu u jkabbru l-familja tagħhom.  Ċittadini li jagħrfu l-problemi u l-kumplikazzjonijiet ta’ ħajjithom u jittamaw li l-Gvern inaqqsilhom minnhom, u mhux iżidhomlhom.  Għax dawn huma parti mill-ġlidiet kbar tal-ħajja.

Inġbar lura mal-Ħallieq

2.      Tul din il-ġimgħa nġbart, flimkien ma’ diversi oħrajn, fil-knisja parrokkjali ta’ Ħ’Attard biex nagħtu l-aħħar tislima lis-sur John Bugeja.  Bniedem bħall-oħrajn però, għal min kellu x-xorti li jsir jafu mill-viċin, kien wieħed mimli b’doni mill-isbaħ.  John kien fost l-aqwa arluġġara fil-Belt, fejn kien iservi għal snin twal.  Kien il-bniedem li tmur għandu jekk trid issewwi arloġġ jew tixtri wieħed, għax kellu s-sengħa fih.  Parir tajjeb jagħtik mill-ewwel, u sirt nafu tajjeb ħafna jien ukoll anki fuq il-ħajja inġenerali.  Għal snin twal kont nibda l-jum flimkien miegħu b’kafè għand Cordina.

Bl-arloġġ f’idu

3.      Hemm kien jafdali u jirrakkuntali t-tbatijiet kbar li għadda minnhom jum wara jum sabiex imexxi ‘l quddiem in-negozju, u jaqla’ x’jiekol għal familtu.  John kien jagħmel kollox fil-ħin, b’attenzjoni u bi preċiżjoni.  Kien mimli b’enerġija, tbissima u nerviżiżmu san li jmexxi mill-ewwel dak li jkollu f’idejh.  Kien jaf x’inhuwa jagħmel u jistinka b’għaqal kbir għalih.  Ma hemmx dubju li pajjiżna tilef ċittadin den tiegħu.  Bniedem li, għalija, jirrappreżenta l-imġieba korretta u mistennija minn dawk li tul ħajjithom ħadmu ma’ oħrajn għall-oħrajn.

Arloġġ tar-ramel

4.      Pajjiżna huwa, fil-verità, magħmul minn diversi persuni li jħaddmu kull ġurnata s-solidarjetà mal-oħrajn.  Għandna ħafna nies li huma tal-affari tagħhom li isimhom ma jissemmiex, imma ħidmithom tinħass.  Hemm xibka ta’ għajnuna, ta’ assistenza, ta’ rispett reċiproku li jżommu u jservu s-sewwa.  Bnedmin li jafu lil xulxin, jaħirbu milli jwettqu azzjonijiet żbaljati u jippruvaw ikunu ta’ spalla lid-diversi li jsibu ruħhom f’diffikultajiet varji.  Poplu li baqa’ jżomm il-bandiera soċjali tperper ‘il fuq.  Li jagħraf li f’kull ħajja, fil-bidu hemm it-tmiem.  Jaġixxi fuq il-fatt li hemm arloġġ tar-ramel speċjali għaddej għal kull bniedem li, fl-aħħar tiegħu, irid jagħti kont lill-Ħallieq tagħna.

Arloġġ tal-knisja

5.      Il-bnedmin f’din is-soċjetà jgħixu u jaħdmu mingħajr ma jkunu għad-dawl.  Ftit ħafna ħidmiethom tiġi għad-dawl tal-gazzetti jew tal-medja l-oħra.  Biss, min qiegħed fil-ħajja politika jaf li dak li jwettaq, u dak li jagħmel jinstema’ sew, sija dak li jsir mal-jum, kif ukoll dak li jsir mal-lejl.  Bħall-arloġġ tal-knisja għandu jkun jaf li ma’ kull kwarta hemm it-tokki għaddejja.  Biss, kif qegħdin sfortunatament naraw, il-każijiet ta’ aġir żbaljat flok jisparixxu qegħdin jikbru ferm u ferm aktar.  Min għandu bħalissa l-poter f’idejh m’huwiex jifhem kemm irid joqgħod attent.  Kemm għandu responsabbiltajiet f’kull ħin u f’kull mument tal-ħajja.  Fejn f’għajnejn il-pajjiż ma hemmx distinzjoni bejn il-ħajja pubblika u dik privata.

Magna tal-arloġġ

6.      L-azzjonijiet li din il-klassi politika twettaq, u dawk li iktar tard insiru nafu bihom, qegħdin jixħtu dell ikrah fuq is-soċjetà tagħha.  Hemm komportament li kull ministru għandu jġib ruħu fih.  Hemm dak li huwa miktub u dak li m’huwiex, imma mistenni minnu.  Preżentement,f’din l-amministrazzjoni ma hemmx attenzjoni għal dan.  Dan ma jfissirx li ma kienx hemm diversi bnedmin oħra li ġew qabilna u servew fit-tajjeb.  Li ħadmu sabiex jgħinu lil dawk li jbatu kull ġurnata biex jaqilgħu l-ewro tagħhom.  Għandna diversi Prim Ministri u politiċi passati li kienu magni ta’ arloġġ, eżemplari u l-imġieba tagħhom kienet korretta fil-privat u fil-pubbliku.

Għandna arloġġ minnu

7.      Proprju lbieraħ sellimna l-memorja ta’ wieħed mill-aqwa Prim Ministri ta’ pajjiżna u tal-Partit Nazzjonalista, Sir Ugo Mifsud.  Avukat magħruf mad-dinja, bniedem li serva lil pajjiżu għal snin diffiċli u li ħadem għall-proxxmu.  Ma sarx sinjur fil-politika, anzi ħa mrar varju minnha.  Kien bniedem li l-poplu, anzi, seta’ jiddependi minnu.  Korrett, onest, preparat, b’reputazzjoni mill-aqwa u li, mar fejn mar u tkellem ma’ min tkellem, ħalla wirt għalina.  Kellna arloġġ minnu, li anke jekk kien ressaq huwa wkoll każijiet ta’ libell, ma wasalx biex jippreżenta mandati kontra min kien uża l-pinna kontrih.  Kien, fuq kollox, il-bniedem li ħamsa u sebgħin sena ilu ħalla din id-dinja waqt li fil-Parlament kien qiegħed jiddefendi u jitkellem kontra azzjoni ħażina u żbaljata li kienet qegħda tinħema kontra politiċi oħra.

Arloġġ politiku wieqaf

8.      Il-kuntrasti bejn il-mod ta’ kif wieħed iġib ruħu fil-politika u kif le hemm qegħdin, għal għajnejn il-pajjiż.  Kif l-istess huwa l-kuntrast bejn il-linja politika li ma’ kull jum qegħa toħroġ li l-Gvern, li għamel issa arti mill-klijenteliżmu, mill-preferenzi u l-korruzzjoni u diversi oħra li kien hemm qabel.  Il-fatt li għandna politiċi li m’humiex isegwu l-eżempji tajba tal-passat ma jfissirx li għandna nieqfu milli naħdmu għas-sewwa.  Ħafna minna qegħdin fil-politika għall-oħrajn, u nifhmu li b’din it-tmexxija qegħdin immorru lura u nitilfu f’ħin prezzjuż għalina lkoll.  Nifhmu li l-arloġġ tal-politika tas-sewwa huwa preżentement wieqaf.  Proprju minħabba dan li nkomplu bil-persistenza u bl-insistenza kostanti tagħna ta’ arluġġari għas-sewwa sabiex is-sitwazzjoni tinbidel.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...