7.7.22

X’Qiegħed Jinħeba Minna?

 

1. Dħalt f’iktar djar tul din il-ġimgħa. Tkellimt ma ħafna u jidher mill-iktar ċar li f’din l-gżira ħafna huma inkwetati. Ħafna qed isegwu dak li għaddej fl-Ukrajna. Il-gwerra distruttriċi li għaddejja qed tirbaħ fl-attenzjoni. Iktar bnedmin qed josservaw fid-dettal għax iridu jkunu jafu. Iridu jkunu infurmati bil-fatti u ma jaħirbux minn dak li għaddej. Għax l-pajjiż jgħaraf li hemm effetti li qed imissu lil dak l-pajjiż u r-reġjun però qiegħed imiss lilna ukoll. Aħna għandna Kampanja Elettorali għaddejja u ħafna huma mdorrijin bl-istaġun tal-proposti u l-wegħdi. Imma hawn għandna iktar.

Inkwetati

2. Ma nzid xejn magħkom jekk nikteb li diversi huma inkwetati sew. Però l-inkwiet tagħkom qiegħed jikber għax qed naraw li l-Gvern qiegħed jaħrab u jaħbi minn dak li ġej. Il-kampanja telqet f’xenarju politiku imma tulha kollox qiegħed jinbidel. Dan għax id-dinja fil-preżent bdiet u daħlet f’proċess ta’ bidla. Bidla fir-rabtiet ta’ sigurtà. Bidla fil-linji ta’ komunikazzjoni. Bidla fir-relazzjonijiet kummerċjali. Bidla fir-rabtiet diplomatiċi. Bidla fir-rabtiet u r-relazzjonijiet umani. Bidla ġenerali li ser iġġib effetti soċjali u ekonomiċi qawwija għall-Unjoni Ewropea u għalina.

Itwal

3. Dan ġej minħabba żewġ fatturi. L-ewwel il-konsegwenza tad-deċizjoni żbaljata li ttieħdet mill-Federazzjoni Russa. L-invazjoni hija ħażina u qed iġġib għaliha telfiet f’riżorsi, f’bnedmin li qed jitilfu ħajjithom, u f’tkissir fix-xejn. It-tieni l-effett tar-reżistenza erojka u kostanti tal-poplu Ukren. Għal min seta ħaseb li kollox ser jikkrolla f’daqqa u li l-pajjiż ser iċedi f’daqqa qiegħed jsib li dan mhuhiex minnu. Ma kull ġurnata qed naraw iktar komplikazzjonijiet fejn hemm ferm inqas avvanz milli wieħed kien fuq l-imwejjed militari jobsor. Ma kull ġurnata huwa iktar ċar li hemm bżonn negozjati u ħidma diplomatika lejn l-paċi.

Falliet

4. Hija fiċ-ċar li l-linja strateġika li diversi fil-kamp tal-militar isostnu falliet. Meta l-General Wesley K. Clark fl-2001 kien ddikjara li: “We seek to be as decisive as possible once we begin to use force” ħafna ħaduha bħala linja essenzjali f’deċizjonijiet simili. Imma hawn ma seħħitx u għalhekk fid-dewmien twil ta’ dan l-konflitt qed jikbru iktar l-għeqiedi u l-isfumaturi. Alleanzi varji qed jinbidlu u l-interessi ekonomiċi qed jiddettaw sabiex ibu f’daqqa dawk li ħadd ma kien jimmaġina li kienu. Tul din il-gimgħa rajna dan u rajna attentati varji sabiex tinsab soluzzjoni.

Vuċijiet.

5. Hemm bnedmin varji. Hemm kapitali u mexxejja li qed jgħamlu l-isforzi tagħhom biex jipprovaw ibu l-ordni u r-raġuni fejn ma hix llum. Hemm iktar sforz kbir sabiex il-konflitt jieqaf u ma jinxteridx. F’dan hemm dawk li huma f’allejanzi militari u hemm ukoll dawk li huma newtrali. Kull pajjiż għandu l-piż politiku tiegħu. Kull wieħed jista jgħin. Fejn l-armi u s-saħħa ekonomika għandhom il-vuċi tagħhom. Imma hemm ukoll dawk li għax mhumiex armati jistgħu jkunu għodda sabiex ibu l-partijiet lejn ir-raġuni. Forsi iktar li wieħed jifhem li wieħed aħjar jasal fi ftehim li jwaqqaf fejn ikun hemm reġistrat punti differenti milli dal-proċess ta’ distruzzjoni totali.

