7.7.22

Dawk favur u dawk kontra

 

 

1. Jekk diġà għadda kollox u bqajna fejn konna naħseb li ma jkunx ħażin jekk wieħed f’dan il-Ħadd il-Palm jirrifletti ftit iktar. Dak li sar wieħed jista’ dejjem jekk irid jieħu direzzjoni. Jekk jibqa għaddej allura ma tantx javvanza. Ninsabu għalija f’forma ta’ deżert politiku. Għal uhud però hemm fostna min qed jaħseb li diġa wasal fil-bibien ta’ Ġerusalemm. Qed narawhom u daqt ser inmissu magħhom. Mentri huwa evidenti li ma aħniex. Wara żewg leġislaturi ma żidniex. Għandna f’idejna żewġ għażliet jew nibqgħu nduru żugraga inkella naqbdu t-triq verament tajba.

 

Organizzazjoni

 

2. Hemm għalhekk bżonn ta’ atti ta’ umiltà. Atti li jitwieldu minn eżami ta’ dak li seħħ u li ma kellux qatt iseħħ. Dan għalija huwa essenzjali u ma għandniex naħirbu minnu. Ir-responsabbilità kollettiva jew le trid tingħad biċ-ċar. Inkella jibqa jkun hemm min jidħol għall-appuntamenti elettorali oħra bl-istess mod li daħal għalihom f’dawn tal-aħħar. Flok nitilqu lura niġru mingħajr ħsieb ikun aħjar li nibdew mill-qiegħ nett. F’dan il-mument forsi jkun aħjar li tinbena organizzazzjoni esterna u interna tal-partit aħjar milli kellna. Il-kumitati min fejn għandna nibdew jridu attenzjoni lura. Jridu jingħataw l-għodda sabiex imissu lura mal-elettorat sħih, triq-triq, dar-dar. Minn hemm inkomplu nibnu.

 

Sħiħ

 

3. Il-vot elettorali jrid min mhux biss jifhmu imma janalizzah. Hemm qsim u xpakkar li jrid jiġi identifikat u spjegat. Proprju għalhekk min jikteb kontra tagħna għandna xorta narawh parti mill-elettorat futur. U dan fih l-vantaġġ li ma hemmx fid-diversi li ma marrux jivvutaw u ma nafux. Jew ta’ dawk li vvutaw kontra tagħna għar-raġunijiet varji u ma rajniex. Dawk li “nħbew” minna biex ikunu ċerti li ma nilħquhomx. Biċċiet tal-partijiet sħaħ li ħarġu tul dawn is-snin imma b’mod partikolari u iktar fl-aħħar ħamsa. Dawn, dejjem jekk wieħed irid jirnexxi f’appuntamenti oħra jrid iġibhom lura f’daqqa. Jibda l-proċess mhux ta’ b’forma ta’ impożizzjoni imma rikonċiljazzjoni u fejqan veru mhux apparenti.

 

Bidliet

 

4. Bidliet jridu jsiru inevitabilment. Ma jiddependux fuq is-simpatiji u l-antipatiji. Jiddependu fuq r-realtà politika li jew insegwu jew ninjoraw. Jekk il-partit kif narah mar wisq fuq il-lemin jrid jiġi lura għaċ-ċentru. Jekk il-messaġġ deher mod wisq inċert, jew fuq linji mhux aċċettabbli jrid jiġi lura għall-moderazzjoni u attenzjoni. Dejjem jekk irridu nifhmu x-xenarju politiku ta’ issa u kif ukoll dak li f’dawn is-snin ser jiġi fuq il-pajjiż u l-Partit Nazzjonalista. U f’dan naċċettaw li deċizjonijiet politiċi żbaljati ttieħdu. Fuq kollox ma nibqgħux ninsistu li konna tajbin u perfetti u l-poplu ma fehmx. Il-vot minn nies aħna rriduh u jekk ma vvutawlniex raġuni kellhom naqblu jew le magħha. Jekk għandna l-kapaċità politika rridu naċċettaw u nimxu ‘l quddiem.

 

Tama tagħna

 

5. Dan fir-rispett li ħaqqhom dawk li vvutawlna. F’dan insellem u nirringrazzja lid-diversi li tul dawn is-snin kienu u baqu magħna. Dawk li baqgħu jemmnu li hemm bżonn partit fl-oppożizzjoni li jikkumbatti b’intelligenza dak li jkun qiegħed isir ħażin mill-Gvern. Dawk li baqgħu jaraw il-partit bħala strument għas-sewwa u għall-bidla. Dawk li baqgħu iħarsu ‘l quddiem jittamaw li l-affarijiet ser ikunu aħjar. Dawk li baqgħu jemmnu anki jekk ma kienux tant konvinti. B’ħidmietkom żammejtu l-partit ħaj u zammejtu numru ta’ deputati sabiex jirrapresentawna fil-kamra tad-deputati. Nibqgħu magħkom nittamaw li fl-aħħar naqbdu t-triq t-tajba.

 

Wieħed

 

6. It-triq biex noħorġu mid-deżert li ninsabu fih tibda billi wieħed jifhem li hemm ninsabu. F’dawn is-snin rajt ħafna iktar milli ħsibt li ser nara. Dawn l-aħħar ħames snin anzi kienu prova iktar qawwija għalija. Ppruvajt b’kull mezz għas-sewwa. Ppruvajt bil-kitba li nara li taf tkun iktar effettiva. Tajt is-sehem tiegħi kif dawk li jsegwuni jafu fl-ispazju li ngħatali. Proprju għalhekk inħoss li għandi nħajjar oħrajn jimxu bħali. Proprju għalhekk li ngħid li għandi ukoll d-dmir li nitkellem mingħajr ma nagħmel ħsara imma mhux billi ngħatti dak li m’ huhiex tajjeb. Proprju għalhekk li wara li wieħed jivvota favur jew kontra rridu nimxu. Nimxu fit-triq lura lejn dak li huwa mistenni mill-Partit Nazzjonalista.

