30.4.14

L-Ordni ta’ Protezzjoni Ewropea.




1.         Bħalissa għaddejja diskussjoni importanti fi ħdan l-Unjoni Ewropea marbuta ma’ mekkaniżmi ġodda li permezz tagħhom nistgħu nagħtu saħħa lil-liġi ta’ kull pajjiż sabiex vittmi ta’ reati li jibbenefikaw minn ordni ta’ protezzjoni, waħda li tiċċaqlaq magħhom imorru fejn imorru.  Ir-realtà llum hija li diversi Stati għandhom fis-sistema ġudizzjarja tagħhom metodi differenti li permezz tagħhom huma jistgħu jipproteġu lil  min kien vittma ta’ reat minn min wettqu.  Dan fil-preżent ifisser li meta dik il-vittma tiċċaqlaq minn pajjiż għal ieħor tista’ titlef dan il-benefiċċju legali importanti.  Għalhekk hemm bżonn li nimxu ‘l quddiem biex inżidu fil-firxa ta’ għajnuna u protezzjoni.

2.         Pajjiżna f’dawn l-aħħar snin għamel diversi passi ‘l quddiem sabiex jagħti aktar vuċi lill-vittma tar-reat matul il-proċess, (il-kawża kriminali), kif ukoll wara.  Illum il-vittma għandha fil-liġi dinjità proċesswali aqwa.  M’hijiex biss xhud u daqshekk, imma hija parti mill-proċeduri bid-dritt li tidher f’kull seduta tal-Qorti, li tagħmel domandi lix-xhieda, li tippreżenta d-dokumenti u tissottometti l-każ tagħha.  Mhux biss, imma l-vittma tar-reat għandha l-possibilità li tixhed permezz tal-video conferencing fejn huwa jkun qiegħed jixhed f’kamra differenti mill-Qorti però jinstema’ ġewwa l-awla sabiex wieħed jipproteġi u, fl-istess ħin, jiffaċilita l-affarijiet.

3.         Il-liġi tagħna daħħlet ukoll żewġ miżuri oħra favur il-vittma li, sfortunatament jidher li m’humiex jiġu użati u applikati biżżejjed fil-proċeduri legali.  Illum hemm diġà fil-Kodiċi Kriminali tagħna li min isofri danni minn reat jista’ jitlob li l-Qorti Kriminali tagħti fis-sentenza mhux biss il-piena ta’ ħabs jew multa, iżda li tikkundanna lill-imputat, lill-ħati li jħallas ukoll id-danni ċivili kaġunati lill-vittma.  Dan għandu fil-prinċipju jġib tnaqqis fil-kawżi ċivili u, fl-istess ħin jagħti proċeduri veloċi lil min qiegħed ibati.  L-esperjenza turi li ħafna drabi dawn il-kawżi ta’ danni jitwalu u hemm għandna mekkaniżmu li jista’, jekk jintuża tajjeb, ineħħi minn dan id-dewmien.

4.         Mhux biss dan il-pass, imma daħħalna wkoll li meta l-vittma tkun sabet lilha nnifisha misruqa jew oġġett tagħha b’xi mod meħud lilha u esebiti l-Qorti, allura tista’ titlob li tieħu l-oġġett tagħha lura malajr.  Filwaqt li qabel il-vittma tar-reat riedet il-kunsens tal-prosekuzzjoni, tad-difiża u tal-Qorti, illum il-Qorti waħedha hija biżżejjed.  Wara li jsir l-eżami ta’ l-oġġett, jiġi fotografat u jsir dak kollu li hemm bżonn għall-kontinwazzjoni tal-każ l-oġġett għandu jiġi rilaxxat mingħajr dewmien.  Dan huwa pass ‘il quddiem, iktar u iktar f’din is-soċjetà fejn l-oġġetti li nużaw jintilfu fil-valur ekonomiku u l-utilità tagħhom minħabba l-avvanz veloċi tat-teknoloġija moderna.  Hemm bżonn però li dan il-mekkaniżmu jitħaddem iktar spiss sabiex jitnaqqsu l-atrit u d-dwejjaq li vittma ta’ reat tkun diġà għaddiet minnhom.

5.         Passi kbar oħra ħarġu wkoll bl-Att dwar il-Vjolenza Domestika li huma wkoll ħolqu spazju legali ġdid u li però hemm il-bżonn immedjat li jiġu attwati u mwettqa iktar.  Il-Kodiċi Kriminali jagħti issa lill-Qorti d-dritt li toħroġ ordnijiet ta’ protezzjoni għall-vittma tar-reat, speċjalment għal dawk li jiġu msawta, sija waqt il-proċess penali kif ukoll wara.  Il-liġi diġà tgħid li min huwa akkużat u min huwa misjub ħati ta’ reat għandu jiġi ordnat li ma jersaqx lejn il-vittma tar-reat, la lejn darha, la fejn taħdem jew tmur,  kif ukoll hemm il-poter li jitkeċċa mid-dar jekk kien joqgħod magħha.  Dik il-liġi għamlet passi kbar ‘il quddiem favur il-vittma tar-reat u hemm bżonn ta’ iktar informazzjoni lill-poplu.

6.         Terġa’, dawn l-ordnijiet li huma effettivi bil-liġi jistgħu, għall-kuntrarju ta’ pajjiżi oħra, jinħarġu wkoll mill-Qorti Ċivili fejn quddiemha joħroġ każ ta’ vjolenza domestika.   Mhux biss, imma dawn l-ordnijiet jistgħu jdumu applikati għal tlett snin u jekk ikun il-każ jistgħu jerġgħu jiġu estiżi għal perjodu ieħor.  Dan fih innifsu huwa tajjeb u bidla verament radikali minn dak li kien hemm qabel.  Issa, fuq livell ta’ Unjoni Ewropea qed niddiskutu sabiex nippermettu li meta jinħarġu ordnijiet ta’ protezzjoni bħal dawn, allura jimxu mal-vittma tmur fejn tmur fi ħdan l-Unjoni.  Dan jagħmel il-ġid u huwa pass kbir sabiex nissudaw il-pożizzjoni tal-vittma mhux biss f’pajjiżna iżda fis-26 Stat Membru l-ieħor.  Pajjiżna huwa kommess favur din il-linja ta’ azzjoni għax huwa jrid jagħti valur ta’ protezzjoni aqwa lill-vittma tar-reat.


Dan l-artikolu deher fil-harga tat-12 ta Marzu 2010 fl-Illum.


Jum barra mis-soltu.



1.         Fil-ħajja politika attiva tagħraf li hemm regola li għalkemm mhijiex  miktuba taraha li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar taħdem.  Dan ġej mill-fatt li l-bniedem jaf, u jekk ma jafx jitgħallem li hu jipproponi u jaħdem fuq diversi miżuri ġodda, però l-ħajja turih li mhux kollha ser jaslu fil-port tagħhom u jimmaterjalizzaw.  Għax kif jgħidu huwa ċar u manifest  li mhux kull ma jinżera’ jagħti l-frott shih mixtieq jew xi parti minnu.  Hemm diversi inizjattivi u miżuri legali u amministrattivi li ttieħdu minn dan il-Ministeru f’dawn is-snin li għaddew minn dan il-proċess uman.

2.         Għalkemm dan huwa minnu, kelli x-xorti li tul dawn l-aħħar sentejn irnexxili nara diversi punti ta’ ħidma li daħlu fis-seħħ u bdew irendu lura tajjeb.  Dawn kienu marbuta ma’ numru ta’ liġijiet li ġew preparati, tlestew u tressqu għad-diskussjoni fil-Kamra tad-Deputati tagħna.  Numru minnhom ġew approvati u huma diġà fis-seħħ, oħrajn qed jistennew il-ħin tagħhom, fosthom dawk marbuta mal-emendi għall-Att dwar il-Probation u ma’ diversi miżuri ta’ natura penali ndirizzati li jiddefendu d-dinjità tat-tfal mill-pornografija u l-issolleċitar minn fuq l-internet għal skopijiet illeċiti.

3.         Wieħed mill-proġetti interessanti li ħadna sehem fih flimkien mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien dak marbut ma’ fondi mill-External Borders Fund ta’ l-Unjoni Ewropea.  Taħt dan il-fond pajjiżna, mertu ta’ ħafna xogħol li sar ta’ preparazzjoni u attenzjoni minn numru ta’ uffiċjali dedikati sija fl-Armata kif ukoll fil-Ministeri rispettivi, ġew approvati  numru ta’ proġetti.  Proġetti intenzjonati sabiex permezz tagħhom ikollna apparat aqwa milli għandna biex nipproteġu aħjar il-fruntieri tagħna. Apparat iktar modern, sofistikat u aġġornat sabiex iservi ta’ għodda importanti għall-korpi dixxiplinati tagħna.

4.         Fil-fatt, minn dan il-Fond ġew allokati lilna mija u tnax-il miljun ewro (€112,000,000) li jridu jintefqu fuq numru ta’ proġetti approvati diġà fuq dawn is-snin li ġejjin.  Somma xejn traskurabbli li għamilna u ser naghmlu użu tajjeb ħafna minnha.  Dan qed ngħidu għax wieħed mill-ewwel passi importanti li ħadna kien dak li ħadna ħsieb li nottjenu bihom erba’ inshore patrol boats għall-Forzi Armati ta’ pajjiżna, dan billi huma għandhom fuqhom l-obbligu li jħarsu l-fruntieri esterni tagħna.  Il-proċess sħiħ ħa ż-żmien tiegħu u bejn l-aġġudikazzjoni, il-manifattura ta’ dawn id-dgħajjes u t-trasport, ma kienx nieqes minn diffikultajiet varji.  Però llum għandna s-sodisfazzjon li dawn huma issa fl-ibħra tagħna, f’idejna għad-disposizzjoni tal-Forzi Armati  preparati għal kull eventwalità li tista’ tinqala’.

5.         Il-Ħamis li għadda kelli x-xorti li nkun preżenti għal parti miċ-ċerimonja li fiha ġew uffiċjalment inawgurati dawn l-erba’ patrol boats.  Il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi kien fuq il-post, jara din il-ħidma tajba.  Flimkien miegħu tlajna abbord waħda minnhom u hemm stajt nara d-differenza li t-teknoloġija moderna kapaċi tagħti.  Billi kont tlajt qabel fuq dak li kellna, f’dan fil-vjaġġ pjaċevoli ħafna li ħadna fuq il-patrol boat stajt nara li hemm kumdità, veloċità u manuvrabilità li qabel ma kellniex.  Qabża verament kbira fil-kwalità.

