27.1.13

L-isfidi l-ġodda *





1.       L-eventi ta’ dawn l-aħħar ġimgħat qed iġibu konsegwenzi xejn faċli għal dawk li jridu jmexxu.  F’daqqa t’għajn rajna li ħafna mill-kunċetti, premessi, ħsibijiet u linji  politiċi u finanzjarji bdejna niddubitaw fuqhom mill-ġdid.  Qed nerġgħu, mingħajr ebda dubbju, nduru u naraw jekk kemm-il darba s-soċjetà tagħna fid-dinja globalizzata hux ser tibqa’ l-istess.  Ngħid li tgħallimna lezzjonijiet li wħud minna ħassewhom rivindikati fuq livell ta’ prinċipju.  Hemm għalhekk il-bżonn li naraw, l-ewwel, kif dan ser jaffettwa lid-dinja moderna u żviluppata; t-tieni, kif ser jolqot lill-pajjiżi li qegħdin fil-kategorija tat-tielet dinja; u t-tielet, kif dan ser jolqot lilna.

2.       Naħseb li dawk li kienu qed iħambqu u jirsistu li l-kapitaliżmu għandu effett veru fuq is-soċjetà meta mhuwiex kontrollat illum qed jindunaw kemm kellhom tort.  Għax fir-realtà l-kollass tas-sitwazzjoni bankarja ħa r-riħ darbtejn u m’hemmx dubju li magħhom hemm ukoll ir-reazzjoni għaż-żieda sproporzjonata fil-prezz taż-żejt u taċ-ċereali.  Kontra dan, jidher li l-ordni kienet li tipprova tbiegħ iktar għax il-ġenerazzjoni tan-negozju żżomm l-ekonomija għaddejja.  L-effett devastanti huwa li minn naħa tad-dinja ħafna pajjiżi marru fl-estrem l-ieħor.

3.       Il-kunċett ta’ privatizzazzjoni ħareġ waħda sew mit-tieqa.  Nibqa’ affaxxinat bil-kwantità kbira ta’ soċjetajiet bankarji li nxtraw u ġew nazzjonalizzati.  Pajjiżi li għamlu ż-żwiemel tal-battalja kontra l-kontroll ta’ l-Istat rendew sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontroll li  miegħu ġiebu abbuż.  Kienu jgħiduli hekk, li “l-poter jikkorrompi u li l-poter assolut jikkorrompi assolutament”.  Dan il-poter ingħata lil diversi persuni fin-negozju, speċjalment f’dawk il-korporazzjonijiet multi-nazzjonali li għandhom saħħa ekonomika daqs ta’ pajjiż ieħor.

4.       Kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea u barra li ma ħax ħsieb li jkollu, l-ewwel, duttrina li tħaddan il-kapitaliżmu però b’irbit kbir u attent għaliha u t-tieni, li ħadet ħsieb li jkun hemm regolatur effikaċi u nfurmat sab ruħu ffaċċjat bir-realtà li trid tintervjeni.  Jiġifieri, n-nuqqas ta’ intervent passat ġieb il-bżonn ta’ intervent.  Fortunatament f’dan il-pajjiż bnejna strutturi u istituzzjonijiet politiċi u ekonomiċi li qed iservuna.  Għax huwa interessanti kif pajjiż bħall-Islanda, li huwa pajjiż żgħir bħal tagħna, għadda minn esperjenza li ma kienet faċli xejn.

5.       Però huwa iktar vitali li fil-kriżijiet finanzjarji u ta’ natura qawwija hija neċessità li l-forzi politiċi jingħaqdu flimkien.  L-istorja ta’ l-Unjoni Ewropea hija li forzi politiċi, ġejjin minn pajjiżi varji ta’ ideoloġiji differenti, jsibu ruħhom ma’ l-istess mejda jaħdmu għall-istess għan.  Hekk ġara fid-diversi pajjiżi, ibda mill-Istati Uniti u ibqa’ ġew fl-Ewropa.  Il-partiti ingħaqdu sabiex jipproteġu l-kredibilità finanzjarja billi jissudaw dik politika.  Id-dipendenza bejn il-politika u l-ekonomija hija determinanti.  Waħda taħdem ma’ l-oħra, imma d-demokraziji jifhmu li l-libertà ta’ l-operabilità ġġib magħha kontroll.

6.       Dawn huma l-isfidi l-ġodda li rridu nikkunsidraw.  F’kelma waħda, l-attitudnijiet u l-kulturi passati lejn id-duttrini ekonomiċi; u t-tieni, lejn il-konfront politiku parlamentari jridu jiġu modifikati.  Il-globalizzazzjoni nistgħu ma naqblux magħha, nistgħu nippruvaw nirreżistuha, però l-effetti tagħha hemm qegħdin u rridu nwieġbu għalihom.  Anzi, huwa evidenti li dak li jseħħ f’pajjiż fin-negattiv jew bħala tweġiba għal dak li jkun għaddej ħażin jeffettwa immedjatament lill-oħrajn.  L-instabilità esterna kaġunata minn ħwejjeġ varji, fosthom ukoll l-irresponsabbiltà politika ta’ ħaddieħor, tista’ tiġi kumbattuta b’iktar attenzjoni u unità interna.  Il-politiku llum irid jikkonfronta ruħu.  Kull darba jara jekk l-aġir u d-diskors tiegħu jwassalx għal sitwazzjonijiet fejn il-kredibilità finanzjarja u politika titkisser jew titnaqqas.  Dan huwa xenarju li rridu nikkonsidraw.  Naħdmu għall-miri fit-tul u mhux fil-qosor.  Dawn jissudawna u jibnuna.

*Dan l-artikolu deher fil-Mument tat-12 ta Ottubru 2008.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...