20.2.17

Il-Flus Mhux Kollox





1.      Il-Partit Nazzjonalista m’huwiex ta’ belt jew raħal uniku, imma huwa wieħed tal-gżejjer Maltin kollha.  Hemm żgur lokalitajiet fejn huwa iktar popolari, però ma jirrappreżentax lilhom biss.  M’huwiex anqas wieħed marbut ma’ klassi soċjali waħda. Qiegħed hemm għal kull membru tas-soċjetà.  Il-missjoni tiegħu hija dik li jassigura li jwettaq, iżid il-ġid komuni u dan isegwih bil-metodi t-tajba.  Jassigura tqassim aqwa permezz ta’ ġustizzja soċjali korretta, fejn il-bniedem jiġi rispettat fid-dinjità u d-drittijiet fundamentali tiegħu.  Jgħolli ‘l fuq kemm jista’ lil dawk li qegħdin ‘l-iktar l-isfel.

Partit taċ-Ċentru

2.      F’dan il-partit huwa wieħed kostanti fil-ħsieb politiku tiegħu.  Aħna parti mill-familja ta’ partiti demokristjani nsara.  Għandna l-istorja partikolari u speċjali tagħna.  Ma segwejniex oħrajn; anqas ma rbatna ruħna ma’ xi mudell ieħor.  Biss, tul iż-żmien influwenzajna ruħna minn partiti u mexxejja demokristjani.  Iltqajna magħhom, tkellimna, iddiskutejna, drabi appoġġjajna u f’oħrajn ġejna sostnuti.  Il-partit għażel li jkun wieħed fiċ-ċentru, wieħed li daqqa jħares lejn il-lemin u daqqa lejn ix-xellug.  Appena jitlaq jew jabbanduna din l-impostazzjoni jitlef mill-kunsensi elettorali tiegħu.

Ideoloġija, strateġija u tattika

3.      F’dan, partit ispirat minn dawk il-valuri jsib ruħu f’pożizzjoni fejn oħrajn iktar lajċi ma jifhmuhx.  Diversi ħasbu li wara t-Tieni Gwerra Mondjali, il-partiti fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew ma kienux ser ikollhom il-kunsens elettorali li kellhom.  Ħafna ma fehmux li l-partiti demokristjani ġabru voti mill-elettorat moderat mingħajr ma saru partiti konservattivi, li wieġbu għas-sejħiet ta’ elettorat lemini mingħajr ma spiċċaw milli jkunu popolari jħarsu lejn iċ-ċentru-xellug.  Ma’ dan, iktar ċara l-pożizzjoni, il-bilanċ u fuq kollox il-ġabra ta’ politiċi iffurmati fil-ħsieb politiku tagħhom, fejn dak li jemmnu fih jiddikjarawh u jippruvaw iwettquh.

Boxxla interna

4.      Partit bħal tagħna, dawn l-eżempji tul is-snin sabhom imsawra fih.  Kull darba li l-Partit Nazzjonalista żamm ruħu f’din il-linja politika kien kalamita ta’ voti, u garanzija ta’ paċi u stabilità.  Kif tlaqna dan, morna miċ-ċentru iktar lejn il-lemin.  Triq li drabi uħud fehmu u żammew, oħrajn ħasbu żbaljatament li hija s-soluzzjoni.  Biss, l-istorja turi li kull min għamel dan sab ruħu fl-oppożizzjoni b’inqas kunsensi.  Il-bnedmin jesprimu ruħhom daqqa għax ikunu ħasbu sew, u oħrajn f’dak il-mument skont id-dettami tal-qalb.  Il-boxxla politika interna għal kull persuna titlob f’dan attenzjoni,  meta wieħed isegwi l-mewġa faċli li ċerti reazzjonarji tal-lemin jeħduk fiha, fejn l-azzjoni biss tiġi determinanti, u mhux il-ħsieb.  Allura l-pożizzjoni tkun żbaljata.