6.         Abbord kelli wkoll il-fortuna mmiss b’idejja u nara s-sodisfazzjon tad-diversi membri ta’ l-Armata li raw li għandhom f’idejhom dgħajjes li qed iżanżnuhom huma, kif jgħidu “ġodda fjamanti”.  Kien hemm ħafna membri mdorrija b’mezzi oħra, jew uħud li saħansitra kienu hemm meta ġew f’pajjiżna dgħajjes oħra li setgħu japprezzaw il-qabża fil-livell.  Dawn id-dgħajjes moderni, li huma parti mill-flotta tagħna, jixhdu wkoll pass konkret f’dak li pajjiżna rnexxielu jottjeni mill-Unjoni Ewropea.  Mertu tad-deċiżjoni li nissieħbu fl-Unjoni Ewropea għandna u ser ikollna iktar strumenti ġodda għad-dispożizzjoni tagħna li jgħinuna fil-ħidma sabiex niddefendu s-sovranità tagħna.  Fl-aħħar ta’ dik il-ġurnata ħassejt verament li kienet waħda barra mis-soltu. Waħda li, minkejja kull kritika, turi li d-deċiżjoni li nsiru membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea kienet u tibqa’ waħda tajba ħafna.



 Dan l-artikolu deher fil-harga tal-Illum tal-21 ta Marzu 2010.

Il-Ġebla tax-Xewka tal-Kamra.



1.         L-għażla ta’ Louis Galea fis-siġġu ta’ Speaker tal-Parlament tagħna kienet niżlet tajjeb ħafna, speċjalment magħna li nippruvaw inservu lill-poplu tagħna minn hemm .  Louis ġie mimli b’pakkett ta’ enerġija żagħżugħa, b’ideat ġodda għall-kariga li beda jokkupa.  Segwa fil-pariri t-tajba li kien stabbilixxa Anton Tabone qablu għal żewġ leġislaturi u kompla żied id-doża magħhom.  Appena ħa l-ħatra, ġieb miegħu l-esperjenza ta’ snin twal josserva miż-żewġ naħat tal-Kamra x’għandu jwettaq minn min jippresjedi dak il-post tant vitali għall-pajjiż u d-demokrazija.

2.         Tul dawn ix-xhur ħidmietu ħarġet iktar għad-dwal tax-xemx b’numru ta’ deċiżjonijiet u direzzjonijiet li Louis kapaċi jagħti. Ġieb miegħu sens ġdid ta’ dixxiplina u awtorità li hu ssiġilla bi kliemu, b’ħarstu, proprju għax jaf sewwa l-karattri taż-żewġ naħat tal-Kamra.  Meta għalhekk daħlet l-aħbar li kien ġie nominat bħala Awditur fl-istituzzjonijiet Ewropej, għalkemm ħadt pjaċir għalih, fl-istess waqt kien ċar li l-għażla tas-suċċessur ma kienet ser tkun xejn faċli.  Mhux ser infaħħrilkom persuna li l-poplu kollu jaċċetta li ħadem kemm felaħ u seta’ għall-ġid.  Lil Louis Galea ilni nafu snin twal, preċiż qabel daħal fil-politika.  Kont għamilt żmien fejn kelli f’xi kexxun l-ewwel ritratt politiku tiegħu u kien għad għandu mopp xagħar impressjonanti.  Ismu kien isem tal-familja, id-dar ta’ missieri kien milqugħ dejjem.  Għadni niftakar lill-ommi u lil missieri juruni r-rigal tat-tieġ li kien intagħżel b’attenzjoni u mħabba u wara jippreparaw irwieħhom għalih.  Niftakru darba jħajjarni nidħol għall-politika, però fuq dan nikteb iktar ʹil quddiem.

3.         Lil Louis nawguralu mill-qalb.  Dieħel għal responsabbiltà kbira.  M’hemmx dubju li ser jingħaqad ma’ oħrajn li qed jagħmlu u diġà għamlu ġieħ lil pajjiżna.  Anzi, jekk tippermettuli, huwa ta’ sodisfazzjon tara kif  il-Partit Nazzjonalista irnexxielu jibgħat minn ħdanu  bnedmin ta’ kalibru bħal Joe Borg, Josef Bonnici, John Dalli u issa Louis.  Għalhekk, wieħed jifhem iktar li biex tagħżel il-bniedem li jidħol fiż-żarbun tiegħu trid attenzjoni. .  Id-diffikultà mhux tant għax ma ssibx, imma għax il-Partit Nazzjonalista għandu fi ħdanu abbundanza ta’ persuni b’esperjenza, abbiltà u f’ħafna sens dixxipli ta’ l-istess tagħlim politiku ta’ Louis.

4.         Meta għalhekk ġie deċiż li Michael Frendo għandu jkun is-suċċessur ma stajtx ma naqbilx li kienet wahda kif tixraq..  L-għażla, m’hemmx dubju, hija tajba u li tidħol bil-preċiż għall-pożizzjoni li ser jokkupa.  Michael ilu fix-xenarju politiku u hu mimli b’esperjenza ta’ dak li huwa mistenni minn Speaker tal-Kamra.  Ta’ tnejn u tletin sena kien diġà fis-siġġu u żammu għal dawn is-snin twal.  Persuna ta’ intelliġenza u riflessjoni.  Kien promotur ta’ ideat ta’ sustanza.  Qatt ma ninsa, per eżempju l-famuż “Is Malta Burning” – min jaf kemm qassamna minnu!  

5.         Sirt nafu aktar fil-viċin meta dħalt membru fil-Kamra jiena wkoll.  Konna nqattgħu ħin  flimkien, niddiskutu fuq kollox u rrid ngħid li kont insibu preparat b’opinjoni għax jaqra u jżomm lilu nnifsu aġġornat.  Mhux darba jew tnejn qsamna esperjenzi interessanti, speċjalment meta konna flimkien fiċ-Ċina proprju waqt l-attakk fuq New York fil-11 ta’ Settembru.  Għadni sa llum narah persuna mimli b’ideat u żammejt miegħu linja ta’ diskussjoni, aktar u aktar meta okkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Affarijiet Barranin li kompliet esponietu għall-politika internazzjonali u Ewropea proprju meta pajjiżna sar Membru tal-Unjoni Ewropeja.

6.         Ma hemmx dubju li l-għażla li saret mill-grupp tal-Partit Nazzjonalista hija tajba.  Micheal ser jidħol bl-intelliġenza, bl-enerġija u bl-entużjażmu li ssoltu narah jaffronta bihom il-problemi li jiġu għal wiċċu.  Anzi, nazzarda nipprospetta passi oħra ‘l quddiem f’istituzzjoni demokratika li għandha fi ħdanha l-elementi essenzjali biex twettaq qabżiet oħra li bihom tibqa’ tirrappreżenta sew u tmexxi ‘l quddiem lill-poplu.  Michael ser jagħmel il-ġid lil kull membru fil-qadi ta’ dmiru.  Għax s-siġġu ta’ Speaker m’huwiex wieħed simboliku, istituzzjonali imma l-ġebla tax-xewka tal-ħajja demokratika tagħna u huwa vitali li jiġi okkupat kif ser jkun minn bniedem ta’ kalibru.  Nittama minn qalbi li l-partit fl-Oppożizzjoni jagħmel qabża politika u flok jopponi għal din in-nomina, jħaddanha u jivvota huwa wkoll magħna.  Tkun xi tkun l-għażla tagħhom, m’għandi l-ebda dubju li ser ikollna Speaker li jmexxina lkoll ‘il quddiem.


 Dan l-artikolu kien deher fl-24 ta April 2010 fil-Mument.

Qabża fid-dlam?




1.       Il-kliem ta’ Monsinjur Charles Scicluna l-Ħadd li għadda riportat f’gazzetta lokali kien u għadu żiffa friska ta’ ideat.  Għandi l-fortuna li sirt naf ftit lil dan il-bniedem mimli b’doni, talenti u intelliġenza meta reġa’ ngħaqad mal-kors tal-liġi li kont fih jien.  Wara xi snin kien telaq, segwa dak għas-saċerdozju u ġie lura.  Kien mimli b’attività, però l-umur tiegħu kien dejjem tajjeb.  Ċar fil-ħsieb, jiċċajta, jiġbed is-saqajn fejn għandu u jżomm l-ispirtu ta’ akkademija f’dawk is-snin diffiċli.

2.       Il-Knisja taf x’inhija tagħmel.  Sinjal mill-iktar ċar kienet l-għażla tiegħu ġewwa l-Vatikan.  Ma kontx ħadtha bi kbira meta sirt naf li qiegħed, anzi, fl-istess uffiċċju ma’ dak iż-żmien il-Kardinal Josef Ratzinger.  Kienet għalija konsegwenza mill-iktar loġika.  Bniedem mhux biss preparat, imma fuq kollox b’viżjoni tal-ħajja li rari ssib bħalha.  Kapaċi jħares lejn it-tajjeb u l-ħażin ta’ l-argument u jiċċaqlaq 'il quddiem.  Ma naħsibx li b’xi mod qagħad jew joqgħod lura minn kelma li tbiddel u tkun parti minn proċess ta’ awto-kritika.

3.       Ħadt pjaċir naqra kliemu għax fihom hemm id-demm ibaqbaq ta’ persuna li huwa konvint mill-ideat tiegħu u m’għandux xi biża’ li jinvolvi ruħu f’dibattiti mas-soċjetà.  Anzi, kif deher mill-iktar ċar, il-problema mhux tant hu, iżda kemm ħaddieħor huwa lest li jħaddem rasu biex jara min għandu raġun.  F’ħafna sens din hija t-traġedja ta’ din l-era moderna.  L-umanità, jew aħjar il-bniedem, li qiegħed jgħix fis-soċjetajiet Ewropej irid li jiġi inqas u inqas “imdejjaq” minn riċerka għall-verità.  Fil-pożizzjoni ekonomika u soċjali li laħaq ma jridx, u anzi, ma jħossx il-bżonn li jaqra, jiskopri, jiddibatti ma’ oħrajn fuq dak li hu u dak li qiegħed jgħix.

4.       Il-kriżijiet tas-soċjetajiet kollha jorbtu lilhom infushom ma’ din il-ġebla.  Il-bniedem, permezz ta’ diversi liġijiet li ġew ispirati mill-prinċipji nsara, qiegħed isib li m’għandux għalfejn jitħarrek.  Għandu l-libertà kollha li jrid, għandu ħafna drittijiet, sistema demokratika li taħdem u għalhekk naqaslu l-bżonn li jfittex.  In-neċessità interna li jara x’valur fiha, xi skop fiha l-ħajja, qegħda tonqos,salv f’dawk il-kriżijiet ta’ eżistenza fejn ir-rimedju materjali jirrisolvi ruħu fit-teħid ta’ trankwillanti.

5.       Il-persuni “l-ġodda” fis-soċjetà twieldu f’ambjent fejn l-interattività fis-soċjetà, fil-komunità qegħda tirriduċi ruħha għal dak li jista’ jittieħed bħala profitt.  X’ser nieħu jien fil-ħidma u jekk għalhekk mhux ser inżid fid-dħul ekonomiku jew il-prospett tiegħu, m’għandix nieħu sehem.  M’għandix nagħti “b’xejn” lill-oħrajn għax ser “nitlef” ekonomikament.  Dan hu li qiegħed jiġbed is-soċjetà mill-mewġa ta’ altruwiżmu lejn l-egoiżmu li sar raġuni ta’ ħajja.  Il-bniedem qiegħed jorbot li jillimita lilu nnifsu proprju minħabba f’hekk.

