29.6.12

Traffikar ta’ bnedmin

1.    Fid-dinja tal-lum, id-distanzi qsaru.  M’għadux daqshekk diffiċli sabiex persuni jmorru minn pajjiż għal ieħor.  Il-mezzi ta’ trasport huma tant veloċi li kull bniedem jista’ litteralment idur id-dinja f’ħakka t’għajn.  Imur min-naħa għall-oħra qisu m’hu xejn.  Trasport faċli, u hemm ukoll inqas diffikultajiet sabiex jinqasmu l-fruntieri.  Meta taqra d-diversi rakkonti dettaljatissimi ta’ vjaġġaturi fis-sekli passati tinduna dejjem iktar kemm l-affarijiet inbidlu.  Però, il-progress uman dejjem iġib miegħu vantaġġi u żvantaġġi.  Pajjiżna m’huwiex nieqes minn dan ix-xenarju, anqas.  Aħna llum, mertu tal-Unjoni Ewropea u b’mod dirett bil-ftehim li għandna taħt ir-regoli ta’ Schengen, niggarantixu aktar faċilitajiet għall-poplu Malti.

2.    Niftakar fi żmien mhux tant ’il bogħod meta konna ngħaddu minn passjoni biex, wara serbut nies, niġu mistoqsija diversi domandi mill-uffiċjali ta’ pajjiżi oħra r-raġunijiet tal-viżta tagħna f’arthom.  Ħafna Maltin u Għawdxin jafu li fil-passat kienu jiġu rifjutati u mibgħuta lura għax skont dak il-pajjiż Ewropew, min mar hemm mar għal xi raġuni ta’ xogħol, eċċ.  Nafu kemm studenti u gradwati ta’ dawn il-gżejjer sabu dawn l-intoppi u kumplikazzjonijiet.  Fortunatament illum, l-ewwel għax dħalna membri fl-Unjoni Ewropea u t-tieni, għax naqgħu taħt ir-regoli ta’ Schengen, il-ħajja hija aktar faċli.  Mhux biss, imma hemm ferm iktar dinjità milli kellna qabel.  M’għandniex niġu umiljati b’dak il-famuż ”passaport aħdar” li kien jixbaħ ħafna dak tar-rivoluzzjoni ta’ Ghaddafi.

3.    F’dan il-pajjiż ninsew dak li rnexxielna nakkwistaw.  Ninsew li, immorru fejn immorru fl-Ewropa u f’numru ieħor ta’ pajjiżi, il-karta tal-identità tagħna hija biżżejjed.   Lanqas passaport m’għandna bżonn.   U almenu għandna passaport avvanzat.  Wieħed prestiġjuż u mimli informazzjoni li jippermettilna mmorru anke fl-Istati Uniti tal-Amerika b’inqas diffikultajiet minn qabel.  Infakkar li anke taħt din il-leġislatura, sar sija d-dħul bl-ajru fiż-żona Schengen, kif ukoll l-iffirmar tal-ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerika.  Dan il-Gvern għamel ħafna xogħol li swielu l-ħin, li sfortunatament, mhux kulħadd japprezza, imma sar.  Sar għall-ġid tagħna lkoll.  Jixraq li nkunu stmati ta’ ċittadini Ewropej daqs l-oħrajn, mingħajr distinzjoni.  Dan sar mertu tagħna u mertu tagħna li għadna qegħdin inżommuh għaddej tajjeb.

4.    Biss mat-tajjeb, kif għidt, jiġi l-ħażin.  Jiġi f’diversi direzzjonijiet.  Meta tneħħi kompletament ċerti kontrolli fuq il-fruntieri tivvantaġġja wkoll lil min jabbuża fl-illegalità jew fil-kriminalità.  Settur mill-iktar delikat u li kostantement jitlob attenzjoni ġej mill-aspett tat-traffikar ta’ persuni għal skopijiet kriminali.  Prostituzzjoni l-ewwel, però mhux biss.  Hemm ukoll suġġetti oħra marbuta max-xogħol jew l-abbuż.  Pajjiżna wkoll, bħal oħrajn, isib lilu nnifsu f’dan il-kurrent ta’ trasport ta’ persuni umani fejn id-dinjità tagħhom ma tiġix rispettata.  Meta dħalt fl-Eżekuttiv, l-ewwel bħala Segretarju Parlamentari u wara bħala Ministru, sibt sitwazzjonijiet strambi.  Kellna, per eżempju, liġi li tikkundanna lil min jibgħat Maltin barra għal skop ta’ prostituzzjoni, imma ma kien hemm xejn fuq min iġib persuni minn pajjiżi oħra għall-istess skop.  Il-liġi għalhekk ġiet emendata.

5.    Tul din il-leġislatura ħadna ħsieb li nintroduċu numru ta’ reati ġodda marbuta mal-prostituzzjoni u l-pornografija tal-minuri.  Bħalma rajna wkoll li nikkontrollaw aħjar it-turiżmu orjentat f’din id-direzzjoni jew l-issolleċitar ta’ minuri minn fuq mezzi ta’ teknoloġija.  Dan għamel il-ġid, però kien iktar interessanti dak li dħalna għalih flimkien mal-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika sabiex ikun hemm programm iktar dettaljat u attent.  Attenzjoni sabiex mhux biss wieħed jikkuntrasta din il-kriminalità, imma jkollu iktar persuni preparati biex jifhmu jekk wara din l-attività illegali hemmx organizzazzjonijiet kriminali li qed imexxu kollox.  Il-vittmi ta’ dawn is-sitwazzjonijiet jitolbu aktar attenzjoni.  Il-kumplikazzjonijiet u l-mekkaniżmi sofistikati li jaħdem bihom il-kriminal f’din il-linja huma kbar.  Aġir bħal dan huwa legalment u moralment kundannabbli, gravi u m’għandux jiġi permess.

6.    Tul is-sena li għaddiet kelli l-opportunità li nidħol iktar mill-viċin f’dak li kien qiegħed isir.  Il-Gvern Amerikan kien ressaq numru ta’ preokkupazzjonijiet li kienu jitolbu ferm iktar taħriġ u ferm iktar preparazzjoni mill-forzi tal-ordni, kif ukoll minn numru varju ta’ dipartimenti.  Żammejt dan is-suġġett taħt għajnejja sabiex nassigura li nagħtu tweġibiet aħjar.  Taħriġ, diskussjoni u tibdil intern fil-Korp tal-Pulizija u fi ħdan il-Ministeru sabiex inwieġbu aħjar.  Da parti tiegħi ħadt ħsieb inressaq lill-Kabinett abbozz ta’ liġi – li ġie approvat – li fih żidna l-pieni u introduċejna reati ġodda sabiex naqtgħu qalb min jittraffika fil-persuni umani u, fl-istess ħin, lil min naqbdu nkunu nistgħu nipproċedu kontra tiegħu u jingħata dak li ħaqqu skont il-liġi.

7.    Fil-pajjiż naraw diversi persuni ta’ nazzjonalità barranija, uħud jiġu legalment u oħrajn le.  Uħud bil-baħar, bħall-immigranti irregolari, u oħrajn bl-ajru.  Mhux kull min jiġi qed jiġi għalhekk, ma hemmx dubju, però rridu nkunu iktar attenti sabiex min jiġi jew ikun ser jiġi abbużat minn din l-attività kriminali nkunu f’pożizzjoni li nipproteġuh.  Diġà sar xogħol kbir u l-Istati Uniti tal-Amerika rrikonoxxew dan fl-aħħar rapport tagħhom.  Biss hemm ferm iktar x’jista’ jsir.  Il-kollaborazzjoni tal-pubbliku f’dan hija dejjem essenzjali.  Il-Korp tal-Pulizija huwa llum ferm iktar preparat minn qabel u l-linji tiegħu, speċjalment il-linja 119, huma miftuħa għal min irid iwassal indikazzjoni jew rapport.  Il-pajjiż tagħna huwa miftuħ, liberu u hekk għandu jibqa’.  Iżda m’għandniex nippermettu li jkun hemm min jabbuża a skapitu ta’ dawn il-povri persuni.

