11.1.13

Il-Vuċi fil-Kapitolu *




1.       Id-dinja demokratika li aħna niffurmaw parti minnha għandha għal vantaġġ tagħna l-użu tar-raġuni.  Ir-raġuni li ma tridx forza verament u mhux kulħadd jifhem kemm għandha piż fil-ħajja ta’ kuljum fl-istituzzjonijiet Ewropej.  Għad għandna l-mentalità, forsi Mediterranja, li deċiżjoni trid tittieħed minn persuna waħda u anzi l-possibilità ta’ ġabra ta’ bnedmin li jiddeċiedu f’daqqa ma hix ikkonsidrata.  Iktar minn hekk, “ħafna” huwa indikazzjoni ta’ konfużjoni u strument ta’ anti-deċiżjoni.  Dan wieħed mill-argumenti li bażikament jitressqu kontra s-sistema demokratika minn dawk li żbaljatament jaħsbu li d-dittatorjati huma xi vantaġġ.

2.       Għalhekk fiha ħafna x’torganizza u tibni sabiex tassigura li numru ta’ bnedmin ikunu kapaċi jiddiskutu, jifhmu u wara jiddeċiedu.  Il-parlamenti Ewropej u tad-dinja jafu dan xi jfisser u kemm fih attenzjoni u regoli preċiżi.  Imma anki f’dan, id-deċiżjoni tiġi meħuda fuq il-bażi ta’ maġġoranza.  Il-figuri, in-numru ta’ dawk li jaqblu jaqbeż f’mument il-konsiderazzjoni tar-raġuni.  Mhux kull vot tal-maġġoranza huwa assigurazzjoni ta’ deċiżjoni tajba, però almenu deċiżjoni ttieħdet.  Il-fatt li kamra tar-rappreżentanti qatgħetha naħa jew oħra mexxiet l-affarijiet.  Hemm volontà ġenerali u din ġiet stabbilita.

3.       Quddiem dan wieħed għalhekk jifhem kemm kien ta’ iktar diffikultà sabiex tibni għaqda bħall-Unjoni Ewropeja.  Għaqda ta’ pajjiżi li ġejjin minn realtajiet differenti li però stabbilew fuq livell ta’ Kunsill ta’ Ministri li, kemm jista’ jkun, id-deċiżjonijiet ikunu unanimi.  Mhux il-maġġoranza ta’ naħa jew oħra tapplika llum, iżda proċess li permezz tiegħu wieħed jiddiskuti, jevalwa, jara, jgħarbel u jagħti l-kunsens tiegħu.  Proċess li fih innifsu huwa wieħed twil.  Hemm trapass taż-żmien għax kull pajjiż Membru jħares lejn ir-realtà li huwa jiffaċċja, jara lejn x’inhuwa sejjer u jiddeċiedi xi jrid li jiġi modifikat u emendat sabiex iħossu ċert li jista’ jħaddem.

4.       L-istrutturi sħaħ ta’ l-Unjoni Ewropea inbnew fuq il-premessa li biex regola, liġi, direzzjoni ġdida taqbad tajjeb f’kull pajjiż hemm bżonn li kull pajjiż iħossu parti minnha.  Il-garanzija li direttiva ser tiġi applikata, interpretata u infurzata f’kull Stat, l-istess, tiddependi proprju minn dan.  Għalhekk ikun hemm ċertu żmien sabiex kull pajjiż jgħarbel sew.  Hekk ġiet assigurata l-linja tal-progress: dik tal-paċi, ta’ l-istabilità, tas-sigurtà u tal-libertà.  Għax hemm ma hemmx impożizzjoni, imma kull pajjiż, kull Stat Membru volontarjament u mingħajr id iebsa minn fuqu, jaċċetta.  Jagħraf il-bżonn ta’ miżura, jaqbel u jimplimentaha.

5.       Hekk fil-fatt ġara nhar il-Ħamis li għadda ġewwa l-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Intern.  Wara li konna ilna mill-1 ta’ Lulju niddiskutu u niddibattu l-Patt ta’ l-Immigrazzjoni u l-Ażil li l-Presidenza Franċiża ressqet, wasalna f’dokument li naqblu fuqu lkoll.  Dan għamilnieh volontarjament, kull pajjiż għaraf li fil-proposti u konsiderazzjonijiet li hemm jista’ jaħdem sabiex jipparteċipa fis-sħiħ fl-implimentazzjoni tiegħu.  Issa dan ma huwiex sempliċi dikjarazzjoni bħad-diversi li f’numru ta’ konferenzi li wieħed jattendi għalihom isib.  Dan huwa ferm u ferm iktar minn hekk.  Dan huwa l-inkarigu, id-direzzjoni, l-ordni ta’ ħidma li fuqu l-Kummissjoni hija mistennija li taħdem fix-xhur li ġejjin.

6.       Il-Patt huwa issa mhux dokument ta’ pajjiż wieħed jew ta’ ġabra limitata, iżda ta’ sebgħa u għoxrin.  Dawn kollha unanimament għażlu li jagħtu l-kunsens sħiħ tagħhom sabiex il-kontenut tiegħu jitwettaq mill-Unjoni Ewropea.  Dan sar volontarjament.  Minn rajhom għażlu li jidħlu għal dan il-proġett.  Pajjiżna ta s-sehem sħiħ tiegħu fid-diskussjonijiet.  Ma kienx hemm laqgħa li saret li ma ħadniex sehem fiha.  Il-vuċi fil-kapitolu tagħna użajnieha, bl-użu tar-raġuni.  Għalhekk fit-test li aħna, bħala Ministri responsabbli minn dan is-settur wasalna sabiex naqblu lkoll fuqu, jgħid li hemm bżonn mekkaniżmu li permezz tiegħu jkun hemm tqassim aħjar tal-persuni li għandhom dritt ta’ protezzjoni minn dawk il-pajjiżi membri li għandhom piż qawwi li ma jifilħux, bħalna, għall-oħrajn.

7.       Din hija l-għażla volontarja ta’ dawn il-pajjiżi kollha.  Għalhekk dak li qabel kienet biss l-aġenda nazzjonali li nibgħatu persuni umani mingħandna għal pajjiżi oħra fuq bażi volontarja u bilaterali issa saret waħda Ewropeja.  Hija issa parti mill-proġett ta’ l-Unjoni kollha kemm hija li titwettaq.  Dan huwa l-vantaġġ kbir li ġie issa reġistrat għaliha.  Ovvjament l-għażla partikolari ta’ min dawn ser jieħdu trid tkun waħda volontarja.  Għax pajjiż jista’ jippreferi li jieħu persuni minn reġjuni partikolari, jew li jitkellmu lingwa partikolari, jew li għandhom fidi partikolari, jew li għandhom membri tal-familja, jew snajja’ partikolari.  Il-kontra ta’ dan iġib biss sistema, mekkaniżmu li ma jistax jaħdem tajjeb.  Is-suċċess tal-proċess qiegħed proprju f’dan: li tħaddem bil-loġika l-affarijiet.  Dan huwa frott tal-ħidma ta’ l-użu tar-raġuni.  Jiswa għalhekk li għandna vuċi fil-kapitolu.  Jiswa sew.

 *Dan huwa artikolu li deher fl-2009.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...