6.       Iż-żjara tal-Papa Benedittu XVI qegħda tiftaħ mill-ġdid diskussjoni li ġiet abbandunata.  Il-biża’ tal-problemi li jitwieldu minn attività intellettwali fejn min huwa ffurmat fl-ideat insara jinvolvi ruħu ma’ oħrajn li ma kellhomx dak il-privileġġ huwa qawwi.  Il-ħsieb huwa li m’għandniex niddiskutu x’aħna għax inkella nistgħu “nurtaw”, “inweġġgħu” lil dawk li jaħsbu b’mod differenti.  Ma nkunux “politikament korretti”.  Anzi aħjar, lil dawk li jimmaġinaw li l-pożizzjoni ekonomika u soċjali tagħhom tagħtihom id-dritt li jaħsbu li huma għandhom tant raġun li min jgħidilhom il-kontra għall-fatt li jitkellmu huwa proċess żbaljat, li ma jridux jaċċettawh.

7.       Sirna mimlija bi bnedmin li jaħsbu li min qiegħed fuq in-naħa l-oħra, min jibbaża l-argumenti fuq loġika differenti, fuq dik nisranija huma barra miż-żmien.  Mentri dan m’huwiex minnu, proprju għax ma hemm diskussjoni vera u li trid iddaħħal lil dak li jkun jaħseb.  Hemm forom ta’ għażż f’dan, li ġej ukoll minn min ma jridx jitħarrek.  Il-bnedmin jikkonvinċu rwieħhom naħa jew oħra bl-impostazzjoni ta’ l-argumenti.  Għalxejn noqogħdu lura, u meta nagħmlu dan, ma nistgħux wara nippretendu qabżiet 'il quddiem, imma sempliċement dawk fid-dlam ta’ l-injoranza, l-egoiżmu u l-għażż intellettwali.  Iktar ma noqogħdu naħsbuha, iktar ħaddieħor javvanza fl-ispazju vojt li nħallu.

8.       Għalhekk nammetti li ħadt pjaċir naqra lill-Monsinjur Scicluna jgħid: If crisis means a turning point, then it’s welcome.  Because that means that whatever good comes from this – and good will come from this – is going to change the way we look at certain problems and the way we address them.  Crises are also opportunities.  And these are very good opportunities for us to grow.  Dawn huma kliem li jindikaw mill-iktar ċar l-evidenza ta’ l-ispirtu l-ġdid li għandu jixpruna lilna sabiex nidħlu fi proċess sħiħ ta’ diskussjoni.  Il-Knisja f’pajjiżna għandha bżonn tagħmel dan, b’iktar skambju ta’ ideat, b’iktar viżjoni li permezz tagħha trid tikkonvinċi.  Hi, li hija mimlija b’tant għerf, għandha tkun l-inqas waħda li toqgħod lura u ma tħabbilx moħħ is-soċjetà f’dak li tgħid.


 Dan l-artikolu deher fl-Illum tat-18 ta April 2010.

Kunċert mill-isbaħ.



1.         Fil-bidu tas-sena kont esprimejt ix-xewqa li nattendi ftit aktar attivitajiet kulturali minn dak li kien irnexxieli nattedni għalihom fis-sena ta’ qabel.  Din id-dikjarazzjoni ma ġietx fis-seħħ f’dawn l-ewwel xhur salv nhar il-Ħamis li għadda, 25 ta’ Marzu.  Mort il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann nisma’ kunċert mill-isbaħ ta’ mużika sagra.  Ix-xogħol ilni nagħtih prijorità, Sibt u Ħadd inklużi, u fl-aħħar kont hemm preparat nisma’.

2.         Mingħajr ma ridt bdejt inġib quddiem għajnejja d-diversi drabi li dħalt fil-Kon-Katidral ma’ numru ta’ ministri li baqgħu dejjem impressjonati bil-post.  L-iktar segwejt naħa u oħra tal-post, kif inbidel, kif qiegħed jinbidel, kif qiegħed jerġa’ jieħu l-glorja li nimmaġinaw li kien hemm.  Kull rokna, kull parti tiegħu qegħda tingħata attenzjoni.  Ħidma li turi li hemm pjan ta’ azzjoni komprensiv u li huwa mmirat li jwassal għar-restawr sħiħ u komplet.

3.         Il-mużika bdiet u bdew jinstemgħu l-biċċiet ta’ Giovanni B. Pergolesi, Andrew Lloyd Webber u Wolfgang Amadeus Mozart.  Il-ħin f’daqqa waħda tar minn quddiemi.  Ma stajtx ma nieħux gost b’mużika, vuċijiet u direzzjoni verament tajbin.  Il-post kien mimli, b’ebda spazju żejjed.  Kulħadd imsammar u msaħħar jara u jisma’.  Ma hemmx dubju li d-daqq tar-Requiem in D Minor KV 626 kienet iż-żiemel tal-battalja.  Kull min kien hemm imtela’ u ħass li ħareġ lura sodisfatt.

4.         Hija tradizzjoni verament tajba dik li permezz tagħha fil-jiem ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira jsiru attivitajiet kulturali simili.  Il-verità hija li l-pajjiż kollu huwa mimli b’din il-ħeġġa u spirtu.  Għax wieħed irid jirrimarka li minkejja li bdejna seklu fejn suppost ser nitilfu minn dak li aħna qiegħed minflok insibni b’aktar bnedmin li jieħdu sehem f’dawn l-attivitajiet reliġjużi.  Dan jidher iktar u iktar ċar mill-fatt li mmultiplikaw il-wirjiet ta’ l-imwejjed ta’ l-appostli u reċti li fihom il-Passjoni hija t-tema ċentrali.  Dan huwa fih innifsu pożittiv u nieħu gost narahom għax tara l-impenn u l-imħabba li bihom isiru.

5.         Din il-ġimgħa wkoll f’Jum id-Duluri sibtni fid-Depot tal-Pulizija niftħu l-mejda u l-wirja tal-Passjoni li ssir verament tajjeb mill-membri tal-Korp.  Tinbena atmosfera barra minn dik ta’ kuljum, preparazzjoni fil-fond għall-Għid il-Kbir li, ħafna drabi, l-ħajja ta’ kuljum taqtgħek minnha.  Fortunatament f’dan il-pajjiż għandna poplu li japprezza dak li għandu u ma jridx jitilfu.

6.         Illum Ħadd il-Palm, il-bidu tal-ġimgħa li teħodna sa Ħadd il-Għid il-Kbir.  Għalhekk huwa tajjeb li nassiguraw li nifhmu s-sinifikat ta’ kollox.  Il-jiem malajr jitilqu, però festi sbieħ bħal dawk li għandna ftit issib fid-dinja.  Għandna xi jtellifna, biss għandna nirreżistu kemm nistgħu sabiex nieħdu iktar benefiċċji li jiġu minn mumenti ta’ riflessjoni u paċi.


 Dan l-artikolu deher fil-Mument fl-2010.

23.4.14

Pajjiż mimli b’kultura.



1.         Bħalissa f’Ruma hemm għaddejja wirja mill-isbaħ.  Waħda li hija marbuta kompletament mal-figura tal-pittur magħruf Caravaggio.  Hemm ġabra li hija magħżula b’attenzjoni u tindika l-iżvilupp sħiħ ta’ dan il-bniedem li l-istorja ġabitu f’pajjiżna wkoll.  Kważi kull kwadru għandu spjegazzjoni u dawn il-Gżejjer huma msemmija bi prominenza qawwija.  Rajt ukoll, waqt li kont hemm, dawk li hemm ġewwa l-knejjes ta’ Santa Maria del Popolo u San Luigi dei Francesi.

2.         Mingħajr ma trid terġa’ tmur lura fil-passat u tifhem kemm il-Kavallieri ta’ San Ġwann bdew isawwrulna wirt storiku, patrimonju li rari ħafna ssib f’postijiet oħra.  Il-preżenza qasira tal-Caravaggio u dik fit-tul tal-Mattia Preti huma fihom infushom biżżejjed biex juru dan.  F’dan is-seklu dan huwa parti minn dak li aħna, parti mill-valur sħiħ f’perjodu fejn l-arti m’għadhiex f’idejn uħud, iżda xterdet sew.

3.         F’dik il-wirja ma rajtx biss esperti ta’ dan il-pittur, imam xita ta’ persuni.  Kollha jieqfu ma’ kull kwadu, jiflu, jaqraw u jisimgħu l-ispjegazzjonijiet varji li ngħataw.  Aħna stess ma nindunawx kemm dan huwa ta’ potenzjal għalina wkoll.  Anzi, għad għandna min f’rasu jarmi l-patrimonju nazzjonali u jitlef rasu wara dak ta’ ħaddieħor.  Mhux biss, imam hemm ukoll min volontarjament jew involontarjament irid ineħħi mill-valuri, mit-tradizzjonijiet li għandna.

4.         Il-preżenza fit-tul tal-kultura nisranija, li fortunatament ħafna minna għadhom iħaddnu, għadha tagħtina frott li ma napprezzawx.  Ħadd il-Għid il-Kbir, waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-purċizzjoni bil-vara ta’ Kristu Rxoxt iltqajt ma’ turist Franċiż.  Kien immeraviljat bil-baħar ta’ bnedmin, ta’ Maltin li ħarġu sabiex jieħdu sehem.  Waqqafni jirrifletti fuq dak li aħna u kemm bqajna bnedmin li nagħtu importanza lil dak li ħaqqu verament jingħata.

5.         Fir-realtà forsi niskartaw u niddeklassaw din l-esperjenza umana, dawn it-tradizzjonijiet.  Dan għax għalkemm nirreklamawhom, b’xi mod dan isir fil-linja ta’ spettaklu.  Wieħed mimli ħsejjes, kuluri, fl-art u fl-ajru, mużika, u l-aspett spiritwali ma nħarsuhx biżżejjed.  Issa dan huwa “stramb” meta tqis li hemm diversi Stati li jirreklamaw lilhom infushom mhux sempliċement għall-isbuħija tat-tempji iżda għall-opportunità li ssib il-paċi fik innifsek u l-iskop ta’ ħajtek.

6.         Dan il-kunċett ta’ bidla interna ta’ impatt ma’ realtà ma’ prattika ta’ ħajja dedikata għall-ġid tal-proxxmu, bażata fuq l-altruwiżmu u mhux l-egoiżmu, ma nagħmluhx.  Għandna valur forsi ftit iktar minn oħrajn, meta tikkunsidra li qabel il-miġja ta’ San Pawl kien hawn diġà numru ta’ tempji neolitiċi u Rumani.  Kine hawn diġà l-kunċett ta’ gżira li dawk li għexu fuqha riedu l-paċi, l-istabilità u l-bżonn li jfittxu l-iskop ta’ ħajjithom u jsibuh.