28.6.12

Kunflitti passati – Cape of Good Hope

1.    Bħal diversi soċjetajiet oħra, aħna wkoll kundizzjonati fuq livell politiku.  Kundizzjonati mill-fatti passati nfushom u l-iktar mill-interpretazzjoni tagħna tagħhom.  F’dan, dak li seħħ ser jibqa’ ballun li jinxeħet min-naħa jew oħra tal-partiti politiċi, u fuq dan ma hemmx hafna x’wieħed jgħid.  Dak li ġara qabilna, jew li rajna jseħħ direttament quddiemna, jibqa’ fin-nofs.  Hemm diversi faċċati li jridu joħorġu l-ħin kollu.  Hemm dawk li jutilizzaw forom ta’ perċezzjonijiet  ta’ dak li seħħ sabiex iqajmu f’dak li jaħsbu f’rashom entużjażmu, żelu naħa jew oħra.  Viżjoni ta’ mumenti storiċi li jew jinħarġu mill-kuntest tagħhom inkella, jew flimkien ma’, jispiċċaw jiġu mpittra ma’ xi fażi politika tad-deheb. Kemm huwa għalija żbaljat li flok wieħed jaċċetta li kienu saru żbalji, minflok jiġu mfissra f’termini ta’ komportament tajjeb. Mhux talli ma tikkundannax imma talli tiġġustifika artifiċjalment u meta twettaq dan, sfortunatament terġa’ tikkundizzjona ruħhek li twettaq azzjonijiet ġodda li huma zbaljati.

2.    Fl-aħħar tal-kontinent Afrikan hemm punt imsejjaħ fid-dinja anglo-ewropea bħala “Cape of Good Hope”, Capo di Buona Speranza.  Fil-parti t’isfel nett tal-pajjiż ta’ Nelson Mandela għandek mument kritiku għal kull min ikun qiegħed fil-baħar.  Żewġ oċejani jiltaqgħu bil-forza tagħhom tal-ġurnata.  Kull baħri jagħraf li huwa l-iktar punt delikat, perikoluż sakemm tasal għalih u wara taqbżu.  Il-kaptan verament jittama li jaqbżu, fis-sogru materjali u fiżiku li fih u proprju għalhekk li l-Ispanjoli kienu sejħulu “Capo de los Tormientos”, Kap tat-Tempesti.  F’dan, ix-xenarju politiku tagħna jittrasforma ruħu kontinwament f’dawn ż-żewġ forzi oċejaniċi li jridu jaħbtu għal xulxin f’dan il-punt li minnu jridu jgħaddu diversi.  Daqqa jaqbżu u daqqa jinħakmu. Daqqa sejrin lejn l-lvant u daqqa lejn il-punent.

3.    Nagħraf dan is-sens stramb ta’ tribaliżmu fejn kull parti trid tirrepeti u ssostni, mingħajr ma hi stess tgħarbel interpretazzjoni passata ta’ fatti li seħħew.  Hemm abbuż morali u xkiel mentali f’dan il-proċess.  Insulti reklamati, allegazzjonijiet ta’ aġir żbaljat jitilgħu minn mument għall-ieħor miż-żewġ naħat tal-Kap tat-Tempesti.  Illum għandek diversi storiċi li għamlu ħilithom biex jixħtu dawl u aktar fatti minn dawk magħrufa fuq dawn it-tip ta’ aggravji.  Il-verità teżisti, però biex tanalizzaha u ssir tafha kollha hemm proċess twil li mhux neċessarjament tasal għalih kompletament, imma hemm qiegħed.  Fuq dan però hemm min jibqa’ jitma lis-segwaċi “fatti” li huma biss parti mill-interpretazzjoni tax-xenarju sħiħ.

4.    Il-passat insemmih, però rari ħafna fil-kuntest ta’ “tgħajjir” politiku.  Nemmen li qiegħed hemm, irid jiġi rispettat, imfakkar u mhux strumentalizzat.  Meta, kif ser nirreferi f’dan l-artiklu għall-passat, nassigura li nagħmlu b’impenn lejn il-fatti li rajt u li ġarrabt.  Hemm punt li għadu mhux superat f’dan il-kuntest.  L-eventi li seħħew bejn l-1981 u l-1987 huma f’memorja kollettiva.  Uħud fuq naħa, bħali, rawhom f’dak li kienu u huma.  Hemm però dawk li jridu jsibu raġuni ta’ interpretazzjoni pożittiva għal dak li ma kienx.  Hemm xkiel intelletwali fl-analiżi, fil-bżonn li wieħed jiġġustifika l-ħażin, inkella aħjar fil-fatt li ħadd ma jkun jista’ jaċċetta li partit żbalja minħabba n-naħa l-oħra.

5.    Il-poplu tagħna qiegħed maż-żmien jiddejjaq iktar minn dan il-proċess retrogradu li flok jersaq ‘il quddiem, jieqaf fil-passat.  Il-pajjiż għandu bżonn ta’ iktar spjegazzjoni li mhix kontrollata jew manipulata.  Le, m’hijiex kwistjoni ta’ Kummissjoni tal-Verità u Rikonċiljazzjoni ta’ Mandela u Desmond Tutu, imma ta’ pass iktar ‘il quddiem.  Il-maturità politika tista’ twassal għal dan ferm iktar malajr u direttament.  Għarfien aħjar ta’ punti ta’ opinjoni differenti fuq fatti li seħħew.  Naċċettaw mingħajr ma jsiru punti ta’ firda kontinwa.  Mhux anqas kwistjoni li ma tissemmiex, li tintilef, imma ta’ iktar verità, iktar oġġettività u lok ta’ riflessjoni sabiex dak li seħħ nassiguraw lkoll li ma jerġax jiġri.

6.    Forsi preambolu twil għalija li nersaq sabiex nirreġistra li nhar it-Tlieta, 19 ta’ Ġunju huwa l-25 anniversarju minn jum iswed għal pajjiżna.  Fl-1987, xahar wara l-elezzjoni ġenerali, ġabra ta’ persuni daħlu fil-Qorti, ħadu l-liġi b’idejhom u farrku, ħarqu u qattgħu kemm felħu.  Jum imsaħħab , b’xita qliel li fih il-Korp tal-Pulizija sab ruħu taħt il-Kmandant tal-Armata, wieħed li ġieb paraliżi ġenerali fil-pajjiż.  Mument meta kien hemm sens sħiħ fl-għaqda tal-ġustizzja u l-intern kontra kull illegalità, vjolenza u arroganza.  Kien dak il-mument, “Capo de los Tormientos”, għal pajjiżna. X’destin kien għalija u għal marti li kellna proprju f’dak il-jum iffissata d-data taż-żwieġ tagħna?  Jgħaddu s-snin u l-istess id, kundizzjonata mill-mentalità passata, nerġa’ nsibha lura ma’ saqajja.

27.6.12

Intervista fuq Newsdesk fuq Radio 101

Nhar it-Tnejn, 11 ta' Ġunju kont mistieden fuq il-programm Newsdesk immexxi minn Antoine Borg imxandar fuq Radio 101. Tkellimna fuq bosta suġġetti, fosthom fuq il-bżonn ta' politika ibbażata fuq is-serjeta u s-sustanza, il-pulizija u l-immigrazzjoni, filwaqt li rrispondejt għal bosta interventi li għamlu s-semmiegħa tal-istazzjon bit-telefon.

Nistedinkom tisimgħuh u tgħadduli l-ħsibijiet tagħkom.

