14.6.16

X’passi differenti?


 
1.      Pajjiżna, tul dawn l-aħħar ġimgħat, baqa’ jiddibatti rapport maħruġ mill-Caritas imsejjaħ A Minimum Essential Budget for Decent Living 2016.  Wieħed preparat b’reqqa, attenzjoni u direzzjoni u li ġieb b’saħħa diskussjoni dwar il-faqar f’dawn il-gżejjer.  Kemm huwa kbir, kemm huwa mifrux u x’tip huwa.  Saru laqgħat varji mal-partiti politiċi prinċipali.  Organizzazzjonijiet oħra kkummentaw u diversi taw l-opinjoni jew kitbu dwaru.  Qbil ġenerali li l-faqar jeżisti hawn.  Ma hawnx qbil fuq kemm hawn familji f’riskju ta’ faqar u liema passi għandhom jittieħdu biex ineħħuh.

Żieda fil-paga minima?

2.      Dawn fir-riskju tal-faqar ġejjin minn setturi varji.  Setturi li ma għandniex analiżi preċiża ta’ minn fejn ġejja kollha kemm hi.  Hemm żgur fosthom dawk li għandhom impjieg, imma xorta m’għandhomx dħul biżżejjed.  Uħud iridu jmorru għal impjieg part-time, oħrajn xorta ma jlaħħqux.  Għal dawn tressqet il-porposta li s-soluzzjoni sempliċi hija żieda fil-paga minima nazzjonali.  Din sabet ruħha analizzata b’qasma bejn iż-żewġ naħat.  Waħda mmexxija mill-GWU favur żieda u oħrajn kontra għal raġunijiet varji.  L-iktar pożizzjoni ċara kienet dik tal-UĦM li spjegat li żieda ma twassalx għal soluzzjoni vera, iktar u iktar meta għadu ma tlestiex il-Household Budgetary Survey.

Dritt għal għixien xieraq

3.      Ma hemmx dubju li diskussjoni ħajja u diretta għall-problemi soċjali u kif wieħed jista’ jiggarantixxi għixien aħjar, tqassim aqwa tal-ġid nazzjonali u assigurazzjoni tal-ġustizzja soċjali huma essenzjali.  Għax għandna bżonn li jkun hemm għarfien ta’ dawn il-problemi soċjali veri.  Kien f’dan interessanti li l-President tar-Repubblika hija wkoll iżżid fl-importanza u l-piż tad-dibattitu.  Fit-30 ta’ Mejju hija rreferiet għad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem, tant li ddikjarat: “Il-faqar jiena nqisu bħala theddida diretta lejn dritt fundamentali tal-bniedem, li jgħid li kulħadd għandu dritt għal għixien xieraq.  Sakemm ikollna l-faqar, ifisser li numru minn ħutna f’pajjiżna stess huma mċaħħda minn dan id-dritt”.

L-ewwel il-ġustizzja soċjali

4.      F’analiżi dettaljata, li timmerita attenzjoni u li dehret f’din il-gazzetta l-Ħadd li għadda (mill-ġurnalista Amy Borg), kellna quddiemna l-pożizzjoni ta’ min iħaddem u min jipproteġi l-ħaddiem.  Ħarġu pożizzjonijiet bħal tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem u s-CMTU.  L-ewwel li hemm lok għal diskussjoni, riċerka serja fuq dawk li jieħdu l-paga minima biss.  It-tieni, fuq il-bilanċ bejn il-kompetittività tal-ekonomija u l-ġustizzja soċjali “fejn ħadd ma għandu jbati l-faqar”.  Id-djalogu soċjali ma hemmx dubju li huwa essenzjali u jrid jiġi sostnut.  Biss, fl-iskala tal-valuri, ebda soċjetà li tista’ ssejjaħ ruħha sostenibbli ma tista’ tiddikjara li l-ġustizzja soċjali hija ugwali għall-kompetittività.  Hija superjuri għaliha u hekk trid tkun applikata.


X’soluzzjonijiet għandna?