7.         Interessanti aktar li dawk li kellhom diġà reliġjon, li kellhom diġà esperjenza twila u tradizzjoni kostanti, nbidlu. Biddlu lilhom infushom sabiex suppost jilħqu valur ogħla ta’ kif tħares lejn il-ħajja minn dak li kien ilhom sekli twal iħaddnu mentri llum għandhom quddiemhom ħajja u kulturi griżi.  Il-fatt li aħna differenti minn soċjetajiet oħra m’huwiex ġej mix-xejn.  Għalhekk ma jagħmilx sens li ma napprezzawx dak li aħna u, t-tieni, li narmu lilna nfusna.  Pajjiżna huwa mimli b’valuri u t-tradizzjonijiet speċjali tiegħu u dmirna huwa li naħdmu sabiex jidhru aktar u jiġbdu oħrajn lejhom.


 Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Mument tal-10 ta April 2010.

Kull deni ħudu b’ġid.




1.         Il-ġimgħa li għaddiet għalaqnieha bil-fatt li f’dan it-tieni Gvern immexxi mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi wasal fit-tieni sena tiegħu fil-Gvern.  Ma hemmx dubju li l-pajjiż, għalkemm ma nogħġbuhx f’kollox, illum jippreferi li għandu din it-tmexxija minn oħra.  Hemm kemm hemm min ma jaqbilx ma’ kull ma nwettqu jew niddikjaraw li sejrin nagħmlu, xorta waħda ngħid li hemm l-għarfien li Lawrence Gonzi huwa l-persuna l-ġusta u tajba sabiex tmexxi ‘l quddiem lill-poplu.

2.         Verament kienu sentejn xejn faċli.  Però dak li ħaddieħor jista’ jaħrab minnu u flok isolvi l-problemi, jkaxkarhom ‘il quddiem, dan il-Gvern qiegħed minflok jaffronta.  M’hemmx dubju li l-kriżi finanzjarja li għaddejjin mill-effetti negattivi tagħha ħolqot diffikultajiet.  Biss, flok bqajna lura u waħħalna f’dak u fl-ieħor, affrontajna u rnexxielna ngħelbu dak li ħaddieħor riedna naħarbu minnu.  Biss, dik hija l-abbiltà tal-mexxej it-tajjeb, ta’ dak li jħares l-ewwel lejn il-ġid tal-poplu tiegħu qabel il-karriera politika.

3.         Għal min janalizza x-xenarju nazzjonali jaħseb li jirreġistra f’moħħu li dak li għandna quddiemna llum m’huwiex dak li kellhom Gvernijiet oħra qablu.  Il-pożizzjoni soċjali u ekonomika preżenti hija kompletament differenti, bħal ma hija dik parlamentari.  Dan ifisser li wieħed irid iħares b’viżjoni li m’għandhiex neċessarjament irbit mal-formazzjoni mentali passata.  Jieħu mill-esperjenza li rajna u jimxi ‘l quddiem.  Dan ċert li persuna bħall-Prim Ministru, li ilu josserva dak li sar fil-Parlament sa mill-1988 meta ġie maħtur Speaker tal-Kamra, żgur li rreġistra tajjeb.

4.         Żgur mhux forsi, altru tosserva u altru timplimenta, però l-fatti u mhux l-ispekulazzjoni jew il-perċezzjoni juru li kapaċi jħares fit-tul u jġib fis-seħħ il-programm ta’ riformi li rridu nagħmlu.  Il-problemi finanzjarji li kellna quddiemna f’dawn l-aħħar sentejn flok integħleb minnhom irnexxielu jwassalhom għall-vantaġġ tiegħu.  Il-Ħamis li għadda kellu ċertifikat ċar mill-figuri li l-ekonomija qegħda tagħti.  Waqt li pajjiżi oħra li qagħdu lura minn numru ta’ deċiżjonijiet u ma jistgħux jiċċaqilqu, llum aħna qed nirreġistraw tkabbir ekonomiku.

5.         L-istatistika qegħda tindika li waqt li għall-disa’ xhur bqajna naraw tnaqqis fil-prodott gross domestiku, issa fl-aħħar tlett xhur rajna tkabbir fuq is-sena ta’ qabel.  Dan huwa sinjal pożittiv u mill-aqwa għax jindika bl-iktar mod ċar li minkejja kampanja denigratorja mill-Oppożizzjoni u minkejja d-diversi persuni li kitbu biex jgħidu kemm qed niżbaljaw, minflok kbirna.

6.         Kien għalhekk barra minn loku li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, flok feraħ b’din l-aħbar veritiera, ipprova jċekkinha.  Meta wieħed jikkonsidra li bqajna niġu stmati minn diversi aġenziji li jiċċertifikaw il-kredtu ta’ pajjiż allura l-pajjiż għandu jifhem li huwa żbaljat minn jipprova jkisser dan il-vantaġġ ekonomiku.  Ma nistax nifhem kif uħud jibqgħu jikkundannaw, isibu d-difetti, meta min qiegħed iħares minn barra jfaħħarna!  Hija parti mix-xenarju stramb u żbaljat tal-politika tagħna li rridu naffrontaw.  U dan huwa iktar u iktar kontro-produċenti f’żewġ direzzjonijiet.

7.         L-ewwel, kontro-produċenti għall-ekonomija u l-impjiegi f’pajjiżna.  Ix-xogħol jikber mhux bis-soluzzjonijiet l-antiki, dawk li timpjega n-nies mal-Gvern imma billi ġġib investituri barranin f’pajjiżna.  Meta noqogħdu ngergru u nitmaqdru, kull ma nkunu qed jirnexxielna nagħmlu huwa li nnaqqsu l-potenzjal tagħna stess.  It-tieni, għax qisu ħadd fl-Oppożizzjoni ma jrid jinduna li din il-linja ma serviethomx għal dawn l-aħħar snin.  Ma wasslithomx fejn riedu jaslu, anzi assigurat iktar lilna fil-Gvern.

8.         Il-Gvern immexxi minn dan il-Prim Ministru affronta u ser ikompli jaffronta problemi, ma hemmx dubju.  Il-figuri fl-istatistika juru li dak li qed jiddeċiedi qiegħed jissarraflu f’riżultati tajba.  Żgur mhux forsi, li kieku ħa l-pariri ta’ ħaddieħor, għażel it-triq populista ta’ l-Oppożizzjoni allura llum ma jistax jidher u jgħid li l-ħidma hija tajba.  Il-pajjiż idum biex jifhem dan kollu.  Napprezzawh, però llum jew għada ż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma u dak li qed isir b’tant kuraġġ, determinazzjoni u perseveranza jidher f’għajnejn l-elettorat tagħna.


Dan l-artikolu kien deher fil-Mument fil-harga tat-12 ta Marzu 2010.

Il-mejda hija demokratika



1.         Għad hawn min għadu ma fehemx li f’dan il-pajjiż ġie stabbilit darba għal dejjem li hawn id-demokrazija.  Il-poter ta’ l-Istat jiġi fdat f’idejn persuni li jiġu eletti f’elezzjoni ġenerali u mhux b’mod ieħor.  Hija struttura li fiha l-liġi tirbaħ fuq il-bnedmin u ħadd m’huwa iktar ‘il fuq minnha.  Kien hemm żmien meta kittieba politiċi kienu jaraw li l-mezzi tal-produzzjoni jridu jinħatfu mill-proletarjat b’rivoluzzjoni,  però dak l-esperiment Sovjetiku falla.

2.         Biss għad hawn min jaħseb li jekk tniżżel partijiet mill-poplu fit-triq ser jirnexxilu juri li għandu l-“poter” – mhux dak politiku imma dak fiżiku.  L-Istat demokratiku, dan l-aġir, ma jistax jippermettih mingħajr ma jirreaġixxi legalment, sabiex it-tentazzjonijiet ta’ ħaddieħor jinżammu f’posthom.  Ir-raġuni ma tridx il-forza sabiex tirbaħ – trid sempliċement l-użu tagħha fid-djalogu u fid-diskussjoni.  Dawn huma lezzjonijiet li huma issa parti mit-tessut soċjali, mill-ordni interna li l-poplu jħaddan u jipproteġi b’qalbu kollha.  Id-dimensjoni tal-pajjiż tagħtina l-vantaġġ li nkunu familja u għalhekk m’għandniex insiru ċirku “mdemmi” tal-gladjaturi.

3.         Meta l-linja tal-ħsieb u ta’ l-azzjoni joħorġu barra minn din il-formazzjoni neċessarja għall-eżistenza paċifika tal-poplu u bħala garanzija għat-tħaddim tal-valuri tal-ġustizzja u l-libertà, tar-rispett reciproku, il-konsegwenzi ma jkunux proprju kif ilkoll nixtiequ.  Dan dikjarat mhux sempliċement mill-punt tat-tluq ta’ prinċipju jew akkademiku, iżda l-iktar minn dak tal-wirt li l-esperjenza politika turi.  It-tentazzjoni li union ta’ ħaddiema tintervjeni fix-xenarju politiku hemm għandha u tibqa’, imma m’għandhiex tasal fit-twettieq.  Iż-żmien juri li tagħmel il-ħsara, sija lill-partit politiku kif ukoll lill-iskop ta’ l-eżistenza ta’ dik il-formazzjoni għall-ġid tal-ħaddiem.

4.         Fil-ħidma pubblika tista’ tipprova tuża lil ħaddieħor u jistgħu jippruvaw jużawk ukoll, però dan mhux salutari.  Min jixħet il-ġebla u jaħbi idu jew jipprova jagħmel il-karamboli, jiżbalja.  Dan għax ngħidu x’ngħidu, meta naraw lil xulxin jew bħala għedewwa, jew bħala avversarji jew bħala oġġetti, nitilfu sija r-rispett li għandu jkollna kif ukoll innaqqsu mill-kontenut politiku nazzjonali.  Meta jsiru laqgħat għall-persuni li m’humiex midħla ta’ l-ambjent pubbliku u jisimgħu lil min jgħaddi diskors denigratorju fuq ħaddieħor, dan ikun żball.  Naħseb li huwa biżżejjed u żżejjed li nagħmlu dan fl-aħħar xhur qabel elezzjoni ġenerali għax iħammrilna wiċċna u għalhekk hawn iktar u iktar għandna nibqgħu lura.

5.         F’dan l-aġir inkorrett, il-Gvern għamel tajjeb li żamm il-kalma sija pubblikament u anke fil-Parlament.  Id-diskors tal-Prim Ministru kien ċar u kristall: stedina sabiex wieħed jerġa’ jmur lura madwar il-mejda u jifhem li għandu jasal bl-użu tal-loġika, u mhux bil-kontra.  Hekk għandhom jibqgħu l-affarijiet.  Fuq dik id-direzzjoni għax il-poplu llum immatura sew.  Ma jieħux gost b’dimostrazzjonijiet li fihom ikun hemm tgħajjir u mġieba żbaljata li ddejjaq lil dawk li jridu soċjetà demokratika fejn tirrenja l-paċi u l-istabilità.

6.         F’dawn l-eventi, m’hemmx dubju li l-linja tal-Gvern ġiet rafforzata, proprju għax il-metodu użat kontra tiegħu kellu effetti kontra-produċenti.  Serva sabiex ħareġ iktar għad-dawl li l-linja mhix dik ta’ aġir anti-soċjali jew kontra l-ġustizzja soċjali, iżda waħda ta’ responsabbiltà.  Il-piż tas-salib tal-poter demokratiku jinġarr mill-Gvern sabiex fiċ-ċirkostanzi jagħżel l-aqwa linja.  Huwa dejjem faċli li tikkritika minn fuq is-siġġu, imma min hemm torbot lilek innifsek milli tifhem x’inhuma l-problemi.  Meta tiltaqa’ u tinġabar ma’ mejda tidħol fi proċess demokratiku li jwasslek biex tifhem u ma tikkundannax fix-xejn.  Id-demokrazija dik hi: jekk ma nużawhiex niżbaljaw.