Biex tisimgħu il-clip, ikollok bżonn il-plugin neċessarju, bħal Quicktime. Imbgħad kemm tagħfas fuq il-buttuna tal-"play"


26.6.12

Il-ħidma għas-sewwa tibqa’ ssir

1.    Fl-eventi politiċi ta’ dawn l-aħħar jiem rajt diversi sinjali li, fl-opinjoni tiegħi, jagħmlu minn dan il-poplu dak li huwa: wieħed speċjali u differenti.  Ngħid dan għax, għall-kuntrarju ta’ dak li jista’ jaħseb ħaddieħor, il-valuri li jagħmlu lil dan il-poplu, li huma parti mid-DNA tagħna, dawk insara, għadhom b’saħħithom.  Il-ġlieda għall-verità, għall-onestà u l-ġustizzja ma sparrixxewx, anzi huma f’qalb diversi.  L-elettorat jieħu inkonsiderazzjoni l-aspett ekonomiku tiegħu, però jiċċaqlaq fil-vot tiegħu naħa jew oħra skont min, fl-opinjoni tiegħu, jirrappreżentah għas-sewwa.  Il-Partit Nazzjonalista ilu, elezzjoni wara l-oħra, f’din it-triq.  Jiġi identifikat bħala dak li mhux biss iħares lejn l-aspett materjali, imma jara wkoll li fis-soċjetà jiġu miżmuma għolja dawn il-valuri.

2.    Fl-opinjoni tiegħi, partit jirbaħ jew jitlef elezzjoni skont kemm f’għajnejn il-poplu għandu fih bnedmin li lesti mhux biss jitkellmu, imma jissieltu għal dawn il-prinċipji.  Dawn l-aħħar erba’ ġimgħat sibtni, iktar minn qatt qabel f’għajnejn in-nies, espost għall-irwiefen kollha ta’ kull kritika u skrutinju.  Waqqfuni diversi, immur fejn immur, kellmuni u bqajt immarkat b’din l-esperjenza unika għal kull politiku.  Iltqajt ma’ ħafna li esprimew miegħi id-diżapprovazzjoni tagħhom għal dak li seħħ fil-Parlament.  Dak li qalu mhuwiex imwieled mis-simpatija jew antipatija fil-konfront ta’ min kien il-persuna li bata, iżda mill-fatt li s-sentiment ġenerali kien li saret inġustizzja, li fil-Parlament – il-post fejn għandu jsir it-tajjeb – sar il-kontra.

3.    Kull persuna tagħraf li hemm ġlieda kontinwa għaddejja fil-ħajja bejn it-tajjeb u l-ħażen.  Id-dinja tagħti minn kollox.  Biss il-preżenza tal-immoralità, tal-kriminalità, tal-illegalità, tal-aġir mill-iktar żbaljat, l-ewwel mhuwiex ġdid u t-tieni, m’għandux b’x mod jaqtagħlna qalbna.  Ngħid dan għax kull bniedem huwa msejjaħ biex jieħu pożizzjoni.  Jaf li inevitabbilment, il-ħajja tiegħu ser tqegħdu f’sitwazzjonijiet fejn irid jagħżel.  Bejn il-prinċipji u l-flus, bejn il-valuri u l-poter.  Irid jieħu pożizzjoni.  Irid ikun paċi miegħu nnifsu u anke jekk jaf li ser jitlef vantaġġi materjali, m’għandux imur lura imma jibqa’ jżomm lilu nnifsu strument għas-sewwa fis-soċjetà.  Għalhekk, jekk min huwa fuq in-naħa t-tajba ma jinżilx fil-kamp tal-battalja, allura jkun qiegħed jippermetti lil ħaddieħor jeħodlu postu.

4.    Il-ħidma għas-sewwa trid issir minn kull bniedem li jrid soċjetà u ħajja aħjar.  Kull ġurnata jrid jinvesti f’ħidma ta’ pedamenti li jwettqu l-ġid.  Azzjoni ħażina, jew meta xi ħadd jaħseb li l-prinċipju hemm “bżonn” li jiġi sagrifikat, ma jwasslux lejn il-frott.  Dan ngħidu mhux mill-aspett akkademiku, letterarju, iżda mill-esperjenza personali li din l-eżistenza sa issa għaddietli.  Il-ġlieda trid tibqa’ ssir b’kuraġġ, b’determinazzjoni u bil-perseveranza għax twassal għas-sewwa.  Il-vuċi tal-ħbieb varji li kitbuli u rawni kienet dik ta’ kuraġġ.  Kuraġġ, għax ilkoll nafu li għalkemm hemm mumenti meta l-forzi tal-ħażen jidhru trijunfanti, dan huwa biss temporanju.  Azzjonijiet tajba jirbħu u jwettqu l-ġid, dawk ħżiena jiskandalizzaw, iweġġgħu lin-nies u ma jħallu xejn warajhom.

5.    F’dawn il-jiem il-pajjiż, fil-maġġor parti tiegħu fehem li bħalissa għaddejja ġlieda għas-sewwa ferm iktar qawwija minn qabel.  Fehem ukoll li, sfortunatament, il-Partit Laburista ppermetta lilu nnifsu jiġi użat sabiex isiru azzjonijiet żbaljati.  Induna li b’dak li kien wettaq il-partit fl-Oppożizzjoni, kien qiegħed lilu nnifsu għas-servizz ta’ min irid iweġġa’, jaqta’ kundanna u flok qagħad lura, mexxa lilu nnifsu ‘l quddiem.  Ma hemm ebda raġuni taħt il-kappa tax-xemx li b’xi mod jistgħu jiġġustifikaw dan l-aġir żregolat.  Ħadd minn dawk li jridu s-sewwa ma huwa verament konvint li dak il-partit mexa kif kellu jimxi.  Għax kif tista’, bħala persuna umana, tkun konxju li ħaddieħor irid jagħmel att ħażin kontra ħaddieħor u xorta tibqa’ għaddej, qisu ma ġara xejn?  Ngħid jien: għad hemm xi forma ta’ kuxjenza soċjali u umana f’dak il-partit?

6.    Il-bniedem, jgħidu x’jgħidu dawk li huma materjalisti, għandu kuxjenza.  Il-bniedem għandu fih bilanċ li jurih liema att huwa ġust, u liema le.  Kif iġib ruħu, kif jaħdem fil-ħajja fis-setturi kollha tagħha, jiddependi minnu.  Biss issa, quddiem għajnejn il-pajjiż hemm ċar: l-ewwel, li l-Partit Laburista serva b’intenzjoni għat-twettiq ta’ azzjonijiet ħżiena; it-tieni, li tilef il-kuxjenza u l-valuri li xi darba kellu; it-tielet, li mhuwiex partit li jħares li jippreserva l-valuri jew li jissielet għalihom, u r-raba’, li bħal ma sar dan bl-iktar mod sfaċċat fil-Parlament, daqshekk ieħor ser għada pitgħada jkompli jsir kontra kull ċittadin ieħor.  Il-ġlieda għas-sewwa, għalhekk, trid tkompli ssir iktar minn qatt qabel b’urġenza akbar.  Trid issir minn kull persuna.  Għax il-poplu jrid jifhem li jekk ma jinżilx huwa wkoll fil-kamp tal-battalja għas-sewwa, ikun qiegħed iħalli li ħaddieħor iwettaq azzjonijiet ħżiena fil-futur.

25.6.12

Il-partit sod jibqa’

Dan huwa artikolu li ktibt f'il-Mument qabel il-vot dwar il-Mozzjoni fil-Parlament ta' nhar it-Tnejn, 18 ta' Ġunju.




