1. Il-pedament tas-sistema demokratiku fih,
fuq kollox, il-prinċipju li l-Gvern huwa l-poter tal-pubbliku li jrid jiġi
mħaddem fil-pubbliku. Li ma għandux ikun
hemm atti li jsiru mill-amministrazzjoni li m’humiex miftuħa u magħrufa. Il-poter jiġi mħaddem favur dawk li vvutaw u
eżerċitaw id-dritt tagħhom li jagħżlu min imexxihom. Min, għalhekk, jiġi fdat bit-tmexxija ta’
poplu għandu d-dmir li jaġixxi fil-parametri tal-liġi, tal-istituzzjonijiet
demokratiċi. Dan huwa dmir, u fl-istess
ħin garanzija li dak li qiegħed isir qiegħed jassigura li s-sistema tibqa’
taħdem u titħaddem kif għandha.
Konvinzjoni falza
2. Min jiġi elett fil-poter ma jsirx
il-proprjetarju tiegħu. Jidħol biss
bħala amministratur temporanju li għandu f’idejh il-futur soċjo-ekonomiku ta’
poplu sħiħ. Ħafna jinħakmu
mill-konvinzjoni falza li huma ser ikunu permanenti u li xejn ma huwa ser
ineħħihom. Ma jagħrfux li kull leġislatura
għandha arloġġ “bioloġiku” speċjali tagħha.
Kif tidħol fis-siġġu jibda l-final
countdown. Jibda għaddej it-terminu
qasir ta’ ħames snin li fil-bidu jista’ jidher twil, imma meta taqbeż ċertu
snin ikun diġà wasal biex jispiċċa.
Kunfidenza mal-poter
3. Din il-linja politika twassal sabiex
il-politiċi jwettqu dak li ma għandhomx iwettqu. Jimxu f’direzzjonijiet li minnhom faċli
tinduna li r-rabta tagħhom mal-poter hija ikbar milli għandha tkun. Fejn il-ħsieb li wieħed irid jagħti rendikont
politiku u jkun ukoll kapaċi jispjega għala ħa deċiżjoni u mhux oħra
jintilef. Il-problema preżenti f’dawn
il-gżejjer iddur ma’ dan prinċipalment.
Hawn wisq aġir li jidħol b’rasu u b’ġismu fil-linja tal-abbuż tal-poter
politiku. Hemm wisq kunfidenza mal-poter
u mal-ħsieb li ħadd ma huwa sejjer, għada pitgħada, jinduna b’dak li qiegħed
isir ħażin illum. Dan huwa żbaljat u
għandu bżonn jiġi kontrollat.
Opinjoni furmata
4. Il-figuri li ħarġu tul din il-ġimgħa minn
Transparency International fir-rapport tagħha “Corruption Perception Index
2016” juru, u anzi jippruvaw iktar din il-linja politika bażata fuq l-abbuż u
l-klijenteliżmu. Ikun żball jekk ma
nieqfux u ma nirriflettux li, f’sena, pajjiżna niżel ‘l isfel mis-37 skala
għas-47 waħda. Kien hemm tibdil fil-pussess,
però sa issa qatt ma kellna qabża daqshekk qawwija ‘l isfel. Din l-istatistika fil-perċezzjoni, f’din
l-opinjoni li ġiet iffurmata mill-poplu fuq dak li qiegħed jara u jmiss b’idejh
m’għandhiex tgħaddi qisu ma hija xejn.
Id-diversi każijiet li smajna bihom tul dawn l-aħħar erba’ snin ta’ din
il-leġislatura ngħaqdu ma’ dak li l-poplu qiegħed imiss miegħu. Il-bnedmin jindunaw, ferm iktar milli
l-politiċi jaħsbu, ma’ min isiru l-preferenzi u min jiggwadanja fuq ħaddieħor
jew a skapitu tiegħu.