 Dan l-artikolu deher fil-Mument fil-harga tas-6 ta Marzu 2010.

15.4.14

2010 - Kontinent jirrifletti.



1.         Minkejja d-diversi snin li ilna ngħixu flimkien fuq din id-dinja, u speċjalment għalina f’dan il-baħar Mediterran, il-viżjoni tagħna ħafna drabi tibda billi tħares ‘il fuq u mhux l-isfel.  Naraw ruħna marbuta mal-kontinent Ewropew, kif aħna mingħajr ma’ naraw biżżejjed fil-fond dak kollu li għandna.  Biss, f’din il-formazzjoni kulturali ħafna drabi neskludu lilna nfusna minn influwenza tal-kontinent Afrikan.  Forsi mertu ta’ l-immigrazzjoni irregolari jew ta’ għarfien ftit aħjar tal-forzi emerġenti fid-dinja li qegħdin fiha, illum qed naraw triq ta’ rivalutazzjoni ta’ x’forza u potenzjal jeżisti f’dik il-gżira enormi.  Direzzjoni li għandna nixtarru aħna ma’ oħrajn f’dawn it-tnax-il xahar partikolari.

2.         Din is-sena għandha, għal dawk it-tlieta u ħamsin Stat li jiffurmaw dan il-kontinent, żewġ appuntamenti storiċi importanti li jitolbu riflessjoni.  L-ewwel wieħed huwa marbut mat-tmiem tal-Konferenza ta’ Berlin li nżammet bejn il-15 ta’ Novembru 1884 u s-26 ta’ Frar 1885 li fih inqasmet l-art Afrikana bejn numru partikolari ta’ pajjiżi li ħassew li għandhom “dritt” li jiċċivilizzaw, dawk li fl-opinjoni żbaljata ma kellhomx kultura.  It-tieni wieħed huwa marbut mal-ħamsin anniversarju ta’ l-Indipendenza ta’ sbatax-il pajjiż.

3.         Il-Konferenza ta’ Berlin kienet l-att “legali” li permezz tiegħu numru ta’ Stati Ewropej bħall-Ingilterra, Franza, l-Portugall, il-Belġju, il-Ġermanja u Spanja ftehmu li dan il-kontinent suppost “mudlam” jista’ jinqasam skond min jaħtaf l-aktar.  F’dak id-dokument, fost l-oħrajn, l-artikolu 34 jiddikjara li kull firmatarju għandu d-dritt jieħu f’idejh partijiet akbar milli kellu u jistabbilixxi “protettorat” bl-obbligu li jinforma lill-membri l-oħra.  L-artikolu 37 jerġa’ jagħti lil dawn il-firmatarji d-dritt li jbiddlu t-territorji skond ma jkun utili li jsir bejniethom, iħalltu u jirranġaw.

4.         Illum, mija u ħamsa u għoxrin sena wara dak il-jum, il-konsegwenzi huma gravi.  Kif ingħad tajjeb: “For the greatest part of it, Africa is a mish-mash of states without nations and without states.  Paradoxically, while colonialism is still being blamed for many of Africa’s problems, the farcical national boundaries imposed during the scramble for Africa by Colonial powers in Berlin in 1885 remain sacrosant.”   Riflessjoni interessanti fi ħdan kontinent mimli potenzjal li ma jirnexxilux jinqala’ mill-faqar, jiżviluppa u jikkompeti ma’ pajjiżi oħra fid-dinja.  Għandu fuqu problemi li qisu ma jistax jillibera ruħu minnhom.

5.         Il-ġenerazzjonijiet preżenti qed jerġgħu jqajmu għad-dibattitu għala u x’inhuwa l-kaġun ta’ stat ta’ l-affarijiet fejn hemm disparità kbira bejn Stat u ieħor.  Mhux biss imma d-diffikultà temerġi wkoll fuq il-fatt li l-livell ta’ demokrazija hija, f’numru minnhom, ineżistenti.  U dan minkejja l-fatt li hemm wirt minerali li jibqa’ ma jiġix verament sfruttat għall-ġid tal-miljuni li jgħixu hemm.  In-nuqqas ta’ żvilupp ekonomiku qiegħed iħabbat u jħabbel iktar minn qabel sabiex wieħed ifittex il-kaġun, r-raġuni vera li qed iżżomm lil ċerti pajjiżi lura mill-iżvilupp li ħaqqhom.

6.         Anzi Mo Ibrahim, persuna li laħqet suċċessi tajba fil-kummerċ qiegħed isostni li: “A large number of African countries are not viable.  If they were companions, they would have been declared bankrupt.”  Fl-anniversarju tal-ħamsin sena ta’ l-indipendenza tal-Kamerun, it-Togo, l-Madagascar, il-Kongo, s-Somalia, il-Benin, in-Niġer, il-Bulkina Faso, il-Kosta ta’ l-Avorju, iċ-Ċad, ir-Repubblika Ċentrali Afrikana, il-Kongo Brazzaville, il-Galon, is-Senegal, il-Mali, n-Nikaragwa u l-Mawritanja kliem dan is-Sudaniż li ħadem fis-settur tat-telekomunikazzjoni b’suċċess kbir huwa interessanti.  Għandu raġun isostni dan.  Hemm bażi li wieħed jgħid li l-qsim tal-kontinent huwa l-iżball li ma nistgħux ninħallu minnu?

7.         Il-futur għal diversi huwa marbut ma’ Unjoni Afrikana li tasal lejn il-miri u s-saħħa ekonomika u soċjali li għandha l-Unjoni Ewropea.  Diversi huma l-kritiċi ta’ dik li kienet l-OAU u li ġiet l-Unjoni Afrikana ta’ llum.  Għalhekk dan għandu jkun il-pass, il-futur ta’ kontinent li ħaqqu ferm iktar sabiex jissoda lilu nnifsu u, kif ħaqqu, jingħata d-dinjità xierqa.  F’dan l-anniversarju tajjeb li aħna wkoll nirriflettu.  Kontinent Afrikan b’saħħtu jagħmel il-ġid mhux biss liċ-ċittadini tiegħu, imma anki lilna.  Għandna nteress li dan jirnexxi għax ir-rispett għad-dinjità umana hekk jitlob.


 Dan l-artikolu deher fil-harga tal-Illum tat-3 ta Marzu 2010.

L-effett ta’ ekonomija żbaljata.



1.         Ftit snin ilu kienet ġiet f’idejja l-gazzetta Franċiża “Le Monde” li fiha d-dibattitu fuq ħidmet Hannah Arendt kien ċentrali.  F’parti minnu ngħad is-segwenti: “L’interroger sur l’importance de l’oeuvre de Hannah Arendt aujourd’hui, c’est entre autres se demander si les societés democratiques pouvent être definitivement considerees comme impermeables à la mentalitè totalitaire”.  Fi ftit kliem, nistgħu f’mument ta’ l-istorja tagħna neskludu li d-demokraziji huma nieqsa minn mentalitajiet totalitarji.

2.         Suġġett verament interessanti għal min irid jibqa’ jimxi ‘l quddiem u jipperfezzjona t-tessut ta’ l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż.  Il-kredenzjali demokratiċi tagħna jitilgħu ‘l fuq u jibqgħu sejrin hekk għax għandna għal qalbna dan is-suġġett, anzi kommessi li nibqgħu naħdmu għalih.  Huwa żgur parti vitali, fus ċentrali tal-ħsieb politiku tagħna.  Ma narawx id-demokrazija bħala għodda konvenjenti sabiex nieħdu l-poter f’idejna, imma kwalità essenzjali għat-tmexxija ġusta ta’ soċjetà.  Mingħajrha ma nistgħux immexxu ‘l quddiem.

3.         Il-punt huwa verament parti mill-ġebla tax-xewka, iktar u iktar meta jitqiegħed fil-konfont tal-kunċetti neo-liberali li ġew xprunati żbaljatament fis-soċjetà tagħna.  Dan fih innifsu jimmerita attenzjoni għax irridu nammettu li dak li sar ġewwa Stati Ewropej, u cioè li rriproduċew kunċetti ta’ ekonomija kapitalista mill-iktar liberali ġewwa l-kamp politiku kellu effett fuqna wkoll.  Id-dibattitu wassal sabiex illum, dejjem wara d-diżastri ekonomiċi li rajna, li nerġgħu nqisu mill-ġdid dak li għaddejna minnu.  Naraw kemm konna korretti u min kien għamel l-iżball li wasalna fejn illum qed nippruvaw noħorġu minnha.

4.         F’dawn l-aħħar jiem, fl-Università ta’ Turin, Luciano Gallino f’diskors tiegħu biddel il-viżjoni ta’ dan is-suġġett.  Huwa qiegħed jipprospetta linja ta’ ħsieb kuntrarja għal dak li ġeneralment huwa kkunsidrat bħala l-kaġun u l-effett, f’kelma waħda flok kienet l-ekonomija li nvadiet u kienet aggressiva lejn l-ideoloġiji politiċi, is-sitwazzjoni żviluppat b’mod differenti bil-kaġun li ġiegħlet lil ta’ l-aħħar tinbidel.  Huwa jgħid is-segwenti: “Piuttosto va constatato che, a partire dai primi anni 80 del secolo scorso, in numerosi paesi tali confini sono stati deliberatamente spalancate all’economia non da altri che dalla politica, dai suoi parlamenti, e dalle leggi da questi emanate.”

5.         It-twelid ta’ dak li hu kkunsidrat bħala “neo-liberaliżmu” jitlaq proprju minn hawn.  Il-libertà tas-suq, il-ħsieb li dan ser jirregola u jikkontrolla lilu nnifsu ġieb miegħu l-kunċett li fil-libertà mingħajr ġustizzja, is-soċjetà waħedha “spontanjament” ser issib ordni naturali.  Sar l-argument li ma hemmx bżonn ikollok liġijiet li jikkontrollaw għax is-suq waħdu ser jagħmel dan.  Linja ta’ ħsieb żbaljata għax l-istorja taċ-ċiviltà umana turi li dan ma jaħdimx.  Għalhekk, skond dawn, l-Istat għandu jiġi miżmum milli jintervjeni għax inkella ser iżomm lura dan l-iżvilupp “normali” u naturali.  Kif aħjar jgħid Gallino: “Di conseguenza occorre impedire che lo Stato o il Governo per esso, interferiscano con l’attivazione e il buon finanziamento di tale ordine”.  Flok li l-politika iggwidat l-ekonomija neo-liberali spiċċat għalhekk maħkuma minnha.