5.      Tul il-ġimgħa, il-Ministru Evarist Bartolo kien l-uniku li ta l-opinjoni tiegħu dwar “Il-Pass li Jmiss” wara dan ir-rapport.  Fl-analiżi tiegħu huwa jgħid li “l-pass li jmiss huwa li l-istakeholders kollha jaqblu fuq definizzjoni ta’ xi tfisser ħajja deċenti u x’għandu jkun it-total tas-sostenn finanzjarju li familja għandu jkollha biex tgħix b’mod aħjar”.  Dan, jekk iseħħ, ikun tajjeb ma hemmx dubju. Biss, mhux biżżejjed.  Il-Gvern għandu f’livell ogħla, għax huwa tajjeb li wieħed jisma’, li jaqra rapporti u pożizzjonijiet varji.  Biss, fl-aħħar tal-ġurnata, l-piż huwa fuq min għandu l-poter f’idejh.  Il-ġid nazzjonali rridu naraw aħna kif jitqassam, b’mod li tassigura li min qiegħed fir-riskju tal-faqar jinqala’ minnu.

Okkażjoni unika

6.      Il-Caritas, bir-rapport tagħha serviet u għadha qegħda sservi sabiex suġġett importanti f’kull soċjetà Maltija f’kull żmien jitressaq ‘il quddiem b’tant prominenza.  Għal darb’oħra hija xprun f’parti mis-soċjetà li ftit hawn min irid jaqbeż għaliha.  Biss, da jiġi ukoll f’kuntest storiku differenti.  Il-pożizzjoni ekonomika tal-pajjiż, fil-kliem tal-Gvern, hija tajba ħafna u skont uħud, l-aqwa li qatt kellna.  Dan ifisser li hemm opportunità, hemm ferm iktar flus fil-kaxxa ta’ pajjiżna li għandhom jitqassmu aħjar.  Il-fatt li l-prezz taż-żejt niżel drastikament u li hemm il-flus fil-programmi mill-Unjoni Ewropea qed jiftħu l-bieb sabiex ikun hemm miżuri diretti li bihom l-istat soċjali jgħin fil-but ta’ min qiegħed minn taħt.  Għalhekk il-Gvern irid, indipendentement minn kull diskussjoni, jaġixxi llum qabel għada.

Rabja antika u ġdida

7.      F’ħafna sens hemm rabja ġdida fil-faxex, fil-klassijiet ta’ isfel fis-soċjetà tagħna li ta’ fuq qed jagħlqu għajnejhom għaliha.  Dan għax meta dawn il-bnedmin jisimgħu ministri varji jesponu u jiftaħru bil-figuri, u fuq in-naħa l-oħra josservaw kif uħud qed jiġu preferuti fuqhom, jirvellaw.  Meta jaraw kif ġew magħżula dawk li jidħlu f’impjieg mal-Gvern, jew mogħtija konsulenzi, kuntratti, ordnijiet diretti li huma verament sproporzjonati u skandalużi, ġustament jirrabjaw.  Mhux biss hemm dan is-sentiment, imma hawn issa iktar min qed iħoss li l-politiċi m’humiex id-difensuri veri tiegħu.

Tqassim aħjar tal-ġid

8.      Għax iktar u iktar mill-poplu qed jara n-nuqqas ta’ għaqal li bih qiegħed jitqassam dak li hemm fil-kaxxa ta’ pajjiżna.  Hawn wisq klijenteliżmu, wisq pjaċiri, wisq bażużliżmu, wisq preferenzi u dan qiegħed iġib inġustizzja soċjali.  Prinċipalment, fil-konfront ta’ dawk li ma jieħdu xejn.  Imma mhux biss, għax soċjetà tmur lura meta jkollha strutturi u metodi ta’ tmexxija bħal dawn.  Fortunatament bħalissa, frott pedament passat, hawn mument storiku meta l-pajjiż huwa ekonomikament b’saħħtu.  Dan jixħet fuq il-Gvern ir-responsabbiltà li jbiddel triqtu u jqassam aħjar.  Dan ngħidu għax, kif qalet tajjeb il-President tar-Repubblika, irridu nibqgħu nassiguraw li d-drittijiet fundamentali tal-poplu “jitgawdew minn kulħadd u mhux mill-ftit”.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...