X’Qiegħed Jinħeba Minna?

 

1. Dħalt f’iktar djar tul din il-ġimgħa. Tkellimt ma ħafna u jidher mill-iktar ċar li f’din l-gżira ħafna huma inkwetati. Ħafna qed isegwu dak li għaddej fl-Ukrajna. Il-gwerra distruttriċi li għaddejja qed tirbaħ fl-attenzjoni. Iktar bnedmin qed josservaw fid-dettal għax iridu jkunu jafu. Iridu jkunu infurmati bil-fatti u ma jaħirbux minn dak li għaddej. Għax l-pajjiż jgħaraf li hemm effetti li qed imissu lil dak l-pajjiż u r-reġjun però qiegħed imiss lilna ukoll. Aħna għandna Kampanja Elettorali għaddejja u ħafna huma mdorrijin bl-istaġun tal-proposti u l-wegħdi. Imma hawn għandna iktar.

Inkwetati

2. Ma nzid xejn magħkom jekk nikteb li diversi huma inkwetati sew. Però l-inkwiet tagħkom qiegħed jikber għax qed naraw li l-Gvern qiegħed jaħrab u jaħbi minn dak li ġej. Il-kampanja telqet f’xenarju politiku imma tulha kollox qiegħed jinbidel. Dan għax id-dinja fil-preżent bdiet u daħlet f’proċess ta’ bidla. Bidla fir-rabtiet ta’ sigurtà. Bidla fil-linji ta’ komunikazzjoni. Bidla fir-relazzjonijiet kummerċjali. Bidla fir-rabtiet diplomatiċi. Bidla fir-rabtiet u r-relazzjonijiet umani. Bidla ġenerali li ser iġġib effetti soċjali u ekonomiċi qawwija għall-Unjoni Ewropea u għalina.

Itwal

3. Dan ġej minħabba żewġ fatturi. L-ewwel il-konsegwenza tad-deċizjoni żbaljata li ttieħdet mill-Federazzjoni Russa. L-invazjoni hija ħażina u qed iġġib għaliha telfiet f’riżorsi, f’bnedmin li qed jitilfu ħajjithom, u f’tkissir fix-xejn. It-tieni l-effett tar-reżistenza erojka u kostanti tal-poplu Ukren. Għal min seta ħaseb li kollox ser jikkrolla f’daqqa u li l-pajjiż ser iċedi f’daqqa qiegħed jsib li dan mhuhiex minnu. Ma kull ġurnata qed naraw iktar komplikazzjonijiet fejn hemm ferm inqas avvanz milli wieħed kien fuq l-imwejjed militari jobsor. Ma kull ġurnata huwa iktar ċar li hemm bżonn negozjati u ħidma diplomatika lejn l-paċi.

Falliet

4. Hija fiċ-ċar li l-linja strateġika li diversi fil-kamp tal-militar isostnu falliet. Meta l-General Wesley K. Clark fl-2001 kien ddikjara li: “We seek to be as decisive as possible once we begin to use force” ħafna ħaduha bħala linja essenzjali f’deċizjonijiet simili. Imma hawn ma seħħitx u għalhekk fid-dewmien twil ta’ dan l-konflitt qed jikbru iktar l-għeqiedi u l-isfumaturi. Alleanzi varji qed jinbidlu u l-interessi ekonomiċi qed jiddettaw sabiex ibu f’daqqa dawk li ħadd ma kien jimmaġina li kienu. Tul din il-gimgħa rajna dan u rajna attentati varji sabiex tinsab soluzzjoni.

Vuċijiet.

5. Hemm bnedmin varji. Hemm kapitali u mexxejja li qed jgħamlu l-isforzi tagħhom biex jipprovaw ibu l-ordni u r-raġuni fejn ma hix llum. Hemm iktar sforz kbir sabiex il-konflitt jieqaf u ma jinxteridx. F’dan hemm dawk li huma f’allejanzi militari u hemm ukoll dawk li huma newtrali. Kull pajjiż għandu l-piż politiku tiegħu. Kull wieħed jista jgħin. Fejn l-armi u s-saħħa ekonomika għandhom il-vuċi tagħhom. Imma hemm ukoll dawk li għax mhumiex armati jistgħu jkunu għodda sabiex ibu l-partijiet lejn ir-raġuni. Forsi iktar li wieħed jifhem li wieħed aħjar jasal fi ftehim li jwaqqaf fejn ikun hemm reġistrat punti differenti milli dal-proċess ta’ distruzzjoni totali.

Nifhmu aħjar

6. Għandna nifhmu aħjar li dan il-proċess ser ikollu konsegwenzi għall-futur tagħna. Il-ħajja soċjali u ekonomika tagħna ser tinbidel. Dak li konna qed nippreparaw biex nidħlu lura fiha wara dawn is-sentejn ta pandemija issa rridu naħsbu mill-ġdid. Biss f’dan wieħed irid jimmarka li l-Gvern m huhiex iwieġeb għal dan. Kien u għadu żbaljat li wieħed jaħseb li għax il-Prim Ministru ma jitkellimx dwar din l-problema ifisser li f’għajnejn l-poplu li ma teżistix. Il-pajjiż qiegħed jippretendi li jittieħed bis-serjetà. L-elettorat qiegħed jinsisti li tingħadlu l-verità. Qiegħed jitlob li minn issa jkun jaf x’miżuri jistgħu u ser jittieħdu għall-futur. Jekk ix-xenarju inbidel miegħu għandhom jinbidlu wkoll il-proposti. Punt li m aħniex naraw. Punt li qed jinħarab.