6.         Forsi dan ġej ukoll minn kunċett li għandna fina li jekk ikun hemm il-ġid materjali allura soċjetà qed titmexxa tajjeb.  Ġewwa Firenze hemm żewġ pitturi li jikkuntrastaw lil xulxin.  Stat immexxi ħażin iġib rovina, ieħor tajjeb l-affluwenza.  Però llum nafu li dak li sar sekli ilu proprju ma kienx korrett.  Dan għax jista’ jkollok Stat immexxi tajjeb u demokratiku li però m’għandux affluwenza. Stat demokratiku jrid jagħżel jekk jorbotx lilu nnifsu ma’ bilanċ bejn il-libertà u l-ġustizzja u min irid iħalli  kompletament f’idejn il-libertà.  Il-konsegwenzi tat-tieni rajniehom u għadna qed induquhom.  Huma bnew soċjetà li fl-aħħar tal-ġurnata, f’isem il-libertà, f’isem dik l-“ordni naturali” ġiebu diżastru finanzjarju u soċjali fuq kulħadd.  Il-ġid ekonomiku kien temporanju u bbażat fuq pedamenti ħżiena.  Nittama li din il-lezzjoni tinżel u jifhmuha dawk li jaħsbu li biex jirbħu elezzjoni jridu jinsew li kienu soċjalisti biex isiru neo-liberali.

Dan l-artikolu deher fil-harga tal-Mument tal-25 ta Frar 2010.

14.4.14

Il-Greċja ta’ Papandreou


1.            Ftit xhur ilu kelli l-opportunità li niltaqa’ mal-Prim Ministru l-ġdid tal-Greċja George Papandreou.  L-okkażjoni kienet laqgħa li saret ġewwa Berlin għall-kapijiet ta’ diversi gvernijiet fl-okkażjoni tal-għoxrin anniversarju mill-waqgħa tal-Ħajt.  Hemm kelli l-ħin li niddiskuti miegħu fit-tul sija l-problema ta’ l-immigrazzjoni irregolari, kif l-aħjar wieħed jidħol għaliha fl-istituzzjonijiet Ewropej, kif ukoll diversi sitwazzjonijiet internazzjonali.  Rajt li huwa ppreparat u anzi determinat li jibda jirriforma dak li l-Greċja għandha.

2.            Ir-rapporti diplomatiċi bejnna u l-Greċja huma tajbin ħafna.  Naqblu fuq diversi punti ta’ ħidma u nista’ liberament ngħid li fiż-żmien li sibtni nokkupa din il-kariga kelli appoġġ fil-linji ta’ azzjoni li ħadt, jew ppruvajt nieħu.  Mort ukoll f’Ateni u xtaqt li jkolli l-Ministru tal-Intern Grieg f’pajjiżna, imma dan ma kellux ikun.  Niftakar li Prokopis Pavlopoulos kellu sitwazzjonijiet xejn faċli x’jaffronta, b’diversi rewwixti li qamu fl-ibliet  prinċipali.  Għal xhur sħaħ għaraq id-demm.

3.            Il-problema li wiret dan il-Gvern ta’ Papandreou hija fis-sustanza l-istess li kellu ta’ qabel, salv li meta Karamanlis (li ġie f’pajjiżna u ltqajt miegħu wkoll) kien ipprova jibda proċess tar-riformi neċessarji sab quddiemu ħajt imkaħħal bi strajkijiet, vjolenza fit-toroq u aġir anti-demokratiku mill-anarkiċi.  Niftakar waqt li kont f’dik il-belt, li minnha nbdiet ħafna miċ-ċiviltà Mediterranja tagħna, ġejt imgħarraf li ta’ kuljum partijiet minnha kienu qed jingħalqu minħabba dimostrazzjonijiet varji.

4.            Il-Greċja għadu l-pajjiż li għad għandu fil-Parlament tiegħu partiti fuq ix-xellug estrem attivi u għalhekk għall-partit konservattiv ta’ Karamanlis kien iktar komplikat sabiex issib tarf, speċjalment tad-dimostrazzjonijiet tal-unions varji.  Issa l-Gvern Soċjalista għandu quddiemu defiċit ta’ kważi tlettax fil-mija (13%) li jrid jara kif sejjer b’xi mod iniżżel għal tlieta fil-mija (3%), li huwa aċċettabbli fl-Unjoni Ewropeja taħt ir-regoli ta’ stabbilità finanzjarji.  Id-deċiżjonijiet li Papandreou jrid jiffaċċja u jieħu m’humhiex jew ser qatt ikunu faċli.  Altru tgħid fuq karta u altru tipprova twettaqhom f’atmosfera ostili għall-aħħar.

5.            Id-deċiżjonijiet, u nittamaw, l-id soda fuq ir-riedni taż-żiemel sfrattat ta’ l-Istat Grieg għandhom effett mhux biss direttament fuqhom, iżda anke fuqna.  Jekk il-Prim Ministru Grieg iżomm sod allura ma jkollniex l-effetti negattivi li defiċit ta’ dak il-marġini għoli ser inevitabbilment iġib fuq kull membru tal-Unjoni Ewropeja.  L-impatt fuq l-ekonomiji taż-żona ewro ser ikun iebes, meta tqis li l-Griegi huma debituri bankarji varji fl-ammont ta’ 300 biljun dollaru.  Jekk ma jżommux mal-linja ta’ riforma, d-defiċit tagħhom iġib kriżi finanzjarja oħra.
6.            Is-sitwazzjoni hija verament ta’ serjetà kbira meta tikkonsidra li ma nafx x’jonqoshom jagħmlu biex joħorġu mill-kriżi.  Hemm diġà ipotekati toroq u l-ajruporti tal-pajjiż.  Għandhom kumpannija “Aeolas” li rahnet id-dħul kollu ta’ l-ajruplani għal snin twal, kważi sal-2019.  Oħra, l-“Areadne” rahnet id-dħul ta’ l-Istat mil-lotteriji nazzjonali.  Il-Greċja daħlet uffiċjalment fil-kategoriji ta’ Stati Ewropej li qegħdin fix-xifer ta’ kriżi mega-finanzjarja u dan mhux 'il bogħod fl-Istati Uniti, imma tefgħa ta’ ġebla 'l bgħid minna.


7.         Pajjiżna dan qisu m’huwa xejn.  Għal uħud qisu ma teżisti ebda problema barra minn xtutna li ser taffettwana, għax għandek uħud jgħixu f’dinja għalihom. Jgħidu x’jgħidu dawk li ma jridux il-ġid lill-Gvern, però aħna qegħdin ferm aħjar minn ħaddieħor.  Is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tagħna hija aqwa minn dik ta’ oħrajn u hemm bżonn li napprezzawha.  Jekk naġixxu b’mod irresponsabbli nispiċċaw li nkissru dak li, fl-aħħar tal-ġurnata, huwa fl-interess ta’ kull min jgħix f’dawn il-gżejjer li jinżamm.  Bħall-ġudizzju ta’ Salamun, il-poplu jagħżel min huwa favur li jippreserva l-ġid tat-tarbija, mhux li joqtolha billi jħarbatha.

Dan l-artikolu deher fl-Illum fil-21 ta Frar 2010.

Kunċetti diġà meħlusa.



1.         Il-politika għandha sejħiet differenti għal dawk li jiddeċiedu li jipparteċipaw fiha.  Hemm min jinġibed lejha, jew jiġi mbuttat fiha jew jitlef rasu warajha, però mhux kull persuna tapprezza li din hija ħidma umana li ilha snin twal tiġi eżerċitata.  Ninnota li diversi jaħsbu li kull ma trid huwa li tinġieb ma’ l-elettorat sabiex issib ruħek fil-Kamra tar-Rappreżentanti, bil-possibilità li titkellem u kull persuna fil-pajjiż tagħti kasek.  Fortunatament il-ħajja pubblika titlob ferm aktar minn dan.  Titlob formazzjoni politika.

2.         Bħall-mużika, din tista’ tiġi jew minn preparazzjoni akkademika jew bl-udit, bl-esperjenza.  Ta’ l-ewwel għandhom il-vantaġġ li qraw, għarblu dak li qalu ta’ qabilhom u fehmu x’ideat politiċi jħaddnu, jew aħjar, għandhom iħaddnu.  Tat-tieni jridu jaraw it-trapass taż-żmien jgħaddi minn fuqhom sabiex jieħdu l-għerf u l-għarfien ta’ dak li għandhom jgħidu u jaħsbu.  L-agħar dejjem, fiż-żewġ kategoriji, hija l-arja u n-nuqqas ta’ umiltà.  Meta bniedem jaħseb li huwa diġà lest u misjur għax għandu s-siġġu, kull ma jkun qed jagħmel hu li jaqa’ għaċ-ċajt, anke jekk ta’ madwaru ma jkunux qed jiftħulu għajnejh.

3.         Tispiċċa terġa’ tisma ideat li ilhom li ġew skartati s-snin, ripetuti lura fix-xejn, qishom ġew skoperti l-bieraħ taħt xi ġebla mwarrba u minsija.  L-agħar li tant hawn nuqqas ta’ kultura politika, sija fil-klassi politika nnifisha kif ukoll fil-poplu, li dak li hu passat jidher preżent, dak li hu medjokri jidher attwali, dak li hu sterili jidher fertili.  Il-politika għandha magħha l-mażżra tal-marda ta’ dawn is-snin li mhux is-sustanza tagħha hija importanti, imma dak li tidher li hija.

4.         Dan l-aħħar smajt vuċi fil-kamp ta’ l-Oppożizzjoni tinsisti li għandu jkun hemm is-separazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja, li kienet waħda tajba l-iktar għax wieħed jinnota li minn żmien għal żmien f’dak il-Partit Laburista ssib min irid jerġa’ jappella għal sezzjoni tiegħu li hija anti-klerikali.  Huwa ċar li f’dak il-Partit, l-għażla lejn ideat ta’ moderazzjoni lejn il-Knisja jieħdu l-majnati tagħhom.  L-agħar hu li wieħed jipprova jpinġi lill-Istat Malti bħala li huwa mmexxi mill-Vatikan jew mill-Isqfijiet tagħna, meta kulħadd jaf li mhux il-każ.

5.         Is-separazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja ilha prattikata f’dawn il-Gżejjer għal ħafna snin u m’hawnx bżonn ta’ xi ċaqlieq fuq dan.  M’aħniex Stat immexxi mir-reliġjużi u ilna wieħed lajk.  Jekk hemm min għadu ma fehemx dan qed jiżbalja u mhux qiegħed jagħraf sekli ta’ storja li wassluna fejn aħna llum.  Il-fatt li l-Istat Malti huwa lajk però ma jfissirx li għandu jkun wieħed li jippromwovi l-ateiżmu, jew agħar, wieħed li ma għandu ebda forma ta’ prinċipju etiku li jmexxih.  Il-kunċett ta’ lajċiżmu ta’ l-Istat m’huwiex wieħed li jitlaq minn pedament fejn ma hemm ebda morali ta’ xejn.  L-iStat, għax mhuwiex Knisja, ma jfissirx li m’għandux l-ordni morali tiegħu, l-prinċipji etiċi li permezz tagħhom jirrispettaw id-dinjità tal-bniedem u l-familja.