1.    M’huma mumenti faċli xejn għal dan il-partit mimli bi storja, esperjenza u bnedmin li jafu xi tfisser il-ħidma għas-sewwa.  Għada nerġgħu naffrontaw mozzjoni nġusta oħra fil-Parlament.  Waħda li la għandha mis-sewwa , wisq u wisq inqas minn xi forma ta’ loġika demokratika, li tistabbilixxi preċedent mill-iktar perikoluż u mill-iktar opprimenti fuq il-libertajiet ta’ kull ċittadin ta’ dawn il-gżejjer.  Kollox qiegħed isir sabiex l-għan finali ta’ partit li ilu fl-oppożizzjoni jipprova jidħol, akkost ta’ kollox, fil-poter tal-Gvern.  Nikteb dan għax ma hemmx forma agħar ta’ politika minn dik li trid li l-mezzi l-ħżiena, illegali u immorali jiġu koltivati, aċċettati u użati għax hemm warajhom għan finali “sabiħ”. B’din il-linja politika, l-Oppożizzjoni fid-deżert kienet u qegħda turi li hemm għadha.

2.    Laqtuni f’dawn l-jiem kliem riportat minn Giovanni Moro, iben Aldo, fi ktejjeb tiegħu fejn jipproduċi dak li qal wara ħafna snin wieħed mill-kapijiet ewlenin tal-Brigate Rosse, Renato Curcio.  Huwa jgħid testwalment: “Lo sbaglio di noi brigatisti è stato solo uno; aver creduto a Macchiavelli che il fine giustifica i mezzi.”  (L-iżball uniku tagħna fil-Brigate Rosse kien; dak li emminna lil Macchiavelli (Nicolò) li l-fini tiġġustifika l-mezzi).  Dan hu li kull persuna, involuta b’xi mod fil-ħajja pubblika tal-politika, trid taħrab minnu.  Il-piż tas-serjetà, tal-politika t-tajba jitlob li wieħed ma jidħolx f’dawn it-toroq proprju għax l-istorja turi li l-konsegwenzi tal-aġir ma jwasslu għal ebda forma ta’ frott.  Mill-ħażen xejn ma jitwieled li jagħmel il-ġid lis-soċjetà jew lill-bniedem.

3.    Il-Partit Nazzjonalista fil-ħidma tiegħu l-bierah u llum jagħraf li għandu jħares fit-tul.  Jibni llum għall-futur tiegħu fil-pajjiż.  Jaf, għall-kuntrarju tal-partit fl-oppożizzjoni, li azzjonijiet żbaljati jibqgħu jkaxkru miegħu u jtebbgħulu l-immaġini u r-reputazzjoni. Proprju li għalhekk mhux lest li jaqa’ għat-tentazzjonijiet tas-sitt ħabbiet.  Il-partit jibqa’ sod u ta’ ispirazzjoni għax jibqa’ wieħed li jiġbed in-nies lejn is-sewwa.  Hekk kif il-poplu jipperċepixxi, jew agħar jara jsir ’il kontra, allura jitlef il-fiduċja.  Jitlef dik l-istima bażata fuq s-sewwa li f’dan il-partit titħares b’attenzjoni min-nies li jiffurmawh.  Attenzjoni f’żewġ direzzjonijiet: l-ewwel, fil-qalb u fil-moħħ tagħna li nikkomponuh preżentement u għalhekk temporanjament; u t-tieni, quddiem il-poplu fil-pubbliku, mhux biss fi kliemna imma wkoll f’ħidmietna.

4.    L-inkwiet, is-sitwazzjonijiet komplikati fil-ħajja ma jonqsux, wisq u wisq inqas f’dik politika.  Kull waħda tqiegħed lil min iservi fil-politika għall-eżami.  Kull ġurnata hija dejjem mimlija b’ostakli, sfidi li minnek trid kull darba tara jekk intix kapaċi jew le tħares lejhom u tegħlibhom.  Il-prinċipji li tkun ħaddant u t-tagħlim mill-esperjenza ta’ kull jum iwassluk fit-triq it-tajba, li dejjem hija iebsa.  Kemm, fuq in-naħa l-oħra, huwa faċli li ssegwi l-pariri ta’ Nicolò Macchiavelli.  Tista’, u diversi jaqgħu f’din il-linja, li biha tipprova tiġġustifika artifiċjalment billi tgħid li l-politika l-“kbira” titlob li tagħmel aġir żbaljat lil dak u lill-ieħor.  Anzi, nafu d-dinja li meta dawn l-persuni jaqbdu din it-triq, allura jmorru ferm u ferm agħar.  Jibgħatu  l-messaġġ li hemm bżonn li tkun żbaljat.  Li ma hemmx bżonn ta’ aġir sew - l-importanti taħtaf il-poter u żżommu f’idejk, jiġri x’jiġri.

5.    Il-kontroll u d-dixxiplina fuqek innifsek jitolbu li qabel taġixxi tqis sewwa u dak li tkun qiegħed twettaq ikun sew, sija fil-metodu kif ukoll fil-fini.  Dik hi l-ġlieda iebsa tal-irġulija.  Dik hi li tiddistingwi lit-tfal li jħarsu lejn il-poter bħala ġugarell u dawk li jgħarfu li l-politika hija responsabbiltà għax tmiss lill-bniedem.  L-ispina dorsali hija ferm iktar soda f’dan il-partit għax ma naqgħux għall-iżball li ngħażlu t-triq il-faċli.  Dik li minnha, meta niħduha, nintgħażlu kull darba.  Niddistingwu ruħna bħala bnedmin li għandna kwalitajiet aqwa, li tajjeb li l-poter jiġi fdat lilna.  Għax fil-verità, l-elettorat irid li pajjiżna jitmexxa minn persuni onesti, li m’humiex lesti li jagħmlu azzjoni ħażina biex juru li huma xi forma ta’ politiċi qawwija u li ser jibqgħu jissemmew fl-istorja.

6.    Il-valuri tal-partit huma bażati fuq il-prinċipji demokratiċi nsara tiegħu.  Dawn huma l-kalatura u l-kalamita għall-vot.  Il-poplu, f’elezzjoni għandu varjetà ta’ raġunijiet li fuqhom jagħżel partit minn ieħor.  Biss, il-maġġor parti tiegħu tħares lejn dak li l-partit jirrappreżenta fil-linji politiċi tiegħu.  L-ekonomija hija importanti, ma hemmx dubju, imma l-poplu qabel jivvota jħares iktar viċin lejn il-valuri, lejn l-irġulija, lejn l-onestà u l-bżulija li partit iħaddan gewwa fih.  Dan hu li rebbaħ lill-Partit Nazzjonalista f’kull elezzjoni ġenerali.  Iktar ma jibqa’ sod f’din id-direzzjoni, iktar jassigura li jkollu l-appoġġ popolari li jrid jara li f’dan il-pajjiż jirrenja s-sewwa.  Tirrenja l-forza li tħares li sija fil-metodu, sija fil-fini, tkun ġusta u mhux immorali. Mozzjoni bħal dik ta’ għada kullhadd jaf li qatt ma kienet ser tiġi minn ħdan dan il-partit. Il-pajjiż jagħraf li n-naħa l-oħra tal-Kamra lesti li jkomplu fuq l-eżempji l-ħżiena tal-passat u jerġgħu jagħmlu dak li ma għandhomx.  Għalhekk, f’dan kollu ċert li l-poplu jaf jgħarbel u ma tidħaqx bih għax jaf fejn huma s-sewwa u l-ġustizzja.  Proprju għalhekk m’għandniex inċedu, imma nibqgħu partit sod fi twemminu w azzjonitu.

20.6.12

Intervista fuq radju RTK

Nhar is-Sibt li għadda, is-16 ta' Ġunju ġejt intervistat mill-ġurnalista ta' esperjenza u brava ta' Radju RTK, Josianne Camilleri, waqt il-programm tagħha Fil-Fond tal-Aħbar. Tkellimna fuq bosta suġġetti fosthom l-immigrazzjoni, il-ħabs u l-ġustizzja.

Nistedinkom tisimgħuha u tgħadduli l-ħsibijiet tagħkom.