Mhux preparat

7. Il-pożizzjoni hija mill-iktar evidenti. Il-Prim Ministru ma jridx jaffronta, mentri l-Kap tal-Oppożizzjoni u s-soċjetà jridu. Mill-Oppożizzjoni tkellimna u diġà pproponejna miżuri għaż-żieda li ser jkun hemm. Ser ikun hemm żieda fl-għoli tal-ħajja. Hemm prezzijiet diretti li diġà ħarġu. Hemm instabilità kbira għan-negozjant tagħna li jaf li ma kull ordni ġimgħa wara ġimgħa ser ikollu jikkalkula jekk għadux vijabbli li jimporta. Għax nafu ukoll li l-perijodu biex niġu lura għal xi forma ta’ normalità ser jikber u dan bil-konsegwenzi fuq id-dinja tax-xogħol. Imma flok nitkelmu fuq dak li għandna nagħmlu qed naħirbu mill-problema għax qedin f’elezzjoni ġenerali.

Il-Verità

8. Dan ser ikompli jżid fis-sħab iswed li l-pajjiż qiegħed jara li ser daqt ikollu jmiss miegħu. Dawk fil-kummerċ tkellmu. Tkellmet ukoll il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tal-Knisja li bdiet id-dokument tagħha proprju fuq dan. Meta hija qalet li l-Elezzjoni Ġenerali qed issir waqt li għaddejja l-invazjoni tal-Ukrajna min-naħa tar-Russja kienet ċara. Bħal meta kompliet tgħid hekk: “Din hija traġedja għall-Ukrajna, għall-Ewropa u għad-dinja kollha. Din il-gwerra mhi xejn għajr ġennata u attakk dirett fuq dak kollu li tirrapreżenta l-Ewropa li reġgħet bniet lilha innifisha wara t-Tieni Gwerra Dinija. Il-gwerra li għaddejja bħalissa ġabet fuq quddiem nett kwistjoni ambjentali fundamentali marbuta mas-sorsi ta enerġija tad-djar, l-ekonomija tad-dinja kollha u anki l-impatt li l-użu ta dawn is-sorsi għandu fuq il-klima li żżomm il-ħajja fuq il-pjaneta tagħna kif nafuha.” Kliem li jitkelmu waħedhom u li jitolbu attenzjoni.

Vulnerabbli

9. Qedin ċertament iktar fuq pjaneta vulnerabbli. Qedin fi sfida ferm ikbar milli kellna qabel. Biss huwa dejjem żbaljat li flok jingħadu l-fatti naħirbu minnhom jew naħbuhom. Il-Gvern għandu jieħu ħsieb jgħid l-verità issa mhux wara l-elezzjoni ġenerali. Għandu bżonn ikun jaf x’jista jsir u li dan jiġi diskuss nazzjonalment. Għandu bżonn iktar onestà, iktar trasparenza u mhux nuqqas tagħhom. Dak li ġej għalina ma huhiex faċli imma m għandux bżonn jiġi komplikat iktar b’dan il-ħabi. Jidher ċar kristall li hemm fatti u realtà li ma tridx tingħad lilna fil-biża li l-elettorat jibdel il-Gvern. Proprju għalhekk li wieħed jistaqsi x’qiegħed jinħeba minna?

Appell Dirett.

1. Ix-xenarju Ewropew qiegħed jum wara l-ie]or jibgħat messaġġi xejn ta’ konfort. Il-fatt li l-konflitt fl-Ukrajna seħħ. Il-fatt li nfetaħ kapitolu ta’ gwerra inġusta u mill-iktar kiefra ma hix proprju dawl ta’ tama. Il-komplikazzjonijiet qegħdin jikbru ma kull ġurnata. Iktar bnedmin qed imutu. Iktar tifrik, tkissir u distruzzjoni. Bil-gwerra kif nafu ma ssibx soluzzjonijiet imma toħloq ferm iktar taħwid. Mill-kaos totali li qegħdin fih naraw iktar u iktar li ma huhiex ser iġib la paċi u anqas ordni.

 Sfida

 2. Din hija sfida għad-dinja u b’mod partikolari għall-pajjiżi Ewropej li ma jridux iktar il-gwerra. Sfida u theddida għal dawk il-varji li kienu taħt l-ħakma tal-Unjoni Sovjetika. Il-pajjiżi li jmissu mal-Federazzjoni Russa u mal-Ukrajna jafu x’ifisser dan. Mhux biss imma għandhom quddiemhom issa kwantita kbira ta’ bnedmin li ħarbu sabiex jitolbu rifuġju. Ewropej jitolbu għajnuna u sokkors lil Ewropej oħra. Bnedmin li qed jiġu ta’ fuqhom senduqhom. Bnedmin li tneħħitilhom kull forma ta’ dinjità.

 Preparazzjoni.

 3. Kemm ahna lkoll preparati ż-żmien jagħtina parir. Kemm ser inkunu kapaċi nġibu l-partijiet lura f’posthom ukoll. Imma rridu ngħarfu li hemm punti ta’ prinċipju li ma nistgħux noqgħodu lura minnhom. Il-libertà u d-demokrazija li nħaddnu ma nistgħux nċeduhom. Jekk nitilfuhom naċċettaw pass regressiv li jkun diffiċili ħafna biex jinġieb lura. Il-ħsara li ser issir u bdiet issir f’dan lill-bnedmin u lill-ekonomija ma jiġux msewwija f’dittatorjati jew oligarkiji. Iseħħu biss jekk nibqgħu nemmnu u nħaddnu d-demokrazija li għalina hija valur mhux sempliċi sistema alternattiva.

 L-esperjenzi.

 4. F’dan kollu qed nifhmu iktar dak li qiegħed iseħħ fl-esperjenzi varji li diversi qegħdin iwasslu. Din hija gwerra u waħda mill-iktar qawwijin. Biss hemm il-bnedmin u l-mezzi ta’ komunikazzjoni varji li qed jibgħatu ritratti u xeni li qabel ma konniex naraw. Il-ħruxija ta’ kollox għandu impatt fl-opinjonijiet ta’ diversi kapitali. Dawk li jaċċettaw dan kollu u ma jikkundannawx ikunu qed jiftħu l-bieb għal sitwazzjonijiet oħra f’reġjuni differenti fid-dinja. Żball politiku li jġib iktar deni milli ġid. Għax xejn ma jġib lura t-telf fil-ħajjiet, fl-ekonomija u fl-ambjent sħiħ tal-bniedem.

