6.6.16

Nieqfu naħsbu mill-ġdid




1.      Hemm mument meta wieħed jagħmel tajjeb li jieqaf jirrifletti fejn huwa sejjer u lejn xhiex.  Bħad-drabi li ssib lilek innifsek waqt li tkun qed issuq.  Kif toħroġ minn triq partikolari tieqaf biex issib quddiemek direzzjonijiet differenti, inkluża dik li ddur u tmur lura – parti minn dak li tkun diġà għaddejt.  Min jimxi mingħajr ma jaf fejn sejjer jew taħt l-impressjoni li serjasal fejn għandu, mentri ma jkunx, effettivament naħseb li jagħmel tajjeb li jieqaf.  Drabi jidħol f’dan l-eżerċizzju salutari waħdu, oħrajn jingħaqad ma’ dawk li qed jarawh miexi, imma mhux neċessarjament fil-karreġġjata tiegħu.

Id-direzzjoni t-tajba

2.      Hemm f’dan ħbieb, bnedmin bħalek li jridu jimxu miegħed fit-triq it-tajba.  Tajba għax sejra lejn is-sewwa u għax hija bażata fuq prinċipji, pedamenti politiċi b’saħħithom.  Forsi dan l-artikolu, il-bżonn tiegħu, il-preparazzjoni għalih iġibuni, ġimgħa wara ġimgħa, f’din il-pożizzjoni magħkom.  Nikteb għal dawk li jridu jimxu miegħi fil-ħsieb u għalija stess, li nipprova nieħu oħrajn li jridu jiċċaqilqu f’din id-direzzjoni li nara bħala tajba.  Dan huwa iktar importanti f’dak li rajna u qed inġarrbu tul dawn it-tlett snin ta’ din il-leġislatura.  Waħda li bdiet bi stabilità u bażi ta’ programm politiku li, sforz dak li daħlet għalih, qed issib ruħha fil-kontra.

L-influwenzi reċiproċi

3.      Kull partit irid jibni ħidmietu fir-realtà tal-ġurnata u taż-żminijiet.  Dan jgħodd għal dawk prinċipali li qegħdin fuq naħa u oħra tal-Parlament tagħna.  F’dan għalhekk, mingħajr ma jirrikonoxxu jew jafu jinfluwenzaw lil xulxin.  Aħna lilhom u bl-istess mod niġu aħna wkoll taħt din il-linja.  Il-ħidma politika titlob li bejn dak li jsir mill-oħrajn u meta wara tiġi għar-reazzjonijiet għalihom hemm bżonn li tieħu l-ħin tal-ħsieb.  Hemm in-neċessità li wieħed jieqaf jagħraf fejn sejjer.  Jekk hux fejn għandu, jekk hux fejn irid ħaddieħor, jew fejn verament irid jasal hu.  Jekk huwiex jibni jew huwiex jgħin iħott.

Vilifikazzjoni politika

4.      Il-klima politika f’din il-leġislatura qed tieħu battuti u togħmiet iebsa.  Id-diskors tal-politiċi qiegħed jiġi akkumpanjat minn oħrajn.  Minn dawk li jinsabu taħthom, ma’ ġenbhom jew li jaġixxu separatament, li jitkellmu fuq dak li qiegħed iseħħ u jużaw fih lingwaġġ li huwa għal kollox żbaljat.  Ir-reazzjoni t-tajba, demokratika għal min jikteb kontra l-politiċi jew għal min jivvilifikahom mhi faċli xejn.  L-esperjenza tgħallem li jekk wieħed iwieġeb għal azzjoni ħażina b’oħra tal-istess livell jew kalibru, allura din ma twassal imkien.  Hemm min moħħu jagħraf dan, imma billi għandu miegħu lil min għadu ġdid, mhux imbaskat, allura ma jżommx lura u, żbaljatament, jitkaxkar.

Għalfejn?

5.      Diversi persuni li jidħlu fil-kamp politiku u wara jsibu ruħhom magħżula mill-poplu f’elezzjoni ġenerali biex jirrappreżentawhom mhux dejjem ikollhom viżjoni ċara.  Hemm min huwa preparat.  Hemm min qara, għarbel u mmatura biċ-ċirkostanzi ta’ ħajtu li jagħraf fejn irid imur.  Jagħraf li l-politika hija strument għas-sewwa li trid tiġi użata b’attenzjoni.  Attenzjoni biex ma jsirux azzjonijiet żbaljati fil-konfront ta’ oħrajn.  Attenzjoni għad-dettall u għad-diffikultajiet varji li l-poplu jiltaqa’ magħhom.  Il-politika hija, jekk tippermettuli, vokazzjoni nobbli.  Meta wieħed jistaqsi lilu nnifsu għalfejn qiegħed fiha, ma jistax iwieġeb sewwa jekk mhux kapaċi jagħraf din il-missjoni.