Biex tisimgħu il-clip, ikollok bżonn il-plugin neċessarju, bħal Quicktime. Imbgħad kemm tagħfas fuq il-buttuna tal-"play"


18.6.12

Il-bidla kulturali

L-Imħallef Robert Mangion. Ritratt: timesofmalta.com
1.    Ħadt pjaċir tul din il-ġimgħa nara żewġ Imħallfin ġodda jibdew il-ħidma tagħhom fil-qrati tagħna.  Ix-xogħol ta’ ġudikant, fih innifsu, m’huwiex faċli.  Il-liġi tkun tafha, issir parti minnek, però li wara ssib lilek innifsek mhux li tiddefendi parti imma li trid tiġġudika fuq l-oħrajn mhix sempliċi.  Li tagħraf min qiegħed jgħid il-verità mill-komportament tiegħu, mis-sustanza ta’ dak li jintqal minn diversi punti oħra fih x’wieħed jomgħod.  Mhux biss, imma l-iktar diffiċli u impenjattiv hu li tagħraf fejn hi s-sewwa, li titlaq il-bilanċ tal-ġustizzja ġewwa fik biex tiddeċiedi kif għandek.

2.    Il-ħidma ta’ persuna li trid tamministra l-ġustizzja mhix faċli u qegħda taħt l-iskrutinju tal-partijiet.  Kull min huwa midħla tal-qrati jagħraf li ma’ kull każ, parti tista’ toħroġ sodisfatta u l-oħra le.  Ftit huma dawk li meta l-każ jinqata’ kontra tagħhom jesprimu rikonoxximent.  Għalhekk, il-piż u r-responsabbiltà umana u istituzzjonali, jikbru.  Kull persuna tista’ tagħti ġustizzja umana, però taf li min qiegħed quddiemha f’kawża, ġustizzja perfettissima jrid u jippretendi.  Il-pressjoni hi verament qawwija u kull min jaħdem hemm jaf li dan hu post xejn komdu, mimli b’kumplikazzjonijiet u intoppi varji.

3.    Li tkun persuna li għexet u ħadmet fit-tul ġewwa l-qorti tgħin sabiex tifhem l-atmosfera u l-mekkaniżmi li hemm li ma jidhrux.  Meta xi ħadd minn barra jersaq jaħseb li hemm xi soluzzjoni faċli għal dak li kuljum ikun qed jiġri hemm ġew, ikun qiegħed jiżbalja.  Kull pass jew miżura trid issir b’attenzjoni u mhux bl-għaġġla, fejn dak li jkun qiegħed isir jiġi perċeput bħala impożizzjoni.  Diversi miżuri li ntroduċejt ġewwa s-sistema ġudizzjarja kellhom risposti varji.  Uħud ġew użati mill-ewwel b’faċilità, oħrajn ferm inqas.  Il-kejl mhux tant f’dak li qiegħed isir imma f’kemm minnu qiegħed jaħdem, l-operaturi legali kemm huma lesti li jutilizzawh.  Iridu jkunu konvinti huma wkoll, inkella dak li jsir hemm jibqa’.

4.    L-għodda legali tista’ tidher għal uħud bħala drakonjana jew ta’ barra mis-soltu, però almenu diġà qegħda hemm.  Diġà qegħda f’postha, preparata għall-futur meta l-kultura tinbidel.  Il-kultura legali hija, diversi drabi, il-barriera li ma tippermettix ċaqliq ‘il quddiem.  Hemm ċerta reżistenza li tiġi separata fiż-żmien.  Artikolu, mekkaniżmu legali ġdid li jkun hemm fil-Kodiċijiet u l-liġijiet tagħna jista’ jitħalla rieqed u mhux użat, sakemm il-klassi legali tiddeċiedi li tibda tħaddmu.  L-importanti hu li dan diġà qiegħed f’postu għad-dispożizzjoni futura ta’ min irid jagħmel użu minnu.

5.    Dan huwa proċess normali f’kull sistema ġuridika mad-dinja.  Ma jsirx tibdil drastiku imma wieħed gradwali.  Ħadt pjaċir fuq dan naqra l-analiżi tal-Imħallef Robert Mangion, li għandu snin ta’ prattika sew dwar dak li sar ġewwa l-qrati fl-aħħar snin u dak li qiegħed iressaq għall-konsiderazzjoni.  Dan huwa minnu nnifsu proċess salutari.  Mument ta’ riflessjoni għal min ħadem sew fil-qrati u issa ser jibda l-ħidma fil-Ġudikatura.  Ħsieb fuq dak li għadda, preparazzjoni għal dak li ġej.  Smajt, fil-karriera tiegħi, diversi diskorsi magħmula f’dik l-okkażjoni u ma nistax ma ngħidx li qed nara dejjem iktar kuraġġ u determinazzjoni sabiex l-amministrazzjoni tal-ġustizzja tinbidel dejjem għall-aħjar.

6.    Mid-diversi punti li ġustament tqajmu, rajt enfasi mogħtija lill-medjazzjoni.  Pajjiżna ra l-introduzzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu ftit snin ilu, meta ġie fis-seħħ b’liġi li ressaqt u li permezz tagħha twaqqaf iċ-Ċentru tal-Medjazzjoni għal Malta.  Il-medjazzjoni hija mekkaniżmu legali li jippermetti lill-partijiet fi kwistjoni legali jaslu fi ftehim, minflok jgħaddu mit-triq ta’ kawża.  Dan diġà qiegħed parti mil-liġi tagħna.  Sistemi legali oħra għad iridu jdaħħluh.  Li hemm bżonn huwa li jsir użu minnu.  Użu intelliġenti billi l-qorti tagħraf li għandha tara liema huma l-każijiet li jistgħu jiġu konklużi bi ftehim u dawk li tant huma mimlija truf u kkumplikati li ftehim huwa impossibbli.  Żgur mhux forsi, huwa salutari u ta’ avvanz għas-sistema tagħna li aktar ġudikanti qed jagħrfu li l-kultura legali trid tinbidel sabiex is-sistema legali tagħna tkompli tavvanza.

14.6.12

Kemm għad fadal xi jsir

1.    Tul l-aħħar ġimgħa, ix-xenarju politiku f’pajjiżna kien determinanti sabiex jiftaħ l-għajnejn ta’ dawk li jridu jaraw.  Ta’ dawk id-diversi fil-komunità li għadhom iħarsu lejn il-valur tal-politika nadifa.  Tul kemm ili naħdem f’din l-għalqa, assigurajt kull darba li nkun parti minn dan il-moviment salutari li permezz tiegħu nieħdu ħsieb li l-politika ssir sewwa.  Il-politika ta’ sustanza ssir billi jkollok persuni ppreparati u ffurmati għaliha.  Ir-realtà attwali li ħarġet ferm iktar fil-beraħ qed tibni lilha nnifisha fuq il-fatt li l-partiti għandhom fi ħdanhom persuni li qegħdin hemm għax suppost iġibu l-voti.

2.    Kull partit politiku jrid jagħżel tajjeb il-kandidati tiegħu.  Kull partit, anzi, għandu dmir lejn l-elettorat li jassiguralu li lil min qed jippreżentalu għall-vot u l-kunsens tiegħu huwa tajjeb.  Nippreferi dejjem inqas nies b’iktar sens u sustanza milli nissugraw bil-ħafna esperjenzi li finalment u direttament iħammġu l-immaġini tal-partit.  Għaddejt snin inħambaq fuq dan u m’għandi ebda intenzjoni li noqgħod lura proprju issa.  Nemmen fil-politika li hija strument tajjeb għall-ġid u r-riforma tal-poplu u l-kuxjenza tiegħI mhux ser tagħtini li dan il-bżonn ma nwasslux.

3.    Aħna partit li għandu vantaġġi kbar f’dan ix-xenarju.  Aħna partit li għandu valuri li huma demokratiċi nsara.  Jiġi elett fil-Parlament u jiġi fdat bir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-Istat proprju minħabba dan l-element.  Jekk ikun hemm min jaqta’ qalbu, min iċedi, min jaħseb li mhux prattiku li nkomplu nimxu sew f’din it-triq ikun qiegħed jiżbalja.  Ħadd m’għandu jieħu għalih.  Irid l-ewwel jiġi approvat mill-partit mhux fuq bażi ta’ formalità, imma fuq jekk huwiex verament preparat jew le.  Inkella ma nibqgħux li aħna, imma nsiru dak li jaqbel f’mument partikolari.  Nitilfu kull differenza minn ħaddieħor u s-sustanza ta’ mluħitna.