 

Kif tindirizza dan

 

5. Ċertament il-Ġnus Magħquda kienu korretti li kkundanaw dan l-aġir tal-Federazzjoni Russa u nsistew li tirtira t-truppi. Kienu biss ħames pajjizi, il-Belarus, l-Eritreja, s-Sirja, l-Korea ta’ Fuq u l-istess Federazzjoni li vvutaw kontra. Mija u wieħed u erbgħin pajjiż favur. Pajjiżna ukoll. Biss hemm ferm iktar passi li għandhom jsiru. Hemm iktar bżonn li l-bieb tad-diplomazija ma jingħalaqx. Hemm iktar bżonn ta’ attenzjoni u abbiltà li wieħed jifhem l-istat tal-affarijiet u jaġixxi b’intelliġenza. Dak li nbeda jista jkompli jinfirex. Proprju għalhekk li rridu nkunu ferm iktar attenti. Mhux faċili imma neċessarju. Kawtela iktar milli deċiżjonijiet mgħaġġla.

 

Diġà diffiċili.

 

6. F’dan kollu kollox huwa iktar diffiċili għalina tul din il-kampanja elettorali. Hija hekk għax qed iżżid element ieħor lil min il-poplu ser jafda bir-responsabbilità tat-tmexxija tal-pajjiż. Il-Gvern li ser jiġi magħzul fis-26 ta’ Marzu m’ huhiex ser jiret triq dritta. Jaf li diġà b’dak kollu li seħħ fl-aħħar leġislatura l-affarijiet huma gravi. Jaf li l-pajjiż huwa mgħobbi u għandu issa sfida li tiddependi minn kemm l-ekonomija ser jirnexxila taqbad u timxi ‘l quddiem. Jaf li fix-xhur li ġejjin ser jaffronta iktar żieda fil-prezzijiet u l-għoli tal-ħajja. Jaf li dawn ma tantx ser ikollhom ħafna konfort u mhux faċili xejn biex inżommu dak li l-poplu qed jitlob u jippretendi.

 

Paċi u Stabbilità

 

7. F’dan kollu għandna bżonn ċertament iktar paċi u stabbilità. Iktar għarfien ta’ dak kollu li seħħ u dak li ser inevitabilment iseħħ. L-Unjoni Ewropea ser taffronta iktar dan u ħidmietha tiddependi dejjem min kemm għandha bnedmin kapaċi u li għandhom esperjenza. F’dan iktar però ser ikun hemm lura allinjament ikbar bejn il-prijoritajiet tal-politika barranija tal-Istati Uniti tal-Amerika u dik Ewropea. Ser jonqos ċertu spazju politiku li kien inbena tul dawn is-snin wara l-ħajt ta’ Berlin. Il-politika Ewropea ser tgħaraf li trid iktar kollaborazzjoni u li timxi id f’id biex tipproteġġi ruħha.

 

Pajjiżna.

 

8. F’dan kollu pajjiżna għandu jgħaraf il-pożizzjoni tiegħu. Jgħaraf x’jista jgħamel u jgħin. Deċizjonijiet politiċi xejn faċili u mill-iktar delikati. Proprju għalhekk li l-poplu għandu jgħaraf iktar li għandu dritt fundamentali li għandu jieħu ħsieb jeżerċita. Id-demokrazija trid f’dan kollu tiġi difiża. M’ għandniex nċedu minn dan. U kif nafu demokrazija timxi ‘l quddiem għax iċ-ċitadini tagħha jieħdu sehem attiv. Dan isir billi kull membru tal-elettorat imur jivvota. L-għażla tal-membri parlamentari futuri tiddependi minn dan. Meta wieħed ma jivvutax ikun qiegħed inaqqas mill-libertà u d-dinjità tagħna.

 

Nappella.

 

9. Min jarana li ma għandniex ħeġġa u għarfien ta’ dan jaf jaħseb li għandu xi bieb miftuh għall-anti-demokrazija. Proprju għalhekk li nappella sabiex jekk hemm min qiegħed jiddubita jekk għandux jivvota, li jirbaħ dan u jmur. Il-vot huwa ħafna drabi neċessarju għal kull ċirkostanza. Biss għal dik preżenti huwa ferm iktar għal dak li ġej iktar ‘l quddiem. Nappella għalhekk lilkom lkoll li taqraw kitbieti li fl-appuntament elettorali li ġej tmorru u tużaw id-dritt fundamentali tagħkom u tivvutaw.

 

 

Zjarat Papali u l-Politika.

 1. Mexjin lejn l-aħħar passi ta’ leġislatura u magħha staġun politiku mqalleb u nieqes ċertament mill-paċi u l-istabilità. Hawn arja li hija wisq ikkargata u din fix-xejn. Il-kawżi determinanti ta’ dawn l-effetti għaddew u jinsabu fil-passat. Biss jinqabdu għadhom minn jum għall-ieħor f’proċess la ċirkolari jew linejari imma kaotiku. Jinħarġu riżentimenti antiki u fuqhom jiġu ġustifikati jew forsi aħjar bażati azzjonijiet mhux tajbin illum. Il-pajjiż, il-poplu jrid fil-maġġor parti tiegħu jara għeluq ta’ ħafna kapitoli. Irid iħares ‘l quddiem verament.

