19.1.13

Raġel Jinġabar għand il-Ħallieq*




1.                 Sur Editur, nassigurak li nixtieq li din l-pinna li qiegħed nuża tiqfilha l-linka u ma nkomplix nikteb dak li qiegħed.  F’dawn l-aħħar xhur, id-dinja politika Maltija tilfet wisq bnedmin li taw servizz leali, onest u indiskuss lejn il-poplu f’isem l-ideali politiċi li ħaddnu.  Il-pinna tiegħi għadha sfortunatament taħdem, u friska bl-artikolu li ktibt biex nikkommemora lil Renato Agius Muscat, issa u qed nużaha nsibni b’dieqa u b’diffikultà sabiex nagħti ġieħ lil politiku ieħor ta’ kapaċità kbira, lit-tabib George Hyzler.  Nistqarr li nħoss fil-qalb tiegħi dieqa kbira għat-telfa ta’ dan il-bniedem mill-iktar ġenwin, onest u mimli bl-irġulija.

2.                 Sirt naf ta’ żagħżugħ lit-tabib Hyzler f’meeting pubbliku li fl-elezzjoni tal-1976 kont attendejt għalih flimkien ma’ missieri.  Imdawwar minn diversi persuni, lkoll segwaċi diretti tiegħu, laqagħni bit-tbissima ħelwa u tipika tiegħu.  Ġejt aċċettat bil-ferħ minnu f’dik il-ħbiberija li huwa kellu ma’ missieri u zijuwi, waħda meħuda lura fiż-żmien.  Il-familja Hyzler hija marbuta ma’ servizz miftuħ u kontinwu lil diversi persuni.  Ħidma politika, medika u soċjali li kienet immirata direttament lejn dawk li ma kellhomx, dawk li kienu fl-aħħar parti tas-soċjetà maltija ta’ qabel it-Tieni Gwerra Dinjija u wara, fi żmien l-Indipendenza.

3.                 George kien progressiv fl-ideat tiegħu, mimli ħeġġa u idejat.  Anzi, kull min b’xi mod iltaqa’ miegħu jaf li kien kollu miżuri ġodda, flessibbli u umani.  Niftakru membru parlamentari fl-Oppożizzjoni, fid-diversi dibattiti u diskussjonijiet li kienu jinqagħlu fl-Eżekuttiv tal-partit.  Kellu spirtu dinamiku fih, jidher impulsiv imma m’huwiex, attent għal dak li jkun għaddej, isegwi u fil-mument opportun kien jintervjeni sabiex jagħti l-opinjoni tiegħu li ħafna drabi kienet tkun diretta, anzi direttissima.  Kien ċar għal kull min kien ikun hemm li qalbu kienet hemm, kolonna tal-partit u jgħaraf dak li l-partit kellu bżonn jibdel sabiex jieħu fuqu r-responsabbiltà tal-Gvern.

4.                 Il-Partit Nazzjonalista, bħal kull partit ieħor, ħa l-ħin tiegħu sabiex jinbidel ta’ taħt fuq u jittrasforma ruħu f’wieħed li kien kapaċi jwieġeb għall-isfidi l-ġodda ta’ pajjiż.  Inbidel minn partit magħġun b’numru ta’ nies fil-Gvern għal wieħed kompletament differenti fl-Opposizzjoni.  Id-diffikultajiet sabiex il-partit seta’ jaħdem u jagħti sehem mill-posizzjoni li kellu ma kien faċli xejn.  Però George kien hemm.  Kien membru kostanti, preparat u fil-mumenti diffiċli ġewwa l-Kamra, partikolarment meta din kienet f’daqqa waħda tittrasforma ruħha f’boxing ring, hu kien ikun preżenti.  Il-kuraġġ u d-determinazzjoni kienu kwalitajiet, li f’ebda mument m’abbandunawh.

5.                 U kien hemm diversi deċizjonijiet politiċi li riedu jittieħdu f’dawk is-snin, li fortunatament ġew meħuda, u li bihom il-partit nbidel ta’ taħt fuq u pprepara ruħu sew għal dak li kien ġej.  George kien fuq n-naħa t-tajba, lest sabiex nimxu 'l quddiem u jgħaraf li hemm il-bżonn, inkella ma nkunux relevanti.  Niftakru ukoll fil-perjodu li għamel bħala membru fl-eżekuttiv parlamentari, fid-diversi karigi li sab ruħu fihom.  Preparat, attent u mimli b’dik il-ħeġġa li kien juri li ried l-affarijiet isiru, jinbidlu, jiġu riformati.  Għal qalbu dejjem kellu l-poplu li huwa rrapreżenta.  Ħadd ma jista’ jiċħad li hekk baqa’, anki wara li spiċċa mill-kariga politika sabiex jagħmel postu għall-għażiż ibnu.

6.                 Il-pinna tiegħi baqgħet tikteb u waslet fl-aħħar tagħha.  Hemm ferm u ferm iktar x’jinkiteb fuq dan il-bniedem, din il-kolonna tal-irġulija li sarraf il-bidla f’dan il-pajjiż.  Kellu hu l-mertu li jassigura li jingħaqad ma’ bnedmin oħra ta’ rieda tajba, onesti, altruwisti u li l-mibgħeda ma kellux lok fejn toqgħod.  Bl-intervent tiegħu, bil-ħidma li huwa wettaq dawn il-gżejjer ġew trasformati.  Sirna pajjiż verament demokratiku, wieħed li fuqu kibru l-ekonomija u s-settur soċjali.  Speċjalment anzi dak ta’ l-aħħar, fejn il-ġustizzja soċjali għalih ma kenitx slogan imma għodda kostanti ta’ ħidma.  Miegħu nitilfu ħafna.  Minn qalbi l-għomor lis-Sinjura tiegħu u lil uliedu.

* Dan l-artikolu qieghed jidher fit-tieni anniversarju mill-mewt ta Dr George Hyzler.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...