Mument delikat
5. L-effett ta’ dan ir-rapport huwa, f’dan
il-mument, doppju. L-ewwel, għax mhix
perċezzjoni waħedha li kif nafu tista’ tiġi minn ħafna fatturi, imma hawn
għandek ukoll ir-realtà. It-tieni, għax
l-immaġini ta’ pajjiżna ser tiġi minsusa direttament. F’din il-linja mhux ħafna qed jindunaw kemm
il-mument huwa delikat u wieħed irid jimxi b’attenzjoni. Ngħid dan għal numru ta’ raġunijiet. L-ewwel għax is-settur ekonomiku tagħna
jiddependi ħafna minn dak finanzjarju.
Wieħed li tul dawn l-aħħar għoxrin sena nbena u ġie sostnut b’diversi
miżuri li saħħewh u żammewh kompetitur tajjeb.
Ninqabżu fit-trasparenza
6. B’dak kollu li sar għandna suq li qiegħed
jagħmel differenza għal din is-soċjetà.
Mhux biss, imma sar determinanti bħal parti minn ġebla tax-xewka li
daqshekk kemm kienet diffiċli biex tinbena, daqshekk ieħor faċli li tiġi
żarmata. Il-linja internazzjonali sejra
dejjem iktar lejn aktar trasparenza u garanziji fejn l-aġir korrott jiġi
kkontrollat u attakkat bl-għeruq u x-xniexel.
Fil-klima preżenti tagħna, il-ħeġġa li aħna wkoll insegwu dak li għaddej
waqfet kważi kompletament. M’aħniex
aktar tlett passi qabel l-oħrajn imma qed nippermettu li ninqabżu. B’dan għalhekk qegħdin nibgħatu l-messaġġ li
jew tlifna l-interess, inkella ma jaqblilniex nikkontrollaw u neradikaw
il-korruzzjoni.
Ftit jistgħu jbassru
7. Dan huwa diskors iktar rilevanti
fil-mument meta r-Renju Unit qiegħed iqis u jikkalkula kif u meta sejjer joħroġ
barra mill-Unjoni Ewropea.
Id-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Theresa May fis-17 ta’ Jannar li
għadda jkun żball jekk jiġi njorat, minna partikolarment. Hemm, fost l-oħrajn, qalet espressament li
ser tara li twettaq tibdil skont kif inhuwa l-iktar vantaġġjuż għalihom: “about
the future and legal and regulatory framework for financial services”. X’ser jiġri ftit jistgħu jbassru. Però jkolli ngħid dak li l-poplu jaf kemm huwa
importanti għalih dan is-settur, speċjalment f’Londra, u huwa determinat li ma
jitilfux u lanqas l-impjiegi li jġib miegħul.
M’huwiex ser jitlaq xejn minn idu, anzi fil-mument dgħajjef tagħna jaf
ikun hemm proċess kuntrarju għal dak li ħaddieħor basar.
Jitolbu attenzjoni
8. Pożizzjonijiet li jitolbu attenzjoni. Iktar u iktar meta ġewwa l-Unjoni Ewropea
hemm forzi u proċessi oħra li m’humiex bażati fuq il-prinċipju li dak li
għandna ma jintmessx. Ilna snin
nikkumbattu, daqqa fuq front u daqqa fuq ieħor.
Issa bil-ħruġ tar-Renju Unit u l-pożizzjoni iktar aggressiva tagħhom
f’dan is-settur, il-linja Ewropea ser tinbidel hija wkoll. Jekk qabel stajna nsalvaw u nżommu
l-affarijiet għaddejjin, hemm iktar sitwazzjoni fejn bieb miftuħ jingħalaq
għalina. Jekk dan ma nifhmuhx u ma
nibdewx inġibu l-ordni ma nkunux nistgħu nżommu u niddefendu dak li
għandna. Dawn huma prijoritajiet
nazzjonali li jekk ma nagħrfuhomx ser nitilfu iktar milli aħna. Prijoritajiet li dan il-poplu jixraqlu li
jiġu affrontati, illum qabel għada.