 Il-Papa ġej

 2. Quddiem dan fl-agenda nazzjonali għandna issa l-viżta ferm iktar ċerta tal-Papa Franġisku. Fid-diskussjonijiet barra fit-triq diversi qed ikejjlu jekk l-elezzjoni ġenerali hix sejra tissejjaħ qabel jew wara li jasal magħna. Hemm argumenti varji. Uħud ta’ politika passata u oħrajn le. Sakemm jgħaddu t-termini dan ser jibqa’ għaddej. Tagħmel però iktar sens sħih li l-ewwel jiġi u wara wieħed jimxi. Tagħmel hekk għal dawk li jaqblu għax jaraw li huwa ta’ prestiġju li jiġi milqugħ mill-Prim Ministru attwali. Hemm għal dawk li moħħhom fil-politika minn fil-għodu sa fil-għaxija li jaraw x’vantaġġ elettorali jistgħu jieħdu. U nafu li fil-passat kien hemm min ritratt mal-Papa ta’ dak iż-żmien ma tantx dejjqu.

 Ir-Raba Viżta

 3. Ser tkun ir-raba vizta Papali l-iktar waħda li rat tibdil, fil-jiem u fil-programm. Ser tkun mimlija b’attività u diskorsi mimlijin sens u sustanza. Ser ikun hemm l-attenzjoni tal-maġġor parti tal-poplu kif ukoll ta’ diversi stati Ewropej oħra. Imma l-aspett estern m’ għandux itellef minn opportunità ta’ diskussjoni u sfidi interni. Dan jgħodd għall-persuni li hawn f’dawn il-gżejjer. Jgħodd ukoll għas-soċjetà feruta tagħna. Din il-komunità li hija mimlija b’ilmenti, iperkritika u diskors żejjed. Din li għandha bżonn verament proċess ta’ rikonċiljazzjoni. Wieħed li fih iħares lejn dak kollu li għadu jifred u jkisser u jipprova jifhem il-partijiet u l-pożizzjonijiet.

 Mhux uzu politiku

 4. Jista jkun li hemm min qiegħed iħares lejn din l-viżta bħala opportunità biex jieħu r-ritratti. Wieħed li forsi jista’ juża mal-elettorat tiegħu. F’proċess fejn wieħed jara x’jista’ “jiggwadanja” għalih innifsu. Imma hawn wieħed ikun jaqbad linja lura lejn forom strambi ta’ impożizzjonijiet. Fejn il-wiċċ b’ieħor u l-ipokrezija jafu jieħdu s-saħħa fuq l-awtentiċità, is-sinċerità u l-verità. Fejn fir-realtà nirreġistraw opportunità mitlufa kompletament. Mitlufa għax għad hawn wisq ġlied intern u estern. Għad hawn wisq min jaħseb li l-politika hija makjavillika biss. Fejn wieħed iħares lejn x’ser jieħu issa u mhux lejn il-futur sħih ta’ pajjiż.

 Lura flimkien.

 5. F’din il-viżta hemm sejħa li mhux qed nara li qed nisimgħu. Waħda li fundamentalment tħares li ġġibna iktar flimkien u mhux ‘l bgħid minn xulxin. Dan huwa l-Papa Franġisku li ġie elett fl-2013. Dak li segwejna f’dawn il-leġislaturi. Dak li jirrapreżenta messaġġi varji għad-dinja u għalina. Dak li jaqbeż u jaħdem bil-fatti, konkretament għall-immigranti rregolari. Fejn il-preżenza tiegħu ser tkun okkazzjoni ukoll biex niddiskutu s-suġġett u naraw x’messaġġi sqejna lill-poplu tagħna. Naraw kif impustajna l-argumenti. Naraw jekk konniex parti minn ideat żbaljati. Imma Jorge Bergolio tkellem favur l-ambjent fl-enċiklika “Laudato Si” u favur il-bniedem f’dik “Fratelli Tutti”.

 Preparazzjoni Aħjar

 6. F’dan il-pagna tagħna hija mimlija bil-vantaġġ li għandna nieħdu biex nifhmu aħjar minn ġej. Nittama li ma nħallux għall-aħħar nett sabiex nibdew naraw dokumentarji, diskussjonijiet u spjegazzjonijiet dwaru. Nittama li mhux ser jitqiegħed f’xi kantuniera qisu xi mexxej ta’ pajjiż ieħor li waqaf biex jarana. Hemm lok ċertament sabiex nifhmu aħjar l-ideat tiegħu. Nifhmu biex naħsbu f’demokrazija bħal tagħna li tħares kontinwament li tmur lura lejn is-sewwa. Waħda li tgħaddi kemm tgħaddi minn għawg u fatturi ta’ diviżjoni trid tmur lura lejn rikonċiljazzjoni. U għandna wisq minnhom dawn il-fatturi. Fil-partiti politiċi bejniethom u fl-intern tagħhom. Fil-bliet u l-irħula tagħna bl-għaqdiet varji. Fil-figuri nazzjonali kontroversjali. Fejn ma hemmx għarfien tal-ideat ta’ xulxin imma impożizzjoni ta’ naħa fuq oħra.

 Pożizzjonijiet wieqfa

 7. Impożizzjonjiet imwielda minn trunċieri li jgħaddu s-snin u jħallu jew jerġgħu igibu lill-bnedmin lura fejn kienu qabel. Fejn jinkwadra ruħu dak li l-enċiklika “Fratelli Tutti” tgħid: “Oggi in molti Paesi si utilizza il meccanismo politico di esasperare, esacerbare e polarizzare. Con varie modalità si nega ad altri il diritto di esistere e di pensare, e a tale scopo si riċorre alla strategia di ridicolizzarli, di insinuare sospetti su di loro, di accerchiarli.” Pożizzjonijiet li narawhom għaddejjin fi ħdan tagħna. Kurrenti li wasal il-mument li nifhmu l-ewwel li qedhin hemm ngħixu f’dan u t-tieni li nistgħu noħorġu minnu billi nifhmu aħjar.

