28.6.16

X’qed jgħid il-poplu.


 
1.     S’soċjetà tagħna bumbardata, biss fortunatament mhux maħkuma mill-modernità tat-teknoloġija, ċerti politiċi għadhom jippruvaw ifittxu jgħarfu x’qed jgħid u jaħseb il-poplu.  Hemm min imur direttament hemm, min jipprova juża mezzi oħra wkoll fil-modernità biex jinterpreta dak li qed jingħad.  Juża l-intermedjarji u allura jmur għal mezzi indiretti.  Bħal dak li nstema’, dak li nkiteb, dak li qalulhom wara li ċemplulhom  Il-polz tal-poplu tista’ tipprova taqtgħu, tista’ tipprova ġġib min jigħidlek dwaru, biss hemm realtà li ma tistax taħrab minnha.

Ġbir tal-informazzjoni
2.     Laqatni rapport fil-gazzetta The Malta Independent dwar dak li ġie msejjaħ bħala “Big Data Summit (Malta)”.  Dan fuq żewġ livelli.  L-ewwel kemm illum hawn xbieki kbar li fl-ilmijiet tal-informatika qed jiġbru, mingħajr il-kontrolli sħaħ li naħsbu li għandu jkun hemm, informazzjoni fuq dak u fuq l-ieħor.  It-tieni, kemm din il-ġabra mhix waħda kollettiva biss fis-sens li l-persuna umana tintilef fl-identità partikolari tagħha, imma f’kemm hemm miġbur fuq kull bniedem.  L-ideat, il-gosti, il-ħsibijiet qed jinġabru fuq dawn iż-żewġ livelli.  It-tielet, x’qiegħed jingħad u kif qed jgħarbilha min qiegħed jara din l-informazzjoni dieħla għandu.

Abbużi u użi
3.     Hemm livelli ta’ użu u abbużi f’dan.  Dak li jidher bħala innokwu, bħal xi prodott kummerċjali li qiegħed nixtri, jew li nista’ nagħmel hekk jew li nista’ niġi  mħajjar nagħmel hekk hija ħaġa, biss hawn iktar.  Hemm ferm iktar milli min qiegħed iforni l-informazzjoni “innoċentement” qiegħed jifhem.  Rabtiet kontrattwali smajna ħafna drabi dwarhom f’parti minn pilastri li jiffurmaw l-istat li diversi jiddubitaw.  Biss hawn qed immissu ma’ strutturi oħra, fejn l-involontarjat tal-operatur, ta’ dak li jidher esternament bħala mingħajr ħlas, qiegħed jitqiegħed f’idejn li ma hemmx u f’ħafna ma jistax ikun hemm kontroll tal-abbuż tiegħu.

Il-bogħod mill-folla
4.     Qed tidħol, u ilha, biċċa biċċa t-tentazzjoni ta’ min jimmaġina li jista’ jimmanipula l-opinjoni tan-nies b’dawn l-istrumenti “komdi”.  Għal uħud ma hemmx bżonn li tmur tiltaqa’ man-nies.  Jaħsbu li jistgħu jqabbdu oħrajn jiffurmaw x’għandhom jaħsbu dawk li għandhom id-dritt tal-vot.  Hemm min jaħseb li b’żewġ  artikoli, numru ta’ telefonati, is-sitwazzjoni sejra tinbidel.  Hemm min jaħseb li kull ma jrid huwa kampanja biex kull tlett ġimgħat taqbad numru minna u ċċemplilna bid-domandi fuq dak u fuq l-oħra.  Pożizzjonijiet li jindikaw li hemm iktar distanza milli qatt kien hemm minn min imexxi u min irid jitmexxa.