Nifhmu aħjar

6. Għandna nifhmu aħjar li dan il-proċess ser ikollu konsegwenzi għall-futur tagħna. Il-ħajja soċjali u ekonomika tagħna ser tinbidel. Dak li konna qed nippreparaw biex nidħlu lura fiha wara dawn is-sentejn ta pandemija issa rridu naħsbu mill-ġdid. Biss f’dan wieħed irid jimmarka li l-Gvern m huhiex iwieġeb għal dan. Kien u għadu żbaljat li wieħed jaħseb li għax il-Prim Ministru ma jitkellimx dwar din l-problema ifisser li f’għajnejn l-poplu li ma teżistix. Il-pajjiż qiegħed jippretendi li jittieħed bis-serjetà. L-elettorat qiegħed jinsisti li tingħadlu l-verità. Qiegħed jitlob li minn issa jkun jaf x’miżuri jistgħu u ser jittieħdu għall-futur. Jekk ix-xenarju inbidel miegħu għandhom jinbidlu wkoll il-proposti. Punt li m aħniex naraw. Punt li qed jinħarab.

Mhux preparat

7. Il-pożizzjoni hija mill-iktar evidenti. Il-Prim Ministru ma jridx jaffronta, mentri l-Kap tal-Oppożizzjoni u s-soċjetà jridu. Mill-Oppożizzjoni tkellimna u diġà pproponejna miżuri għaż-żieda li ser jkun hemm. Ser ikun hemm żieda fl-għoli tal-ħajja. Hemm prezzijiet diretti li diġà ħarġu. Hemm instabilità kbira għan-negozjant tagħna li jaf li ma kull ordni ġimgħa wara ġimgħa ser ikollu jikkalkula jekk għadux vijabbli li jimporta. Għax nafu ukoll li l-perijodu biex niġu lura għal xi forma ta’ normalità ser jikber u dan bil-konsegwenzi fuq id-dinja tax-xogħol. Imma flok nitkelmu fuq dak li għandna nagħmlu qed naħirbu mill-problema għax qedin f’elezzjoni ġenerali.

Il-Verità

8. Dan ser ikompli jżid fis-sħab iswed li l-pajjiż qiegħed jara li ser daqt ikollu jmiss miegħu. Dawk fil-kummerċ tkellmu. Tkellmet ukoll il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tal-Knisja li bdiet id-dokument tagħha proprju fuq dan. Meta hija qalet li l-Elezzjoni Ġenerali qed issir waqt li għaddejja l-invazjoni tal-Ukrajna min-naħa tar-Russja kienet ċara. Bħal meta kompliet tgħid hekk: “Din hija traġedja għall-Ukrajna, għall-Ewropa u għad-dinja kollha. Din il-gwerra mhi xejn għajr ġennata u attakk dirett fuq dak kollu li tirrapreżenta l-Ewropa li reġgħet bniet lilha innifisha wara t-Tieni Gwerra Dinija. Il-gwerra li għaddejja bħalissa ġabet fuq quddiem nett kwistjoni ambjentali fundamentali marbuta mas-sorsi ta enerġija tad-djar, l-ekonomija tad-dinja kollha u anki l-impatt li l-użu ta dawn is-sorsi għandu fuq il-klima li żżomm il-ħajja fuq il-pjaneta tagħna kif nafuha.” Kliem li jitkelmu waħedhom u li jitolbu attenzjoni.

Vulnerabbli

9. Qedin ċertament iktar fuq pjaneta vulnerabbli. Qedin fi sfida ferm ikbar milli kellna qabel. Biss huwa dejjem żbaljat li flok jingħadu l-fatti naħirbu minnhom jew naħbuhom. Il-Gvern għandu jieħu ħsieb jgħid l-verità issa mhux wara l-elezzjoni ġenerali. Għandu bżonn ikun jaf x’jista jsir u li dan jiġi diskuss nazzjonalment. Għandu bżonn iktar onestà, iktar trasparenza u mhux nuqqas tagħhom. Dak li ġej għalina ma huhiex faċli imma m għandux bżonn jiġi komplikat iktar b’dan il-ħabi. Jidher ċar kristall li hemm fatti u realtà li ma tridx tingħad lilna fil-biża li l-elettorat jibdel il-Gvern. Proprju għalhekk li wieħed jistaqsi x’qiegħed jinħeba minna?

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...