 Idejat u kultura

 8. Nifhmu aħjar lil xulxin. L-ideat tagħna u l-kultura li tispira ruħha kontinwament mill-prinċipji etiċi nsara u mid-duttrina soċjali tagħha. Proċess abbandunat anzi avversat b’kultura kompletament differenti għalih. U hemm konsegwenzi għax kif jaħseb tajjeb il-Papa: “Ignorare la cultura di un popolo fa si’ che molti leader politici non siano in grado di promuovere un progetto efficace che possa essere liberamente assunto e sostnuto nel tempo.” Proprju għalhekk li għandna nifhmu li din l-viżta għandha fiha iktar milli qegħdin naraw. Minn dawk il-ġranet għandha għalina miftuh bieb biex il-pajjiz tagħna jieħu lura saħħtu. Jerġa’ jkun wieħed li jħares li jiddefendi lil min huwa bagħtut.

 Solidarjetà

 9. Għax hemm bżonn nifhmu u nkunu lura f’daqqa. Imma iktar minn hekk irridu nħarsu li nibnu mill-ġdid soċjetà li tħares lejn il-ġustizzja soċjali li tassigura s-solidarjetà bejn il-membri u l-kklassijiet soċjali tagħha. Għad għandna wisq bnedmin feruti li meta tmiss magħhom tifhem. Bnedmin li forsi jirrikorru għall-mezzi soċjali biex jiddikjaraw dak li qiegħed u għadu jweġġagħhom. Proprju għalhekk li l-viżta tal-Papa Frangisku  għandha isservi ta’ stimulant, ta’ mbuttatura biex nkunu soċjetà aħjar milli aħna illum. Din hija l-isfida li għandna. Waħda li hija iktar impenjattiva imma li tħalli ferm iktar ġid. Tibdilna biex nibnu aħjar fir-rispett u d-dinjità umana. Waħda Papali f’kull sens li għandha tmiss u tolqot direttament il-politika tagħna.

Mhux ser iżommuna

 


1.      Jingħad x’jingħad, resqin lejn tmiem din il-leġislatura.  Waħda mimlija ferm iktar minn ta’ qabel.  Miżgħuda, anzi, b’kumplikazzjonijiet u sfidi uniċi.  Fl-istorja parlamentari, dawn il-ħames snin kienu partikolari.  Kienu mimlija mrar għal diversi.  Kienu għaddejja f’dellijiet varji.  Dawk umani u dawk li n-natura, fil-pandemija, ġiebet.  Ikun żball min jaħseb li konna fin-normalità.  Ma konniex, u m’aħniex.  Għaddejna kif aħna fl-imqalleb li ma jistax isib serħan.

 

Instabilità

 

2.      F’dan kollu, bqajna nagħtu servizz u nirrappreżentaw lill-poplu.  Il-pożizzjoni politika, f’dawn iċ-ċirkostanzi esiġiet dan fuq żewġ livelli.  L-ewwel: dak li kull deputat fil-Kamra huwa mistenni li jwettaq.  It-tieni: fir-realtà politika li s-sitwazzjoni gravi li ninsabu fiha li huwa gvern ġdid u differenti li jista’ jneħħi.  Kien hemm opportunitajiet, fl-aħħar sentejn, li ma tteħdux.  Kien hemm min ta parir jew ifforma l-opinjoni li ż-żmien ser isolvi.  Dare tempo al tempo.  Imma, minflok, aggravat.  Jum wara jum, bl-iżviluppi li rajna, hawn iktar instabilità u diffikultà biex tibdel.

 

Sinerġija

 

3.      Kien dak iż-żmien, għal diversi f’waqtu, li kif inbidel il-Mexxej tal-Partit Laburista, wieħed imur għal elezzjoni ġenerali.  Jintalab mandat ġdid mill-elettorat u ħadd ma jiddependi fuq is-suċċessi u l-maġġoranzi tal-mexxej ta’ qabel.  Dan ma sarx, fil-ħsieb varju u fin-nuqqas ta’ aptit li tmur għas-sentenza mill-ewwel.  Dak li pprova jiġi mibni, fuq il-biċċiet tat-torrijiet imfarrkin li kien hemm, ma setax jaħdem bħal qabel.  Is-sinerġija u l-kordinazzjoni, mingħajr il-kordinatur passat, ma ħadmitx kif kienet.  Il-kurrenti li kien hemm naqqsu fl-intensità u fil-fiduċja reċiproka, kif qed naraw.

 

Interessi

 

4.      Forsi rebħu interessi varji li kienu magħquda qabel seħħ it-trasferiment tal-poter.  Forsi dawn kienu konvinti li kollox ser ikun kif kien.  Forsi ħasbu li l-bnedmin mhumiex rilevanti, u anke jekk inbidlu, xejn ma jolqothom.  Imma lkoll nafu, mill-esperjenza, li bnedmin differenti jiġu b’ħidmiet u ideat oħra.  Beda, u għadu għaddej proċess ta’ taqbil bejn merti u demerti tal-bnedmin fil-poter. Imma l-iktar evidenti kien li ntilef proċess essenzjali fid-demokrazija.  Spiċċa f’daqqa dak li politiċi varji fil-Partit Laburista kienu ġabru magħhom.  Dik il-memorja kollettiva fil-ħidma ta’ kull partit.  Dik li tikber u tiġi mill-fatt li għax kienu servew fit-tul kellhom l-għeruq  mal-bnedmin li jirrappreżentaw fl-ideat u l-aspirazzjonijiet tagħhom.

 

Il-konsegwenzi

 

5.      Illum, il-pożizzjoni politika kkargat iktar fil-gravità. Dak li kellna sentejn ilu żdiedlu ħafna iktar miegħu.  Daħlet inċertezza affermata.  Daħlet malinkonija stramba.  Daħal iktar sens li ma hemmx soluzzjoni vera għall-problemi attwali.  Pożizzjonijiet li welldu f’uħud l-idea li ħadd u xejn m’huwa tajjeb għalihom.  Iduru huma wkoll mal-kantunieri, jistennew il-politiku perfettissimu jew rinkarnazzjoni ta’ idolu passat tagħhom.  Aġir uman li qiegħed iservi biex jibgħat messaġġ li ħadd m’huwa tajjeb għalihom biex imexxi pajjiż kumplikat bħal tagħna.  Ħidma żbaljata, għax politiċi tajba hemm, u bnedmin kapaċi jbiddlu wkoll.