6.         Jekk “il-viżjoni” ta’ Stat sekulari huwa dak ta’ wieħed li huwa liberat minn xi forma ta’ prinċipju etiku, allura qed naqbdu t-triq lura lejn il-kaos, it-taħwid, it-tgerfix, fejn ir-regoli huma ineżistenti.  Il-libertà timxi id f’id mal-ġustizzja.  Meta tifridhom, il-baħar tmur.  Il-periklu qiegħed hemm għas-soċjetà.  Għax komunità ta’ bnedmin ma tgħix u ma tmurx 'il quddiem jekk ma jkollhiex linji ta’ gwida.  Ħadd ma jista’ jgħid li l-Gvern jirċievi l-ordnijiet mill-Knisja.  Dan però ma fissirx li aħna kontra u li ma nagħtux piż lil dik il-vuċi jew li nitilqu mill-prinċipju li għandna ninjorawha jew nippruvaw inżebilħu lit-tagħlim tagħha.

7.         Aħna għandna sens qawwi ta’ dak li għandu jkun l-Istat demokratiku, però dan ma jfissirx li aħna narawh bħala strument għama li ma jafx fejn ser jasal.  L-Istat huwa strument formidabbli sabiex permezz tiegħu jsir il-ġid fil-pajjiż.  Nemmen fl-ugwaljanza, però iktar minn dan, inħaddan bħala valur aqwa l-ġustizzja.  Biex tassigura li kull persuna f’dawn il-gżejjer timxi 'l quddiem u jkollha l-bibien miftuħa trid tibni liġijiet li jridu jkunu bbażati mhux fuq sempliċi kriterji arbitrarji, iżda fuq dawk il-prinċipji etiċi li jassiguraw il-ġustizzja soċjali u l-libertà.

8.         Uħud, fil-ġudizzji sommarji tagħhom jaħsbu li għax tiddikjara ruħek demokratiku-nisrani huwa xi xkiel fil-ħidma tiegħek bħala bniedem ta’ l-Istat, inkella li inti m’intix kapaċi taħseb imma inti maħkum minn xi forma ta’ fundamentaliżmu.  Il-verità hija li mertu tal-formazzjoni politika ta’ l-esperjenza ta’ kuljum sabiex tagħmel il-ġid lill-proxxmu u lill-komunità, kultant jaħarbilna dak li jitressaq minn diversi bħala soluzzjonijiet u għażliet.  M’għandix biża’ mill-ideat li nħaddan.  Nemmen fihom u nkejjilhom ma’ kull ġurnata, però m’jiniex maħkum iżda persważ.  L-Istat Malti huwa lajk u sekulari però l-politika li titmexxa trid tiġi ispirata minn fonti.  Fortunatament din hija ċara u identifikata.  Mhix ħaġa moħġaġa li ma tafx fejn trid tibda jew tispiċċa.  Aħna għandna partit stabbli fl-idejal demokratiku-kristjan.  Ħaddieħor għadu qed ifittex fejn sejjer iqiegħed ruħu.

9.         Is-soċjetà tagħna, minkejja kull kritika li ssirilha, hija waħda li tfittex li tara l-verità u l-fatti u mhux l-illużjonijiet.  Għalhekk nemmen dejjem iktar li hemm preferenza li l-politiċi wieħed ikun jaf x’jaħsbu qabel jiġu eletti, u mhux wara.  Fl-aħħar mill-aħħar, fl-għażla elettorali ċert li l-piż imur favur dak il-partit (li taqbel jew ma taqbilx miegħu) taf f’hiex jemmen minn dak li qed jiddikjara minn issa li ser idur skond ir-riħ.  Il-poplu jifhem li min għandu prinċipju jaf fejn hu miegħu u huwa lilu li jsostni bil-vot tiegħu.



Dan l-artikolu deher fil-harga tal-Mument tal-14 ta Frar 2010. 

Id-deċiżjonijiet mhux faċli




1.       Dak li jkun ser jiġi mwettaq fil-pajjiż għandu dejjem ikollu ħsieb warajh.  Mhux biss attenzjoni, kalkolu u għaqal però wkoll linja ta’ prinċipji etiċi li fuqhom wieħed jibbaża l-istruttura ta’ soċjetà.  Taqra d-diversi bnedmin bħalna li xtarrew l-Istat u kif għandu jiġi strutturat u nsibu diversi pariri interessanti.  Ibda minn Platun u kompli b’Aristotli – kollha ħabblu rashom sabiex jaraw jekk hux bil-monarkija, bl-oligarkija jew bid-demokrazija l-aħjar mod ta’ kif torganizza Stat.  Wara daħlu fil-fond fuq il-prijoritajiet li l-mexxejja magħżula għandhom jieħdu in konsiderazzjoni, fit-tmexxija tal-affarijiet tal-pajjiż.

2.       Dawn u diversi oħra raw li hemm sens li sabiex wieħed jibni sew irid jaħseb fuq qafas u linja ta’ prinċipju.  L-alternattiva għal dan huwa l-kaos, l-anarkija, it-taħwid u n-nuqqas ta’ ordni jew organizzazzjoni.  Illum il-ġurnata nerġgħu niġu f’dawn il-pożizzjonijiet b’movimenti ta’ għaġġla differenti.  Il-manipulazzjoni ta’ l-opinjoni pubblika hija verament iktar sofistikata u komplikata.  Hemm sfortunatament il-ħsieb li jekk persuni fil-politika jridu jieqfu jaħsbu u jaraw dak li qed isir dan huwa xi żball u anzi hemm in-neċessità li tgħaġġilhom billi tagħtihom x’jifhmu li l-poplu suppost irid deċiżjoni mod u mhux ieħor.

3.       Illum il-ġurnata l-politiku jsib lilu nnifsu diversi drabi ffaċċjat b’deċiżjoni fundamentali: jagħmel dak li jara li huwa sewwa jew dak li hemm uħud fil-gazzetti jsabbtu l-pinen tagħhom fuqha.  Il-politika, fl-esperjenza u minn dak li qrajt u rajt, titlob ferm iktar.  Titlob, żgur mhux forsi, formazzjoni interna sabiex ikollok boxxla ta’ dak li għandu jsir biex il-pajjiż jimxi 'l quddiem.  Diversi mumenti ttieħdu deċiżjonijiet li, fil-bidu, dehru “strambi”, “iebsa” jew “drastiċi” però maż-żmien il-perċezzjoni tagħhom spiċċat u ħarġet il-verità li kienu ta’ ġid sħiħ għas-soċjetà Maltija.  Biss, warajhom kien hemm bnedmin li kellhom il-kuraġġ jimxu fit-triq it-tajba kontra l-kurrenti kollha.

4.       Ma nemminx li nkunu qegħdin inservu skond il-ġurament li ħadna jekk naqbdu u ngħidu “iva” għal dak kollu li jiġi propost mingħajr ma neżaminaw sew is-sustanza u mhux l-apparenza ta’ dak li jingħad.  Mhux biss, imma anqas ma nkunu qed inġibu ruħna korrettement jekk kemm il-darba mmorru lura minn dak li aħna u minn dak li nemmnu fih.  L-ankri politiċi tagħna huma ċari, dejjem magħrufa mill-poplu u anzi, apprezzati.  Il-pajjiż, kif kull elezzjoni ġenerali tindika, jfittex li jagħti l-piż tar-responsabbiltà, dak is-salib, lil min għandu ideoloġija politika ċara u mhux imċajpra jew tal-konvenjenza.

5.       F’dan tajjeb li nirrikonoxxu wkoll li l-irġulija għandha tiġi apprezzata.  Meta l-politiku jmur lura minn dak li jemmen fih jew li jgħid, bil-quddiem li beħsiebu jabbanduna dak li suppost jemmen fih biex ikollu l-libertà li jagħmel li jrid, allura jitlef mill-punti elettorali.  Il-pajjiż anzi jammira u jsostni lil min għandu l-kapaċità li jipperswadi bl-użu tar-raġuni u li jkollu l-kuraġġ li jsostni ħidmietu, independentement mid-duħħan li jidher ġej għalih.

6.       Il-pajjiż tagħna baqa’ sa issa jfittex is-sewwa.  Baqa’ jrid jifhem u japprezza r-raġunijiet wara deċiżjoni u wara oħra.  Dan hu li jagħmilna, dak li aħna anke jekk min jikteb fil-gazzetti ma jifhimx biżżejjed.  Anzi, jaħseb li għandu quddiemu bnedmin li kull ma tkeskishom fuqu, jibilgħu.  Il-valur kbir ta’ dan il-pajjiż qiegħed fil-fatt li jagħraf li mexxejja vera huma dawk li jidħlu għad-deċiżjonijiet u mhux dawk li, minflok, jaħirbu mill-problemi b’soluzzjonijiet apparenti.

7.       Iva, fl-aħħar tal-ġurnata kulħadd jaf li d-deċiżjonjiet mhumiex faċli u għalhekk ħaqqu mertu min jaffrontahom sewwa.



 Dan l-artikolu deher fl-Illum tal-14 ta Frar 2010. 

Il-Partit Javvanza.



1.         Xi żmien ilu kont qrajt li l-mibki Aldo Moro, fil-bidu tal-karriera tiegħu kien ta’ l-opinjoni li kull partit demokratiku-nisrani jrid jassigura l-progress intern tiegħu billi jibdel id-diriġenza tiegħu stess.  Għalkemm fuq in-naħa l-oħra, partit tal-valuri nsara bħal tagħna m’għandux jibdel il-prinċipji tiegħu.  M’hemmx lok li jitlef ruħu billi jgħid li ser jabbanduna l-valur tal-libertà għal dak tal-libertinaġġ individwali jew li mhux ser jibqa’ dak li hu għax jaqbillu sabiex, suppost, iżid fil-voti.  Kif jgħidu: meta titlet imluħtek, tinxeħet barra u tispiċċa tintrifes.

2.         Fil-fatt, dak li kien parir għal għal Moro, baqa’ għalina linja ta’ gwida fil-ħidma tagħna bħala Partit Nazzjonalista fil-Gvern.  Meta tqis u tara l-persuni li kienu ġew eletti fl-1987 u tikkumparahom ma’ dawk ta’ l-aħħar Elezzjoni Ġenerali ssib li l-persuni fi ħdanna nbidlu sew.  Veru li għandna elettorat li, fil-maġġor parti tiegħu baqa’ jħares b’rispett kbir lejn il-bnedmin li, minkejja d-diffikultajiet li ffaċċjaw bejn l-1981 u l-1987 baqgħu ma ġiebux lill-poplu f’għawġ u nkwiet b’sentiment ta’ tpattija, però xorta saret bidla ġenerazzjonali.

3.         Għax ma’ kull leġislatura ffaċċjajna lkoll ir-realtà, il-fatt li nixtiequ kemm nixtiequ li żammejna l-istess, il-ħajja politika kienet titlob differenti.  Għalhekk bqajna rilevanti u bqajna nappellaw lill-pajjiż.  Il-poplu vvutalna għal daqshekk drabi għax ħadna ħsieb li ma nibqgħux imwaħħla imma mxejna ‘l quddiem.  Sitwazzjoni li għamilna mingħajr ebda sforz ta’ barra minn hawn, iżda bi proċess naturali.  Punt li l-Partit Laburista għad irid jibda jipprova jaffronta, bis-serjetà, jħares ‘il quddiem u mhux jibqa’ jmur fil-passat biex jimxi fil-preżent.