Garanzija

5.      L-ideoloġija hija determinanti, però biex partit ikun f’pożizzjoni li jwettaq il-programm ta’ bidla tiegħu fis-soċjetà għandu bżonn: l-ewwel, strateġija u wara tattika.  Hemm f’kull elezzjoni ġenerali l-appell lejn l-elettorat għall-kunsens tiegħu.  Kull partit irid jikkonvinċi aktar votanti biex ikunu miegħu għar-raġunijiet tagħhom minn oħrajn.  Biss, qiegħed f’dan biex jassigura li jimplimenta programm li fuqu diversi punti ta’ bidla jseħħu.  Diversi jkunu kontinwazzjonijiet, kif tagħmel aħjar dak li hemm; oħrajn id-dħul ta’ miżuri ġodda u t-tneħħija ta’ dak li ma jaħdimx.  Il-prinċipji huma garanzija; biss, il-bnedmin iridu jifhmu b’dawk x’ser jinbidel u kif din il-bidla ser issarraf aħjar għalihom.

Rettitudni morali

6.      L-ekonomija mhix kollox.  Il-flus huma importanti, però m’humiex il-bidu u t-tmiem tal-konsiderazzjonijiet politiċi.  Dan għal numru ta’ raġunijiet.  L-ewwel, għax għandek numru sew mill-elettorat li, jitla’ min jitla’ fil-poter, m’huwiex ser jiġi effettwat għax qiegħed f’pożizzjoni komda.  It-tieni, għax ħafna li jaħdmu jridu li l-valuri li jagħmlu soċjetà soda, bħall-onestà, il-verità u r-rettitudni morali jirbħu fuq il-kontra.  It-tielet, għax diversi huma dawk li jinteressahom li dak li jaqilgħu jiġi għandhom bis-sewwa u mhux mit-toroq żbaljati tal-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.

Ħalla ruħu jitkaxkar

7.      Il-poplu jippretendi li l-istabilità ekonomika tiġi miżmuma, imma m’huwiex lest li taħt din l-iskuża jiġu permessi ħwejjeġ żbaljati.  Ma hemmx ġustifikazzjoni f’aġir bħal dan.  Il-mezz mgħawweġ ma jiġix ġustifikat b’xi għan simili.  Meta dak li jkun qiegħed isir fil-pajjiż jaqbad, kif qabad, fit-triq tal-konfużjoni fejn il-korruzzjoni tissemma’ l-ħin kollu, ħadd ma jibqa’ konvint li l-affarijiet jistgħu jsiru bis-sewwa.  Dan il-Gvern, ladarba ħalla ruħu jitkaxkar mill-klijenteliżmu u ma rax li jaqta’ barra s-suspetti li qabdu sew f’moħħ l-elettorat, ikkundanna lilu nnifsu biex dak kollu li jwettaq jiġi taħt suspett.  Dawk li jitkellmu fit-triq tifhem li qed jgħidulek preċiżament dan.

Dimostrazzjoni nazzjonali

8.      Is-sistema demokratika titlob li dan kollu ma jiġix permess.  Titlob li, jekk iridu jiġu rispettati fl-isem u fis-sustanza tagħhom, il-ġustizzja u l-libertà jitwettqu.  L-istrutturi legali tagħna jirċievu l-fiduċja tal-poplu meta dan jiġi mwettaq.  Meta min imexxi jaħseb li l-prinċipji u l-valuri m’humiex importanti jkun qiegħed jiżbalja.  Jitlef mill-appoġġ elettorali, però l-ħsara li ssir ittellef anke r-rispett lejn il-politiċi u lejn l-Istat innifsu.  Jekk pajjiżna jibqa’ miexi, anke fl-aħħar sena ta’ din il-leġislatura f’din it-triq, il-gravità ser tkompli tikber.  Proprju għalhekk li llum ser tiġi organizzata dimostrazzjoni nazzjonali mill-Partit Nazzjonalista.  Biex il-messaġġ jasal li quddiem l-iżbalji tal-Gvern hemm partit moderat, fiċ-ċentru, u demokristjan li dan kollu jopponi għalih għas-sewwa.




No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...