 

Insistenza

 

6.      Iktar ma nara dan, u l-effetti xejn tajba għat-tessut demokratiku u l-pożizzjoni soċjo-ekonomika tagħna, iktar għandna nagħżlu li nippersistu fis-sewwa.  Nippersistu biex ikun hemm tama ġdida għal dan il-pajjiż.  Jekk dan il-Gvern jibqa’ fil-poter ser ikun iktar diffiċli sabiex il-bidliet li hemm bżonn isiru jseħħu.  L-ewwel, fil-miżuri nfushom.  It-tieni, fil-piż politiku li jingħata fost il-poplu u dawk li għandhom x’jaqsmu magħna.  Il-problema f’dan mhix l-Oppożizzjoni, imma l-Gvern, li fuqu hemm il-piż tar-responsabbiltà.  Dik li għandu jġorr bħal kull wieħed ta’ qabel.  Jieħu u jagħti kont ta’ dak li seħħ u jieqaf iwaħħal fl-istituzzjonijiet demokratiċi.

 

Ieqaf

 

7.      Fid-demokrazija huwa essenzjali li kull min qiegħed fl-Eżekuttiv, b’mod speċjali, jifhem li meta jattakka l-Ombudsman, il-Qrati, l-Awditur Ġenerali, il-Kummissarju Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, ikun qiegħed iweġġa’ lilu nnifsu.  Jekk politiku huwa fil-poter ministerjali, qiegħed hemm jirrappreżenta mhux biss lill-kostitwenti tiegħu, imma lill-Istat Demokratiku.  Jekk huwa stess iċekken, jiddisprezza, javvelixxi tastieri vitali, ikun qiegħed inaqqas mill-valur tal-pajjiż sħiħ u tiegħu nnifsu, li għandu jkollu l-unur li jirrappreżenta.  Iktar u iktar meta dawn l-akkużi jikkumplikaw l-ambjent parlamentari fix-xejn.  Din hija demokrazija, u mhux battalja militari medjevali.

 

Għoli tal-ħajja

 

8.      Iktar u iktar illum, meta l-pajjiż għandu diversi problemi soċjali.  Dawk li qed imissu direttament il-bwiet tal-bnedmin fuq din il-gżira.  Ħafna jafu li l-ħajja għoliet fl-affarijiet u l-prodotti essenzjali.  Hemm min qiegħed jara żidiet ta’ 20%, li mhumiex traskurabbli.  Hemm min ma jistax ilaħħaq f’żewġ kategoriji.  Dawk li diġà kienu ħażin, ċertament, imma issa l-klassi qegħda tara iktar membri jidħlu fiha.  Fejn jinħeba l-ħin kollu l-fatt li l-pern ta’ ħafna hija wkoll il-greylisting tal-FATF li l-Gvern irid jaħrab u jnessi.

 

Inkunu aħjar

 

9.      Għax ħadd mill-Gvern ma jissogra jgħid kemm inkunu, ċertament aħjar, jekk nitneħħew minn fuq din il-lista.  Kemm nibdew nieħdu r-ruħ.  Kemm nerġgħu naraw lura dak li telaqna.  Nifhmu li hemm min jaħseb li ma jaqbillux li jinbidel il-Gvern.  Nifhmu iktar li hemm min għandu interess li ma jkunx hemm bidla, u tibqa’ din il-maġġoranza.  Imma r-realtà politika hija waħda.  Jekk ikun hemm il-bidla, huma x’inhuma d-difetti umani li l-Partit Nazzjonalista għandu, xorta ħa jwassal fejn il-Gvern preżenti ma jistax.  Nifhmu li hemm min moħħu biex jaqtagħlna qalbna, sabiex ma nkomplux naħdmu għal din il-bidla ferm u ferm neċessarja.  Imma nassigurawh li xejn m’huwa ser iżommna milli nkomplu naħdmu determinati għall-ġid tal-poplu tagħna.

 

 

Enigmi f’Ħal Tarxien

 


 

1.      Nikteb dan l-artiklu bi skop wieħed u ċar.  Dak li minnu nittama li jseħħ il-ġid.  L-iktar, huwa appell fuq widnejn il-Gvern sabiex il-proġetti li ġew imwegħda, jsiru.  Kif ukoll li dawk li jinbnew ma jdumux għaddejja x-xhur.  Hemm bżonn aktar attenzjoni għal dak li r-residenti f’Ħal Tarxien qegħdin imissu kontinwament magħhom.  Jixirqilhom li jingħataw aktar widen f’dak li qegħdin imissu jum wara jum.

 

Urbs Antiqua Fuit

 

2.      Virġilju hekk irrefera u kiteb fl-Enejde.  Ħal Tarxien hekk huwa: raħal antik sew, li għandu l-evidenza ta’ dan.  Nafu lkoll bit-tempji preistoriċi tiegħu, fejn kull sena jiġu kwantità ta’ turisti.  Proprju dan il-post, li fih il-bniedem ilu jgħix, wieħed jippretendi li jkun hemm din l-attenzjoni.  Illum hemm ‘il fuq minn tmint’elef persuna jgħixu.  F’post fejn bil-permessi tal-bini li ħarġu, qiegħed issa jitlef mill-karattru veru tiegħu.