4.    Irridu niġġieldu għall-politika t-tajba.  Irridu nuru li ma fihiex diżunur li taħdem fiha, wisq inqas li hija xi art li fiha jidħlu dawk li m’għandhomx.  Irridu nħajru aktar nies tal-affari tagħhom biex jidħlu f’din l-għalqa.  Il-politika hija għodda għas-sewwa u mhux għaliha nfisha.  Jekk il-poter ma tikkontrollahx issib lilek innifsek maħkum minnu.  Il-poter jaf jittrasforma ruħu f’mostru tant b’saħħtu li l-bnedmin jiġġustifikaw kull azzjoni ħażina sabiex jew jakkwistawh jew inkella jippruvaw iżommuh.  Sfortunatament, l-istorja taċ-ċiviltà umana hija miżgħuda b’eżempji ħżiena ta’ nies li tilfu r-raġuni u l-kuxjenza biex jieħdu l-poter politiku tagħhom.

5.    Għandna ferm iktar x’nagħmlu f’dan il-partit tagħna sabiex nissudawh iktar.  Il-fiduċja tal-poplu tikber fina skont il-kandidati tagħna.  Tikber għax il-Partit Nazzjonalista assigura dejjem li jagħti lura lill-pajjiż miżuri tajba mhux reazzjonarji.  Proprju fuq dan li aħna għandna partit li għandu kap tajjeb, wieħed mimli b’ideat u valuri li jġibhom fis-seħħ.  Lawrence Gonzi huwa l-bniedem li f’dawn id-diffikultajiet baqa’ jżomm lilu nnifsu sod.  Baqa’ ppreparat għal diversi eventwalitajiet.  Prim Ministru li ra quddiemu dak li ħadd qablu ma ra.  Il-kriżi ekonomika, il-gwerra ċivili Libjana u issa dak li qiegħed iseħħ u jiżviluppa fil-Parlament.  Proprju għax huwa persuna ffurmat u ppreparat tajjeb li baqa’ għaddej jaħdem u jagħti lura l-frott.

6.    Għalkemm m’għadnix nokkupa iktar il-kariga ta’ Ministru, rrid nassigura lilkom il-qarrejja tagħna li ser nibqa’ impenjat naħdem u nassisti fil-partit.  Impenjat sabiex minna ssir is-sewwa.  Sabiex inkomplu naħdmu biex dan il-poplu jkollu tmexxija tajba.  Ikollu tmexxija li tiggarantixxi li l-bniedem huwa ċ-ċentru tagħha.  Tassigura li l-valuri umani, id-dinjità tal-bniedem ma jiġu qatt issagrifikati fuq l-artal tal-politika żbaljata.  Għad fadlilna ħafna x’nagħmlu, ma hemmx dubju.  Għalhekk inħajjar iktar lilkom tersqu ‘l quddiem biex tgħinu f’dan il-proġett importanti.  Inkomplu nissudaw il-valuri demokratiċi nsara tagħna.  Inkomplu nkunu ta’ servizz għan-nies.  Inkomplu naraw li l-pajjiż jibqa’ jkollu tmexxija onesta, determinata u ppreparata.  Tmexxija tal-Partit Nazzjonalista li tipproteġi u tkabbar il-ġid u mhux li tkisser dak li għandna.

11.6.12

Ħidmet il-Gvern

1.    F’dawn is-snin naħdem direttament u internament fiċ-Ċivil ta’ pajjiżna nħossni fid-dmir li nagħmel ftit punti ta’ riflessjoni.  Ma kenitx faċli, nammetti, li minn avukat naħdem u nfendi għal rasi bl-inqas spejjeż amministrattivi possibbli, li nsir parti miċ-Ċivil.  Meta kont ġejt naħdem bħala Segretarju Parlamentari nammetti li ma kelli ebda forma ta’ idea dwar s’xer niltaqa’ verament miegħu f’dan is-settur li l-ħin kollu nirreferu għalih bħala “iċ-Ċivil”.  Qabel dħalt f’dak l-ewwel uffiċċju ġewwa Casa Leoni f’Santa Venera kelli biss impressjonijiet imħallta tiegħu, bejn pożittivi u bejn negattivi.  Ovvjament, dawn kienu osservazzjonijiet imwielda mill-operat legali.  Ma stajtx inqis dawn il-bnedmin minn kif iwieġbu u kemm iwieġbu malajr għall-ittri varji li bħala avukat kont nibgħat.  Altru ħidma normali u altru tara kif ser issib soluzzjoni għad-diversi ogħqiedi li kien ikun hemm.

2.    Niftakar it-tieni jum li dħalt ippreparat għax-xogħol, anzi mimli entużjażmu għalih, quddiem l-ewwel uffiċjal għoli nitlob li l-kompjuter li kien ħalla warajh George Pullicino jiġi nstallat biex nibda naħdem.  Kien tani l-ewwel daqqa: “Isma’, hawn fiċ-Ċivil qiegħed.  L-affarijiet ma jsirux malajr.”  Ma tantx imtlejt b’ammirazzjoni għal dik it-tweġiba u kif kien mistenni, spiċċajt nitlef rasi u minn hawn u minn hemm sa tmiem il-ġurnata kelli kollox installat u lest biex nibda naħdem.  Biss, minn hemm bdejt biċċa biċċa nifhem dak kollu li kien hemm bżonn biex naħdem ma’ dawn il-persuni li għalihom jien kont magħhom temporanjament – wara jiġi ħaddieħor.  Jien nitlaq, huma jibqgħu.

3.    Nammetti wkoll li l-bidu ma kienx faċli anqas għax Segretarju Parlamentari, f’ħafna sens jibqa’ s-Segretarju u mhux iċ-ċentru.  Iċ-ċentru kien u jibqa’ dejjem il-Ministru, minn liema fonti tinħareġ id-direzzjoni u tintrefa’ r-responsabbiltà.  Domt biex fhimt dan.  Domt biex bdejt ninduna li fiċ-Ċivil hemm talenti varji.  Uħud eċċellenti, mentri oħrajn mhux daqshekk.  Il-ħidma ta’ kuljum kienet bdiet tressaqni naħdem inevitabbilment magħhom.  Daqqa fuq ħaġa u daqqa fuq oħra.  Minn hemm bdejt nagħraf kemm xogħol jista’ jsir jekk iċ-Ċivil ikun verament miegħek fir-ruħ u fil-ġisem.  Fhimt il-moħħ amministrattiv.  Mill-ewwel jurik li dak li qiegħed tipproponi huwiex ser jirnexxi, jew le.

4.    Bdejt nara direttament il-kwalitajiet tal-persuni inkarigati u naħdem magħhom.  Għaraft li ċ-Ċivil kien mimli b’persuni kawti, imma intelliġenti.  Bnedmin li huma għas-servizz tal-poplu, li jgħarfu li diversi mumenti ser isibu ruħhom ikkritikati, bil-biża’ kontinwa li dak li qiegħed isir jista’ llum jew għada jispiċċa parti integrali minn xi kontroversja politika tas-sitt ħabbiet.  Iċ-Ċivil jagħraf li hemm ir-regoli amministrattivi li jrid isegwi.  Mhix kwistjoni ta’ dewmien imma ta’ korrettezza.  Jekk hemm bżonn ta’ iktar nies, ta’ xi proġett, wieħed irid isegwi proċess burokratiku imma pożittiv li permezz tiegħu l-volontà politika tiegħek tista’ sseħħ u dan mingħajr il-biża’ ta’ kritika għax koperti.