Dawk li huma kontra

6.      Ilkoll nagħrfu li ħafna minna qegħdin preżentement jaqgħu fin-nases ta’ dawk li jridu jibgħatu l-messaġġ tal-inadegwatezza tal-politiċi u tad-demokrazija nnifisha.  Meta l-Gvern imaqdar bla sens lill-Oppożizzjoni u viċi versa, hekk inkunu qegħdin nagħmlu.  Il-poplu jimmarka f’moħħu l-azzjonijiet ħżiena u diskors dispreġjattiv u ma jiħux gost bihom.  Jitlob anzi, kif qed jagħmel illum, li joħorġu minn dan iċ-ċirku vizzjuż.  Li jibqgħu bnedmin ta’ rieda tajba li jsejħu oħrajn bħalhom biex jipparteċipaw fi stat li jemmen li għandu dmir li jwettaq is-sewwa lill-proxxmu.

Naħsbu lura u ‘l quddiem

7.      F’dan il-mument partikolari tal-istorja politika tagħna hemm diversi direzzjonijiet li nistgħu nieħdu.  L-affarijiet jistgħu jibqgħu kif inhuma għax hemm min jibqa’ jitkellem il-kontra.  Jistgħu jikkalmaw u nagħrfu li rridu ninbidlu qabel niċċaqilqu ‘l quddiem.  Jistgħu, kif qed nara preżentement, imorru ferm iktar għall-agħar.  F’din it-triq għandna warajna eżempji varji.  Insemmi tnejn tajba - għax jekk nagħżlu li mmorru lura ser insibu: l-ewwel, ħafna mumenti meta kien hemm dibattitu sod imma kostruttiv fejn ilpersonaliżmi kienu assenti; u t-tieni, l-eżempji ta’ diversi politiċi li għax għaddew u rriflettew kienu kapaċi jkunu parteċipi tal-politika tas-sewwa, anke jekk setgħu dehru jew ġew impinġija bħala dgħajfa jew qed iċedu.

Responsabbiltà determinanti

8.      Huma verament il-politiċi tal-ġurnata li jfasslu u jagħmlu l-politika.  Hija ħasra li tant bnedmin li huma preżenti fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra narahom jitkaxkru lura għal aġir xejn tajjeb.  Forsi ma jħossux biżżejjed libertà ta’ moviment jew hemm l-ostraċiżmu passat li qata’ barra lil kull min ma ġibidx il-linja.  Forsi wkoll jagħrfu li hemm dejjem parti mill-poplu li f’mument jgħajjat b’entużjażmu lejn isem min imexxi partit fil-Gvern u wieħed fl-Oppożizzjoni.  Hi x’inhija t-tweġiba, ir-responsabbiltà qegħda fuqna.  Fuq min imexxi prinċipalment.  Biss, hija waħda determinanti.  Hija hekk għax hija parti mill-pakkett sħiħ.  Nagħmlu għalhekk sewwa f’dan il-bidu ta’ dan ix-xahar li naħsbu mill-ġdid fejn aħna, u fejn għandna nkunu.

2 comments:

enca said...

Wieħed mill-aktar ħwejjeġ inkwetanti li narahom iseħħu kuljum huwa li pajjiżna tilef l-ideoloġija kważi totali tax-xellug. Il-Partit Laburista llum nesa t-twemmin xellugi li darba kien iħaddan u mar fuq il-lemin. Donnu li l-PL illum qiegħed japplika l-politika ta' Tony Blair u qiegħed jersaq lejn il-politika tal-lemin ta' Thatcher.

Nazzarda ngħid ukoll li għalkemm il-PN ukoll reġa' nqata' mix-xellug li kien addotta fis-snin 70 u tmenin, donnu li l-PL mar iktar lil hinn fuq in-naħa tal-lemin.

Ma rridx ninstema' li jien xi xellugi. Lanqas noħlom ma rrid li pajjiżi jerġa' jgħaddi mis-soċjaliżmu ta' żmien Mintoff, iżda huwa fatt li bil-mod il-mod qed nitilfu l-aspett soċjali. B'xi mod nazzarda ngħid li l-Gvern Laburista qiegħed joħodna lejn il-politika tal-kapitaliżmu tas-suq ħieles fejn fil-verita' s-suq isuq.

Ħasra li ħafna nies għadhom ma rrealizzawx li llum il-PL kważi tilef ruħu.

enca said...

Wieħed mill-aktar ħwejjeġ inkwetanti li narahom iseħħu kuljum huwa li pajjiżna tilef l-ideoloġija kważi totali tax-xellug. Il-Partit Laburista llum nesa t-twemmin xellugi li darba kien iħaddan u mar fuq il-lemin. Donnu li l-PL illum qiegħed japplika l-politika ta' Tony Blair u qiegħed jersaq lejn il-politika tal-lemin ta' Thatcher.

Nazzarda ngħid ukoll li għalkemm il-PN ukoll reġa' nqata' mix-xellug li kien addotta fis-snin 70 u tmenin, donnu li l-PL mar iktar lil hinn fuq in-naħa tal-lemin.

Ma rridx ninstema' li jien xi xellugi. Lanqas noħlom ma rrid li pajjiżi jerġa' jgħaddi mis-soċjaliżmu ta' żmien Mintoff, iżda huwa fatt li bil-mod il-mod qed nitilfu l-aspett soċjali. B'xi mod nazzarda ngħid li l-Gvern Laburista qiegħed joħodna lejn il-politika tal-kapitaliżmu tas-suq ħieles fejn fil-verita' s-suq isuq.

Ħasra li ħafna nies għadhom ma rrealizzawx li llum il-PL kważi tilef ruħu.

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...