4.         Ovvjament, dak li ilu jsir u sar kien fih bilanċ intelliġenti.  Kull leġislatura rat bnedmin mill-grupp parlamentari jibqgħu u oħrajn jidħlu ġewwa ġodda.  Dan wassal għall-istabilità u paċi interna, kif ukoll assigura li l-memorja istituzzjonali, l-għarfien politiku u l-mod ta’ kif wieħed għandu jaffronta sitwazzjonijiet ma jintilifx.  Dan il-punt fil-pajjiż mhux kull partit fehmu, però fortunatament l-elettorat apprezzah.  Bir-rispett kollu, jekk taf li persuni li huma identifikati ma’ passat xejn pjaċevoli għall-eletturi, kif tista’ tibqa’, elezzjoni wara oħra, tippreżenta u tassigura li jibqgħu jiġu eletti?

5.         Din il-ġimgħa, bil-ħatra ta’ Louis Galea huwa wkoll fl-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea, wasal messaġġ iktar qawwi f’parti mill-votanti tal-pajjiż.  Il-verità li dawn kienu qed iwarrbu fil-ġenb (għax ma riedux jemmnu li ġenerazzjoni politika kienet għalqet il-kapitolu) ġiet lura quddiemhom.  Huwa, flimkien ma’ John Dalli u flimkien ma’ oħrajn qabel, ser ikunu ħarġu barra mix-xena politika bl-unuri u f’karigi li huma prestiġġjużi fuq naħa u li jistgħu jagħtu kontribut qawwi għalihom.  M’għandix dubju li huma t-tnejn ser ikomplu jżidu mat-tajjeb ta’ dawk ta’ qabilhom biex juru li, minkejja ċ-ċokon tagħna, nagħtu nies ta’ validità kbira li jagħmlu marka iktar qawwija minn dawk li jiġu minn Stati ikbar. 

6.         Il-vantaġġ tagħna bħala partit kien u jibqa’ dan.  Kapaċi nifhmu li jekk irridu nibqgħu nimxu ‘l quddiem, nibqgħu rilevanti għall-pajjiż, irridu ninbidlu.  Dan kien u jibqa’ wkoll l-ikbar sinjal ta’ progressività u, fl-istess ħin, moderazzjoni.  Il-partit ifittex u jsib demm ġdid anke jekk ma jkunx mill-bidu neċessarjament iffurmat b’mod sħiħ, però jkun hemm sabiex jiġi magħġun.  Is-soltu huma l-partiti fl-Oppożizzjoni li jagħmlu din il-qabża u, meta le, jibqgħu kif jgħidu l-Ingliżi “unelectable”.  F’dan il-pajjiż, il-Parit Nazzjonalista baqa’ jara l-poter bħala strument għas-servizz tal-proxxmu u mhux għalih innifsu.  Bqajna fil-Gvern, però b’mentalità ta’ Oppożizzjoni.  Il-partit jibqa’ rilevanti u tajjeb sakemm ma jabbandunax din it-triq.  Għalhekk nibqgħu navvanzaw, għalhekk nibqgħu partit rilevanti għax-xenarju politiku tagħna.


Dan l-artikolu deher fil-harga tal-Mument tal-5 ta Frar 2010.

Raġel u ħabib.



1.         Matul din il-ġimgħa tinbidel il-formazzjoni tal-Kummissjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea.  Il-proċess twil u metikoluż li permezz tiegħu s-sebgħa u għoxrin Membru jagħżlu kummissarju u l-iskrutinju sussegwenti ġewwa l-Parlament Ewropew jieħu ħafna ħin.  Issa ilna għaddejjin u kollox telaq is-sena li għaddiet bl-għażla għat-tieni darba ta’ José Manuel Durão Barroso bħala President.  Hemm Membri Stati li żammew il-kummissarju li kellhom, però diversi għażlu li jibdluh.  Fost dawn hemm Franza, li ma reġgħetx irrinovat in-nomina ta’ Jacques Barrot.

2.         Sirt naf lil dan ir-raġel appena ħadt il-ġurament ta’ Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern.  Fil-bidu, l-konoxxenza tiegħi tiegħu kienet limitata għal-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Intern tul numru ta’ presidenzi.  Dik Slovena, wara dik Franċiża, Ċeka, Svediża u issa dik Spanjola, b’kull darba ministri differenti u naturalment aġendi differenti wkoll.  Però l-eventi tas-sentejn li għaddew ġiebuni ferm iktar viċin tiegħu u stajt verament napprezza l-kwalitajiet tajbin tiegħu.

3.         Sakemm drajt il-mekkaniżmi u l-karattri ħassejtni tielgħa t-telgħa l-ħin kollu.  Kelli diversi problemi, l-aktar l-inkomprensjoni ta’ dak li li pajjiżna għadda u għadu, sa ċertu punt, għaddej minnu fil-kamp ta’ l-immigrazzjoni irregolari.  Fortunatament għalija, sibt spalla minn dan il-Viċi President li fir-realtà kien għadu kif daħal fis-siġġu kważi preċiż preċiż mal-ġurament tiegħi u dan għax kien laħaq flok Franco Frattini, li kien għadu kif ġie msejjaħ mill-Gvern Taljan biex ikun Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin.

4.         Mill-ewwel, Jacques Barrot kien laqatni għall-mod ċar u skjett li bih kien jesprimi ruħu fuq id-diversi direttivi u rakkomandazzjonjiet.  Mhux darba jew tnejn kont nisimgħu jiddikjara li ma jaqbilx ma’ l-opinjoni ta’ ministru jew ieħor, indipendentement minn fejn ikun ġej.  Fih kien jidher dejjem għad-dawl tax-xemx li għandu boxxla politika b’saħħitha.  Ma hemmx ċaqliq fuq il-valuri li jsawwru d-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali li jħaddan.

5.         Dan kien għalija ferm u ferm iktar evidenti meta huwa ġie f’pajjiżna għal jumejn twal u intensivi.  F’dawk is-siegħat kont miegħu għal ħafna ħin.  L-ewwel fid-diskussjonijiet bilaterali, wara fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni u Miftuħa.  Kelli nieħu diversi deċiżjonijiet xejn pjaċevoli, fosthom li ndaħħlu fl-agħar partijiet ta’ dawn il-postijiet sabiex min-naħa nesponih għar-realtajiet tagħna u mill-oħra biex ikun ċar u evidenti li ma rridx naħbilu assolutament xejn.

6.         Niftakar li kien ħass id-daqqiet tal-weġgħat ta’ dawn il-povri.  Ammirajtu bil-mod intelliġenti u uman li bih resaq lejn diversi minnhom.  Ikellimhom b’qalb miftuħa, jipprova jifhem x’sewwasew hija l-verità.  La beża’ minnhom u wisq inqas ma qagħad il-bogħod minnhom imma ried li jkun espost għalihom.  F’ħafna sens kien qed jagħti tagħlima lil dawk li kienu miegħu, inkluż lili.  Iktar u iktar li kien moħħu biex jifhem għala dawn telqu minn pajjiżhom, sejrin lejn l-Ewropa fuq vjaġġ verament perikoluż u diffiċli.

7.         Ma stajtx ma nħossx il-ħin kollu li Jacques Barrot huwa demokratiku-kristjan.  Dan kien aktar u aktar evidenti wara l-laqgħa li kellna mal-Kumitat ta’ l-Affarijiet Barranin tal-Parlament fejn il-kritika u l-attakk lejn l-Unjoni Ewropea kien ċar.  Niftakru aħna u sejrin lura sabiex jaqbad l-ajruplan li bih kellu jispiċċa fl-Istati Uniti għal diskussjoni oħra.  Tani elenku ta’ dak li ser jagħmel għalina waqt li qalli li kien qed japprezza ferm iktar il-pożizzjoni diffiċli ħafna li kont ninsab fiha bħala Ministru.

8.         Irrid ngħid li kull kelma li qalli, kull impenn li daħal għalih miegħi, wettqu mingħajr ebda titubanza.  Ħassejt fih politiku li mid-diskors ried mill-ewwel jgħaddi għall-fatti, mingħajr ma joqgħod lura.  Anzi, nista’ liberament ngħid li ma wettaqx iktar fis-settur mhux għax ma riedx hu, iżda għax ma sabx il-kollaborazzjoni li kien qiegħed jistenna.  L-impenn tiegħu rajtu iktar u iktar meta sejjaħ lili u lill-Ministru ta’ l-Intern Taljan Roberto Maroni għal-laqgħa ta’ rikonċiljazzjoni fi Brussell.  Xi darba għad nikteb fuq dan għax kienet esperjenza li ma ma nista’ ninsa qatt u li fiha, għal ħafna ħin, servieni l-fatt li kont qattajt għoxrin sena nikkumbatti ġewwa l-Qrati tagħna.

9.         Jacques Barrot baqa’ ħabib u bqajt nikkonsultah u nieħu l-gwida tiegħu fid-diversi mumenti li sibtni, sija fil-bidu tal-Proġett Pilota għalina kif ukoll fil-ħidma sabiex pajjiżna jkollu għandu l-Uffiċċju Ewropew għas-Sostenn fil-Qasam ta’ l-Ażil (EASO).  Konna niftehmu kważi mad-daqqa t’għajn u dan stajt nikkonstatah iktar u iktar meta kelli l-opportunità nħares lejn il-curriculum vitae tiegħu.  Huwa wieħed mid-demokratiċi-nsara Franċiżi li kienu parti mill-partit ta’ Robert Schuman, it-tielet fundatur ta’ l-Unjoni ta’ llum.  Fil-fatt kien Segretarju Ġenerali tas-Centre des Démocrates Sociaux għal perjodu twil.  Avukat fil-professjoni, elett diversi drabi u okkupa għal ħafna snin kariga ta’ Ministru.

10.       Minn nhar l-Erbgħa li ġejjin mhux ser jibqa’ fil-ħatra.  Floku nħatru żewġ kummissarji oħra.  Fortunatament għalija kelli x-xorti li nkun f’Toledo għall-aħħar laqgħa tiegħu u hemm, f’isem sħabi l-Ministri ta’ l-Intern f’jum u l-għada f’isem dawk tal-Ġustizzja, għamilt kelmtejn fuq ħidmietu sabiex insellimlu.  Kienet okkażjoni unika, f’diversi sensi.  L-iktar għax ħassejtni li qiegħed nirrikonoxxi li kemm kien ilu hu mxejna waħda u sewwa f’dawn is-settur.  Nhar it-Tlieta li għadda ċempiltu għall-aħħar darba billi l-għada kellu jagħlaq sninu.  Ħallejna lil xulxin bħala ħbieb li l-eventi tal-ħajja laqqgħuna fihom u bihom ħdimna għall-ġid tal-proxxmu.

Dan l-artikolu deher fl-Illum tal-5 ta Frar 2010.

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...