 

Servizzi bankarji

 

3.      F’dawn l-aħħar xhur, speċjalment għall-anzjani, kibret id-diffikultà.  Ingħalaq bank li kien iservi ħafna bżonnijiet tar-residenti.  Illum, anqas ATM ma hemm li jistgħu jużaw.  Ressaqt domandi parlamentari dwar dan biex inġib għall-attenzjoni tal-Ministru tal-Finanzi din il-pożizzjoni.  Ir-risposta kienet[1] li ma jista’ jsir xejn, għax hija “deċiżjoni kummerċjali”.  Nifhem, però nippretendi li almenu l-Gvern iġibilhom għall-attenzjoni kemm hemm bżonn dan is-servizz sabiex inaqqas mit-tbatija.  Kuljum, biex wieħed jinqeda jrid imur f’lokalità oħra.

 

Għassa

 

4.      L-istess diffikultà qed isibu r-residenti fl-Għassa tal-Pulizija, għax din ma tkunx miftuħa.  Hemm servizz ta’ ‘intercom’, però ma hemmx min huwa preżenti, u jekk wieħed irid jagħmel rapport irid jinżel Raħal Ġdid.  F’domanda li ressaqt[2], it-tweġiba ċara kienet li hemm lok li l-Għassa tiġi miftuħa u tinfetaħ “skont l-esiġenzi tas-servizz”.  Nifhem dan, imma ftit jirrealizzaw kemm żdiedu r-residenti u l-bżonn, għalhekk, ta’ iktar pulizija li jafu l-post sew u ‘l-bnedmin li jgħixu fih.

 

Pjazza u zuntier

 

5.      Infakkar li fl-14 ta’ Mejju 2019 kienet saret konferenza tal-aħbarijiet fil-Pjazza u fuq iz-zuntier tal-knisja parrokkjali.  Diversi ministri kienu preżenti, u hemm ħabbru li ser issir riġenerazzjoni taz-zuntier u pavimentar ġdid tal-Pjazza.  Proġett ċertament tajjeb.  Biss, wieħed naħseb li ma jiżbaljax jekk jippretendi li wara tmienja u tletin (38) xahar skorruti kellna naraw il-bidu tax-xogħol.  Mhux qed ngħid ilestuh, imma almenu jibdewh.  Minflok, wara żewġ domandi parlamentari[3] jirriżulta li Infrastructure Malta tinsab “fil-proċess li tagħmel id-diżinn tal-pjazza u z-zuntier”.  Jiġifieri għadha trid tibda biex tfassal il-pjani tekniċi u li terġa’, kif qaluli, “għaż-żmien li ġej ser jiġu finalizzati”.  Il-post jixraq li jkun hemm konsultazzjoni vera dwar dak li għandu jsir, u ma nsibux wieħed li ħadd ma jaqbel miegħu.  Però, aktar minn hekk, jixraqlu li jsir u li jsir b’iktar veloċità.

 

Toroq varji

 

6.      Dan huwa wkoll il-pass, mhux proprju ħafif, li biha saru jew qed isiru t-toroq f’Ħal Tarxien.  Ħafna jafu kemm toroq prinċipali kienu u damu magħluqa, bid-diffikultajiet varji u nkonvenjent għar-residenti.  Ħafna drabi, sfortunatament, mingħajr kordinazzjoni.  Mingħajr pjan tingħalaq triq użata sew mir-residenti u mit-traffiku mingħajr ma tinfetaħ.  Fl-istess ħin, l-inkonvenjent għall-anzjani li jridu jimxu jikber sew fl-art li ma tkunx proprju livell.  Ftit pjanar jgħin, imma dan mhuwiex isir.

 

Triq il-Knisja

 

7.      Bħalissa Triq il-Knisja, fil-fatt tinsab magħluqa.  Wieqfa.  Beda jsir ix-xogħol, però dan kellu jieqaf għal raġunijiet tekniċi.  Jidher li qabel inbeda ma sarux il-preparazzjonijiet li jsiru s-soltu, u għalhekk kellu jieqaf.  Ma kienx hemm kordinazzjoni mal-aġenzija kollha, u dan fisser li hemm arterja importanti magħluqa.

 

F’toroq oħra

 

8.      L-istess jidher li seħħ f’numru ta’ toroq prinċipali.  Bħal fi Triq Birżebbugia, li ġiet maqlugħa u magħluqa diversi drabi.  Daqqa għal raġuni, u daqqa għal oħra.  Fejn kelli wkoll ministri li jgħiduli li l-ieħor huwa responsabbli[4] sakemm forsi tkun lesta.  Biss, fil-frattemp it-triq ingħalqet regolarment, b’inkonvenjent lir-residenti.  U dan, l-istess seħħ fi Triq Paola, fejn ix-xogħol beda wkoll fil-bidu tas-sena u baqa’ għaddej għal xhur sħaħ.  Kif ukoll fi Triq Xintill, li hija wkoll sabet ruħha daqqa fuq naħa, u daqqa fuq oħra, magħluqa.

 

Futur

 

9.      Ħal Tarxien jixraqlu ferm aħjar.  Jixraqlu li jkollu aktar attenzjoni u li x-xogħol li jinbeda jsir b’attenzjoni u fl-inqas żmien possibbli.  Nafu li hemm toroq oħra li għad iridu jsiru, u oħrajn li beda x-xogħol fihom.  Nittama li jittieħdu l-passi tal-inqas inkonvenjent.  Ċertament, il-proġett taz-zuntier u tal-Pjazza hemm iktar lok li jinbeda l-proċess ta’ konsultazzjoni dwaru, jiġi ppreżentat għall-pubbliku u jinbeda.  Nittama li dan l-artiklu jservi għall-ġid.  Iservi sabeix dan l-appell favru ir-residenti tarxiniżi ma jaqax fuq widnejn torox, imma jitqiegħed fis-seħħ.



[1] Domanda 22219

[2] Domanda 20365

[3] Domandi 22148 u 22147.

[4] Domandi 19007 u 19008

KWISTJONI TA' DINJITA

1. Bħalissa l-aġenda tad-dinja hija mimlija b’tip, metodu ta’ politika barranija li m’aħniex imdorrijin biha. Konfrontattiva flok ibba...