Politika mingħajr raġuni
5.     Tul din il-ġimgħa ġie politiku Ingliż, li ma nistax naqbel miegħu, jgħid lin-nies biex jivvutaw bil-qalb u mhux bil-moħħ u r-raġuni tagħhom.  Il-messaġġ huwa ċar li l-poplu għandu jagħmel id-deċiżjonijiet tal-appoġġ politiku bħal ma jagħmel f’dik ta’ jekk timmarkax il-kunsens tal-“Like”.  Taħseb dak il-ħin u timxi fuq l-impressjonijiet.  Timxi fuq kemm diġà taw il-kunsens tagħhom.  F’din id-direzzjoni hawn min qiegħed jitħajjar iktar għal dan f’pajjiżna.  Li ġġib inqas nies jaħsbu u iktar persuni sempliċement jirreaġixxu.  Titkellem kontra l-kunċett ta’ nies li jinqasmu fi tnejn, mentri int stess timxi u tikkonvinċi ruħek bil-ħsieb li iktar ma jkun hemm tnejn fl-estrem, iktar aħjar.

Ġewwa djarna
6.     Fortunatament fid-djar ta’ diversi f’pajjiżna hemm ferm iktar.  Ferm iktar għal ħafna raġunijiet.  L-ewwel, ħafna issa draw jirċievu t-telefonata “innoċenti” li titlob l-opinjoni.  Dawk li jridu l-informazzjoni biex jimmanipulaw qegħdin issa kostantement jiġu manipulati.  It-tieni, dak li jitmexxa bħala importanti fil-mezzi tax-xandir jiġi mwarrab fid-djar, mentri dak li minflok jiġi skartat jingħata iktar piż.  Dawk fid-djar qed jinqatgħu minn dawk li għandhom il-poter f’idejhom.  Hemm ġewwa d-diskors huwa fuq kif qiegħed jitmexxa l-pajjiż u kif mexxejja oħra kienu jieħdu “passi” li dawk tal-lum mhumiex.

Preferenzi u korruzzjoni.
7.       Il-pajjiż qiegħed jara dak li ma jridx jara jseħħ quddiemu.  Hemm ħafna (ta’ kull partit) li qed iħossuhom inkapaċi u f’dan qed jaqtgħu qalbhom li jwasslu l-messaġġ lill-politiku li huma ma jridux din il-linja ta’ tmexxija.  Hemm min diġà qiegħed iqabbel tmexxijiet politiċi mhux bejn partit u ieħor, imma fi ħdan l-istess partit.  L-opinjoni hija iktar qawwija li, tajjeb jew ħażin, il-Prim Ministru Duminku Mintoff ma kienx jippermetti dak li qiegħed jiġri llum iseħħ.  Dan fuq livelli varji.  L-ewwel, li ma kienx iħalli l-ħela, l-użu żbaljat u preferenzjali tal-flus tal-Istat li qed jaraw illum.  It-tieni, li kien jagħmel ġlieda ma’ dawk li kienu jaqbdu t-triq tal-korruzzjoni.

Mhux truf
8.       Dawn il-bnedmin mhumiex fit-truf.  Mhumiex parti mill-politika tal-ħidma tal-minoranza, imma fil-parti ċentrali tal-pajjiż.  Opinjonijiet ta’ bnedmin li fid-demokrazija, biex tkun iktar ħajja, jridu jinġabru sewwa.  Ebda teknoloġija moderna jew għarbiel, manipulazzjoni tal-informazzjoni ma hija ser twassal lejn dan.  Il-politiku, speċjalment dak li qiegħed fil-poter, irid imiss man-nies.  Ħaġa li bħalissa, minħabba l-preferenzi, il-bażużliżmu, l-għira li daħħlu ma tistax, u anqas ma qegħda ssir.  Telefonati jistgħu jkomplu jsiru.  Artikoli sbieħ fuq l-aħjar paġni jistgħu jinkitbu.  Biss mhuwiex biżżejjed.  Hemm għajta leġittima li mhix tinstema’.  L-effett finali tagħha huwa ferm iktar deċiżjonijiet żbaljati milli rajna.  Ħa jifhem min għandu jifhem u ħa joħroġ lura jmiss mal-effetti ħżiena ta’ dak li qiegħed iġib huwa stess.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...