5.    Ġarrejt f’dawn is-snin dell tqil miegħi.  Ridt noqgħod doppjament, anzi ferm iktar, attent.  Tant drajt iċ-Ċivil li jien stess kont ninsisti magħhom li l-proċeduri jridu jiġu segwiti fid-dettalji kollha tagħhom.  Ma ridt li jkolli xejn anti-Ċivil u kollox kellu jkun konformi mar-regoli.  Dan seta’ jsir b’iktar kjarezza.  Iċ-Ċivil, meta jaħdem mal-politiku li jagħraf l-importanza li tal-ewwel ikun kopert u ma jkunx hemm sogri għalih, jaħdem aħjar.  Mhux biss, imma daqshekk ieħor li wieħed ma jippruvax jaħdem mad-Diretturi Ġenerali, Diretturi, eċċ bil-pilota awtomatiku.  Billi tibgħat l-ordnijiet minn wara l-iskrivanija bl-istess metodi li bihom kienu jagħtu l-impressjoni li qed jaħdmu d-dittaturi tal-lemin, l-affarijiet ma jsirux.  Irid ikollok l-umiltà, il-paċenzja li tiltaqa’ u tifhem.  Tifhem il-problemi ta’ ħaġa u  ta’ oħra u tidħol forċina għalihom fl-isfidi interni.

6.    Meta taħdem direttament maċ-Ċivil tifhem iktar u iktar kemm huwa mimli b’persuni li jridu jaħdmu u jridu jgħinu.  Sibt min kien jipprova jagħti l-gambetti.  Tidrahom u wara ftit iżżommhom f’rasek sakemm huma wkoll jingħaqdu miegħek f’dak li tkun qed twettaq.  F’dawn is-snin irrid ngħid li kelli esperjenza pożittiva.  Tant iltqajt magħhom u huma miegħi li stajt nara din il-ħeġġa u sodisfazzjon fit-twettiq tad-diversi proġetti amministrattivi li vvintajt.  Minn fuq s’isfel sibt ħafna koperazzjoni.  Il-pajjiż jimxi verament bil-ħeġġa u d-determinazzjoni tal-politiku, però dan iseħħ għax hemm iċ-Ċivil kapaċi li jġib fis-seħħ dik id-direzzjoni.  Għalkemm drabi insib kritika ġenerali kontra dan is-settur, naraha bħala waħda mill-iktar inġusta.  Nirringrazzja mill-qalb lil kull min ħadem direttament miegħi.

6.6.12

Intervista fuq il-progamm TVAM

Nhar it-Tlieta, 5 ta' Ġunju ġejt intervistat minn Pierre Portelli u Dr. Joe Mifsud waqt il-programm TVAM li jixxandar kull filgħodu fuq l-istazzjon nazzjonali, TVM. 

Din hija is-silta tal-intervista tiegħi meħuda mill-programm.

5.6.12

Il-laqgħa mal-Prim Ministru fil-Luxol

Dan huwa l-filmat tal-laqgħa mal-Prim Ministru ta' nhar il-Ħadd, 3 ta' Ġunju 2012 fil-Luxol, f'St. Andrews, lejlet il-vot ta' fiduċja li tressaq mill-Prim Ministru fil-Parlament.

Filwaqt li nirringrazzja lil kull min kien hemm u ta l-appoġġ lili u lill-Prim Ministru dak inhar. 

Nistedinkom tarawh.

Kemm għad fadal xi jsir

1.    Tul l-aħħar ġimgħa, ix-xenarju politiku f’pajjiżna kien determinanti sabiex jiftaħ l-għajnejn ta’ dawk li jridu jaraw.  Ta’ dawk id-diversi fil-komunità li għadhom iħarsu lejn il-valur tal-politika nadifa.  Tul kemm ili naħdem f’din l-għalqa, assigurajt kull darba li nkun parti minn dan il-moviment salutari li permezz tiegħu nieħdu ħsieb li l-politika ssir sewwa.  Il-politika ta’ sustanza ssir billi jkollok persuni ppreparati u ffurmati għaliha.  Ir-realtà attwali li ħarġet ferm iktar fil-beraħ qed tibni lilha nnifisha fuq il-fatt li l-partiti għandhom fi ħdanhom persuni li qegħdin hemm għax suppost iġibu l-voti.

2.    Kull partit politiku jrid jagħżel tajjeb il-kandidati tiegħu.  Kull partit, anzi, għandu dmir lejn l-elettorat li jassiguralu li lil min qed jippreżentalu għall-vot u l-kunsens tiegħu huwa tajjeb.  Nippreferi dejjem inqas nies b’iktar sens u sustanza milli nissugraw bil-ħafna esperjenzi li finalment u direttament iħammġu l-immaġini tal-partit.  Għaddejt snin inħambaq fuq dan u m’għandi ebda intenzjoni li noqgħod lura proprju issa.  Nemmen fil-politika li hija strument tajjeb għall-ġid u r-riforma tal-poplu u l-kuxjenza tiegħI mhux ser tagħtini li dan il-bżonn ma nwasslux.

3.    Aħna partit li għandu vantaġġi kbar f’dan ix-xenarju.  Aħna partit li għandu valuri li huma demokratiċi nsara.  Jiġi elett fil-Parlament u jiġi fdat bir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-Istat proprju minħabba dan l-element.  Jekk ikun hemm min jaqta’ qalbu, min iċedi, min jaħseb li mhux prattiku li nkomplu nimxu sew f’din it-triq ikun qiegħed jiżbalja.  Ħadd m’għandu jieħu għalih.  Irid l-ewwel jiġi approvat mill-partit mhux fuq bażi ta’ formalità, imma fuq jekk huwiex verament preparat jew le.  Inkella ma nibqgħux li aħna, imma nsiru dak li jaqbel f’mument partikolari.  Nitilfu kull differenza minn ħaddieħor u s-sustanza ta’ mluħitna.

4.    Irridu niġġieldu għall-politika t-tajba.  Irridu nuru li ma fihiex diżunur li taħdem fiha, wisq inqas li hija xi art li fiha jidħlu dawk li m’għandhomx.  Irridu nħajru aktar nies tal-affari tagħhom biex jidħlu f’din l-għalqa.  Il-politika hija għodda għas-sewwa u mhux għaliha nfisha.  Jekk il-poter ma tikkontrollahx issib lilek innifsek maħkum minnu.  Il-poter jaf jittrasforma ruħu f’mostru tant b’saħħtu li l-bnedmin jiġġustifikaw kull azzjoni ħażina sabiex jew jakkwistawh jew inkella jippruvaw iżommuh.  Sfortunatament, l-istorja taċ-ċiviltà umana hija miżgħuda b’eżempji ħżiena ta’ nies li tilfu r-raġuni u l-kuxjenza biex jieħdu l-poter politiku tagħhom.

5.    Għandna ferm iktar x’nagħmlu f’dan il-partit tagħna sabiex nissudawh iktar.  Il-fiduċja tal-poplu tikber fina skont il-kandidati tagħna.  Tikber għax il-Partit Nazzjonalista assigura dejjem li jagħti lura lill-pajjiż miżuri tajba mhux reazzjonarji.  Proprju fuq dan li aħna għandna partit li għandu kap tajjeb, wieħed mimli b’ideat u valuri li jġibhom fis-seħħ.  Lawrence Gonzi huwa l-bniedem li f’dawn id-diffikultajiet baqa’ jżomm lilu nnifsu sod.  Baqa’ ppreparat għal diversi eventwalitajiet.  Prim Ministru li ra quddiemu dak li ħadd qablu ma ra.  Il-kriżi ekonomika, il-gwerra ċivili Libjana u issa dak li qiegħed iseħħ u jiżviluppa fil-Parlament.  Proprju għax huwa persuna ffurmat u ppreparat tajjeb li baqa’ għaddej jaħdem u jagħti lura l-frott.

