1. Din il-kampanja elettorali għandha t-tajjeb u l-ħażin
tagħha. Għandha, fuq naħa t-tul, u fuq
in-naħa l-oħra l-qosor. Hija waħda li,
żgur mhux forsi, tibqa’ mmarkata b’eventi u ċirkostanzi barra mis-soltu. Fir-realtà, tant il-pajjiż ilu jħossu fi
klima li hija assoċjata mal-vot li għal ħafna hemm sens ta’ ripetizzjoni
żejda. Hemm min qiegħed iħossu li diġà
għarbel u diġà ddeċieda. Biss, dawn
il-jiem qed jgħadduh effettivament mill-ġdid minn dak il-proċess.
2. Il-kampanja hija itwal verament, però kien hemm bżonn li
ssir hekk. Il-bżonn li jkun hemm distakk
nett bejn il-klima politika diffiċli li għaddejna minnha lkoll u issa. Il-poplu rridu li nkunu ċerti li ħadd ma
jaħkmu, imma li jkollu l-opportunità vera li jifhem naħa u oħra. Il-Partit Nazzjonalista għadda minn waħda
mill-iktar leġislaturi diffiċli u kumplikati.
Ħadd m’għadda minn dawn l-esperjenzi u, ngħiduha, ma kienx hemm xi
manwal preparat ta’ kif wieħed jaġixxi.
Biss, irridu naċċettaw li hemm min jassoċjana ma’ dak li attwalment
ġarrabna.
3. Trid, jekk il-ġudizzju għandu jsir korrett, tagħmel
distinzjoni bejn il-bnedmin infushom fuq naħa u fuq l-oħra s-sitwazzjonijiet
straordinarji li kellhom jaffrontaw.
Il-valur tal-bniedem għandu jiġi valutat fih innifsu, fl-abbiltà li
jaffronta u li jieħu deċiżjonijiet tajba.
Jista’ jkollok grazzja jew antipatija għall-Prim Ministru però dan
m’għandux iżommok milli tqisu oġġettivament, ‘il bogħod mill-passjoni.
4. Jekk wieħed irid ikun ġust m’għandix dubju li jagħraf li dan
il-bniedem kellu min javversah u kellu sitwazzjonijiet straordinarji, però
xorta żamm lill-pajjiż u lill-poplu għaddej.
U hawn nista’ nixhed direttament fuq dak li għaddejna minnu fil-gwerra
ċivili Libjana. Id-deċiżjonijiet li
rnexxielu jieħu kollha jwasslu għal eżitu tajjeb għalina u għal dak
Libjan. Deċiżjoni żbaljata kienet iġġib
konsegwenzi diżastrużi. Il-poplu, f’dawn
il-jiem, jista’ almenu japprezza, jifhem u ma jiġrix fil-ġudizzju tiegħu. Jgħarbel sewwa dak li għaddejna minnu u,
fl-istess waqt, iħares lejn dak li ġej.
Jikkunsidra sew min ser ikun kapaċi jiġġestixxi u jamministra fil-futur.
5. Il-pożizzjoni ekonomika, l-iżviluppi soċjali mhux ser ikunu
faċli imma deċiżament imqallba. Dan
il-pajjiż, dan il-poplu kiber u wieħed irid abbiltajiet tajba u esperjenza biex
iżommu għaddej javvanza u ma jitlifx minn dak li għandu. Għandek kemm għandek intelliġenza, xorta
waħda meta tiġi għall-ħidma trid tkun ġejt imbaskat. In-nuqqas ta’ għarfien hawn, żgur mhux forsi,
jaf irid ibatih il-poplu tagħna.
6. Dak li l-poplu għandu quddiemu fil-jiem li ġejjin, żgur mhux
forsi, huwa determinanti. Hemm bżonn li
d-deċiżjoni tittieħed mhux malajr, imma b’attenzjoni. F’din il-kampanja differenti nawgura li dan
iseħħ għax hemm bżonn li ma nissugrawx immorru lura, iżda nimxu ‘l quddiem.
1 comment:
Tassew illi d-decizjoni hija wahda difficli ghaliex ix-xena hija wahda ambigwa. Meta wiehed jarbel sew dak li gara (li hu mgharraf dwaru) matul din il-legizlatura isib ruhu affacjat minn bosta mistoqsijiet, illi ftit li xejn jinstaghbu twegibiet ghalihom. Ikun aktar facli ghal dik il-persuna li ghandha kriterja personali fuqiex tibbaza l-ghazla taghha, milli ghal dawk li jixtiequ jaghmlu ghazla ghal gid komuni! Jonqos x'nisimghu, imma x'ser nemmnu? Nanticipa li jistá jkun il-kaz li f'din l-elezzjoni jkun hemm l-akbar ammont ta' votanti li jastjenu...
Post a Comment