27.1.13

Tajjeb li nibqgħu niftakru




1.         Din il-ġimgħa, partijiet fid-dinja reġgħu fakkru l-Jum tal-Memorja, x-Shoah.  Għaddew tant snin minn dak il-jum meta l-forzi Alleati sabu l-kampi tal-konċentrament Nażisti ta’ Auschwitz u Dachau u xorta nibqgħu soċjetà li tħoss il-bżonn li terġa’ tieqaf tirrifletti.  Għax it-trapass taż-żmien, għalkemm għal ċerti eventi tad-dinja, jservi sabiex inessi, jfejjaq u jirrikonċilja, dan ma jistax jgħodd għal dan il-ġenoċidju.  Kull min jerġa’ jieqaf jirrifletti u jara mill-ġdid u fil-fond id-diversi dokumentarji u kotba li nkitbu ma jistax ma jibqax impressjonat.

2.         L-atroċitajiet, is-sistema djabolika li biha sitt miljun persuna nqatlu ma jistgħux ma jżommukx tieqaf tirrealizza kemm iż-żerriegħa tax-xenofobija, tar-razziżmu u anti-semitiżmu hija perikoluża.  Aġir uman bħal dan theddida għas-soċjetà demokratika, għall-komunità ta’ bnedmin li jridu jgħixu f’ambjent, tessut li jirrispetta d-drittijiet u d-dinjità umana.  Dak li ġara fil-Ġermanja u fl-Italja huma eżempji ta’ kif popli twajba, ħawtiela, onesti bi prinċipji ta’ rettitudni, jispiċċaw jinħakmu minn populisti, persuni fuq il-lemin estrem u japprovaw dak li ma għandhomx.

3.         Dik l-esperjenza umana li għaddew minnha dawn il-pajjiżi Ewropej u li magħhom ġibdu storja sħiħa, eventi sħaħ mondjali li jkun żball kbir jekk ninsew.  Hemm verament bilanċ li soċjetà demokratika huwa mistenni minnha li tilħaq bejn id-dritt tal-libertà tal-espressjoni u, fuq in-naħa l-oħra, l-penalizzazzjoni ta’ diskors li jsir sabiex issaħħan, ixxewwex jew tinkoraġġixxi bnedmin oħra jaġixxu żbaljatament fil-konfront ta’ minoranzi.  Il-libertà tal-espressjoni hija dritt li kollha għandna, però mgħandniex nużawha sabiex inkabbru mibgħeda kontra dawk li mhumiex parti minna.  Dak li trid tgħid hemm diversi modi biex tesprimih.  Għalhekk hemm bżonn l-intervent tal-liġi, mhemmx dubju, u tul din il-ġimgħa fil-Parlament kelli l-opportunità li nressaq emendi għall-Kodiċi Kriminali apposta fuq dan.  Biss dan mhuwiex biżżejjed.

4.         Mhuwiex hekk għax hemm bżonn programm ta’ edukazzjoni u informazzjoni.  Ħidma li l-midja f’pajjiżna hemm bżonn li tagħmel.  L-ewwel, b’iktar dokumentarji, diskussjonijiet u analiżi għax għadni nara li fost il-poplu mhemmx biżżejjed l-għarfien kemm in-Nażiżmu u l-Faxxiżmu kienu żbalji li ma għandhomx jiġu ripetuti.  Għadni niltaqa’ ma bnedmin fuq dawn il-Gżejjer li jaħsbu li kien hemm xi forma ta’ vantaġġ u li anzi d-demokrazija hija b’xi mod lura fil-konfront tad-dittatorjati.  Qisu li d-demokrazija mhix valur, imma sistema inadegwata.  Dan huwa żball ta’ perċezzjoni li hemm in-neċessità li jiġi korrett b’dokumenti, fatti u informazzjoni li ħadd ma jista’ jagħmel b’mod iktar ċar u dirett daqs il-mezzi tax-xandir.  Hemm bżonn li jippreżentaw il-fatti b’mod ċar u li ma jħallix dubju f’ras in-nies.

5.         It-tieni, li nibdew naraw iktar awto-dixxiplina u kontroll minn min jikteb u jirrapporta.  Il-Kodiċi Kriminali huwa strument effikaċi ta’ kif tikkontrolla però huwa iktar faċli li min juża d-dritt li jesprimi ruħu, ma jisparlax.  Mhux biss, imma jkun hemm iktar għarfien da parti tal-edituri li ż-żerriegħa tal-mibgħeda razzjali trid tiġi miżmuma milli tieħu n-nifs, inkella tattakka d-demokrazija.  Huwa fl-interess tagħna li nkomplu ngawdu u nħaddmu l-mekkaniżmi kostituzzjonali li għandna mingħajr ma nitilfuhom.  L-esperjenza tat-Tieni Gwerra Mondjali għandha tfakkarna li d-diskors intolleranti ġieb fix-xejn id-demokrazija, qered diversi ħajjiet u ġieb miegħu straġi sħiħa.

6.         Għalhekk il-jum tax-Shoah mhuwiex sempliċi kommemorazzjoni favur il-Lhud, imma huwa jum tal-umanità kollha.  L-iżbalji qegħdin hemm u huma umani, però m’għandhomx jiġu tollerati għal xi forma ta’ ripetizzjoni tagħhom.  Naħseb li għad hawn min jibqa’ jidħak bih innifsu li ma ġara xejn jekk tħalli persuni fis-soċjetà jesprimu dawn is-sentimenti u nifhem dan għax ċert li ma qrawx u ma jagħrfux x’diżastru jistgħu jġibu.  Hemm bżonn nirreaġixxu u dan fl-ambitu demokratiku tagħna, inkella niġu fi kliem Martin Niemöller (1892-1984).

7.         Kliem li nħoss li għandi nerġa’ nfakkar għax fuqhom tinbena lezzjoni li ma nistgħux ninsew.  Anzi għandna obbligu morali u legali: “In Germany, they came first for the Communists, and I didn’t speak up because I wasn’t a Communist;  And then they came for the trade unionists, And I didn’t speak up because I wasn’t a trade unionist;  And then they came for the Jews, And I  didn’t speak up because I wasn’t a Jew; And then … they came for me … And by that time there was no one left to speak up.”

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...