6.    Għalkemm m’għadnix nokkupa iktar il-kariga ta’ Ministru, rrid nassigura lilkom il-qarrejja tagħna li ser nibqa’ impenjat naħdem u nassisti fil-partit.  Impenjat sabiex minna ssir is-sewwa.  Sabiex inkomplu naħdmu biex dan il-poplu jkollu tmexxija tajba.  Ikollu tmexxija li tiggarantixxi li l-bniedem huwa ċ-ċentru tagħha.  Tassigura li l-valuri umani, id-dinjità tal-bniedem ma jiġu qatt issagrifikati fuq l-artal tal-politika żbaljata.  Għad fadlilna ħafna x’nagħmlu, ma hemmx dubju.  Għalhekk inħajjar iktar lilkom tersqu ‘l quddiem biex tgħinu f’dan il-proġett importanti.  Inkomplu nissudaw il-valuri demokratiċi nsara tagħna.  Inkomplu nkunu ta’ servizz għan-nies.  Inkomplu naraw li l-pajjiż jibqa’ jkollu tmexxija onesta, determinata u ppreparata.  Tmexxija tal-Partit Nazzjonalista li tipproteġi u tkabbar il-ġid u mhux li tkisser dak li għandna.

4.6.12

It-tieni parti tad-diskors tiegħi fil-Parlament

Din hija t-tieni parti tad-diskors tiegħi fil-Parlament fis-seduta ta' nhar l-Erbgħa 30 ta' Mejju 2012 li matulu komplejt tajt rendikont tax-xogħol kollu li sar mill-Ministeru tal-Intern fl-aħħar erba' snin u tajt prova kemm il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni kienet bla bażi.

Wara d-diskors tiegħi hemm ukoll dak tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi.

Nistedinkom tisimgħuh, għalkemm huwa kemmxejn twil.

Biex tisimgħu il-clip, ikollok bżonn il-plugin neċessarju, bħal Quicktime. Imbgħad kemm tagħfas fuq il-buttuna tal-"play"


Unur meritat

1.    Fost id-diversi kwistjonijiet li tul din il-ġimgħa pajjiżna ra quddiemu għall-ewwel darba fl-istorja, kien hemm aħbar li ftit ingħatat l-importanza li verament kienet tistħoqqilha.  Ngħid dan fid-dawl ta’ ħafna ġid u valur li għandna bħala poplu li ftit nindunaw jew nirrealizzaw.  Id-dinja tagħna, l-inkwiet tal-problemi li nġorru ma jħalluniex naraw biżżejjed kemm fil-fatt aħna għandna biex niftaħru.  Il-poplu Malti u Għawdxi huwa wieħed Ewropew.  Hu wieħed minn dawk li mertu tal-pedamenti li r-reliġjon Kattolika ħalliet u għadha tagħti, illum qiegħed fuq quddiem.  Fuq quddiem sabiex iwettaq is-sewwa u jiżra’ ż-żerriegħa li tagħti l-frott il-bnin.

2.    Kienet deċiżjoni tajba li nidħlu fl-Unjoni Ewropea.  M’aħniex ħut barra mill-ilma imma fil-post li nħossuna komdi fih.  Il-Ħamis filgħaxija, wara li dehert fil-programm “Bondi+”, reġgħu ġew quddiemi d-diversi laqgħat, inkontri, ħbiberiji u konoxxenzi li l-Unjoni Ewropea tatni.  Ftakart f’kemm għamilt battalji politiċi fil-oqsma tal-intern, l-immigrazzjoni u l-ġustizzja.  Xi mindaqqiet bdejt waħdi, però ħafna drabi sibt lili nnifsi mdawwar b’allejati.  Il-vantaġġ tal-Unjoni hu l-użu tar-raġuni.  Meta tersaq bil-fatti ssib li hemm bibien li l-ewwel jibdew jitbexxqu u wara jinfetħu.

3.    L-Ewropa hija l-art naturali tagħna.  M’għandix inkun, u f’ebda mument ma ħassejtni inferjuri għal xi ħadd.  Affrontajt, ikkonfrontajt bid-doża ta’ kuraġġ u determinazzjoni li kien ikolli f’idi għall-ġid tal-pajjiż.  Ċert li kull min jieħu sehem jagħraf il-ġid ta’ din l-esperjenza.  Waħda fejn bir-raġuni, bil-konvinċiment u l-persważjoni tasal fejn hu possibbli.  Tuża r-raġuni fl-ambjent naturali tiegħu għax taf li fuq in-naħa l-oħra nies ta’ intelliġenza u esperjenza għandek.  Kull kelma li tgħid jew li tingħadlek taf li ssir b’għaqal u b’viżjoni li trid tagħraf taqbad u twieġeb għaliha.  Inkella titlef opportunità u dak li jista’ jsir titilfu.  Niftakarni nasal ma’ numru ta’ ministri.  Uħud wara xhur, oħrajn mad-daqqa t’għajn.  Diversi sirt nafhom u saru jafuni tant li biex nifhmu l-punti ta’ xulxin anqas nitkellmu ma’ kien ikollna l-bżonn.

4.    Din l-esperjenza politika stajt nidħol għaliha għax infetħu l-bibien tal-Unjoni Ewropea minn ħaddieħor.  Din il-ġimgħa, Eddie Fenech Adami ġie onorat bil-medalja “Robert Schumann”.  Unur prestiġġjuż però mhux sempliċement dekorattiv imma ferm u ferm iktar minn hekk.  L-unur huwa dikjarazzjoni tal-valuri nsara u Ewropej li l-President Emeritu ta u għadu jagħti.  Għalija li għandi x-xorti li nafu nagħraf dejjem iktar l-ankra ta’ ideat, ħsibijiet u viżjoni fit-tul li ħaddan.  Bniedem li qabel u wara l-poter baqa’ dak li jrid jifhem bir-raġuni, jaqra, jirrifletti u jitkellem.

5.    Eddie Fenech Adami kien passaport għalina.  Dikjarazzjoni ta’ pożizzjoni li kull min kien jiltaqa’ miegħu immedjatament jagħraf.  L-intelliġenza, għaqal u preparazzjoni tiegħu kienu ċari għal kull min fl-Ewropa jarah u jkellmu.  Meta pajjiżna beda jidħol u jipparteċipa fit-triq lejn l-Unjoni Ewropea ma kellniex bżonn nagħmlu xi prova partikolari, xi trattat, xi dikjarazzjoni ġuramentata.  Kien biżżejjed li jidher hu għalina. 

6.    Il-persuni li ltqajt magħhom iktar ‘il quddiem kollha kellhom opinjoni eċċellenti tiegħu, kienu x’kienu l-ideat jew il-partiti politiċi tagħhom.  Għalhekk, l-għoti ta’ dan il-ġieħ lil Eddie Fenech Adami kien mill-iktar naturali.  Sfortunatament, ma stajtx nattendi għaċ-ċerimonja billi kelli x’nipprepara.  Biss, minn dak li rajt u smajt jidher ċar li kienet ċerimonja unika.  Unika mhux biss fir-rikonoxximent, imma wkoll għall-fatt li saret ġewwa pajjiżna.  Il-pajjiż għandu t-tajjeb u l-ħażin tiegħu.  Hekk ukoll il-politika li għandha d-dellijiet tagħha.  Eddie Fenech Adami kellu karriera politika twila ħafna.  Ma hemmx dubju li l-maġġoranza tal-poplu tirrikonoxxi dan u għarfet li l-Ħadd li għadda unur meritat ingħata.

1.6.12

L-intervista tiegħi fuq Bondi+ ta' nhar il-Ħamis

Għal min ma raħx, qed intella post b'silta mill-programm  Bondi+ li xxandar fuq l-istazzjon tat-televiżjoni nazzjonali TVM il-bieraħ filgħaxija fejn tajt intervista qasira lil Lou Bondi qabel il-bidu tad-diskussjoni

Nistedinkom tarawh.


MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...