7.7.22

Żbalji politiċi ħoxnin

 

 

1.      Jgħaddi ż-żmien, u l-bnedmin mhux dejjem jieħdu l-lezzjonijiet li l-istorja tgħaddilna.  L-aħħar seklu kien, u jibqa’ mmarkat b’perjodi twal fejn rajna l-ħerba li l-estremiżmu tal-lemin u dak tax-xellug ħoloq.  Il-Faxxiżmu, in-Nażiżmu fuq naħa u l-Komuniżmu fuq l-oħra, bil-linji ideoloġiċi tagħhom ġiebu ħerba u distruzzjoni.  Kissru, l-iktar, lill-bniedem.  Irrendewh strument, għodda, ilsir tal-Istat u oġġett mingħajr ebda forma ta’ dinjità.  Dak li seħħ kien żbaljat.  Biss, daqshekk ieħor huwa hekk min, f’dan is-seklu, jibqa’ jħares b’xi forma ta’ nostalġija lejn dak il-passat.

 

Estremiżmu

 

2.      L-estremiżmu fi kważi kollox huwa nieqes mill-għaqal.  Iktar u iktar fid-dinja politika fejn l-istorja stess, fil-fatti tagħha, turi.  Turi kemm il-politika li twettaq il-ġid hija dik li timxi fil-moderazzjoni u taqbad it-triq taċ-ċentru.  Hemm partiti taċ-ċentru, bħal ma hemm ukoll dawk li jiddikjaraw li huma fiċ-ċentru-xellug jew ċentru-lemin.  Imma huwa dejjem ċar u evidenti li partiti Demokratiċi-Nsara fiċ-ċentru kienu, u ma rrikorrewx għall-estremiżmu.  Irrikorrew li jibnu iktar demokrazija, iktar dinjità għall-bniedem fis-soċjetà, iktar ġustizzja soċjali.

 

Għandna valur

 

3.      Diversi ma jifhmux x’valur u x’wirt politiku għandna fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.  Uħud, fin-nuqqas tal-konoxxenza tagħhom jaħsbu li hemm vojt.  Jaħsbu li l-liberaliżmu żbaljat li qiegħed isir dejjem iktar tiranniku, intolleranti u awtoritarju huwa xi soluzzjoni.  Huwa, anzi, proprju l-kontra ta’ dak li aħna.  Il-Partit Nazzjonalista ġie ffurmat bit-timbru ċar ta’ partit Demokratiku-Kristjan.  Kienet din il-linja politika li rrendietu wieħed ta’ suċċess fil-miżuri għas-sewwa li wettaq, u dan kif ir-riżultati elettorali urew.  Meta tabbanduna din il-lezzjoni taqbad, kif qed naraw fl-Italja, it-triq għad-deżert.  Iddur, sakemm fl-aħħar tifhem u tmur lura lejn il-belt it-tajba.

 

Żbalji

 

4.      Fin-nuqqas, jew aħjar, fl-abbandun preżenti ta’ kultura politika, f’pajjiżna qed naraw mill-ġdid lil min jaħseb li l-progress iseħħ bl-estremiżmu.  Għal dawn il-persuni, il-bidla sseħħ billi nieħdu pożizzjonijiet li ma jaqblux man-natura u mal-valuri Nsara li l-poplu tagħna jħaddan.  Flok jitwieled il-ġid, jinbet iktar l-ambjent lejn id-deni.  Flok jikber l-ispazju għad-diskussjoni u d-djalogu, jingħalaq favur id-demagoġija.  Flok inħarsu ‘l-bniedem u nimxu fis-sewwa, fis-solidarjetà u fis-sussidjarjetà, inwettqu l-kontra.  L-individwaliżmu qiegħed jiġi kkultivat, u bdejna niftaħru bih, flok inħarsu lejn politika personalista.

 

L-aħħar żball

 

5.      Dan ħareġ iktar u iktar ċar fl-aħħar elezzjonijiet amministrattivi fl-Italja.  Fin-nuqqas ta’ partit taċ-ċentru Demokratiku-Kristjan b’saħħtu, illum għandna iktar partiti fuq il-lemin milli fuq iċ-ċentru-lemin.  Għandna ġabra ta’ tlieta prinċipali, li qishom iridu jilgħabu lura ma’ nostalġiji żbaljati tal-Faxxiżmu.  L-aġenda stabbilita hija dik li tmur lura lejn iktar estremiżmu u abbandun tal-moderazzjoni.  Matteo Salvini u Giorgia Meloni jikkompetu f’kemm jinċensaw dan.  Forza Italia, immexxija minn Silvio Berlusconi u Antonio Tajani ġiet, f’dan, imqegħda fil-ġenb u mhux tifhem li jekk ma tmurx lura lejn iċ-ċentru Demokristjan, ser tibqa’ tnaqqas.

 

Żball ikbar

 

6.      L-elezzjonijiet kienu telfa ċara għal din il-linja politika estremista.  Waħda li kibret iktar meta l-lemin irrifjuta li jikkundanna l-attak li sar f’Ruma fuq il-kwartieri ġenerali taċ-CIGL (Confederazione Generale Italiana del Lavoro), li hija l-unjin tal-ħaddiema b’saħħitha minn Forza Nuova, grupp neo-Faxxista.  Irrifjuta, iktar minn hekk, li jinżel fil-pjazez biex jingħaqad ma’ forzi demokratiċi oħra jipprotesta kontra dak li seħħ.  Din id-deċiżjoni politika żbaljata wasslet iktar il-messaġġ mal-elettorat li ma hemmx alternattiva għaċ-ċentru-xellug ta’ Enrico Letta.  Wasslet il-messaġġ li ma tistax tappoġġja partit, jew ġabra ta’ partiti li sejrin lura u mhux kapaċi jaqtgħu minn magħhom lil dawk l-ulied il-ħsara.

 

Riżultat

 

7.      Ir-riżultat ċar u prevedibbli kien li ċ-ċentru-xellug, immexxi minn bniedem intelliġenti u attiv fid-Demokrazija-Kristjana, Enrico Letta, rebaħ fil-bliet prinċipali.  F’Ruma, Turin u Milan u f’lista twila ta’ bliet, iċ-ċentru-xellug ġie ppremjat.  Fi sfond fejn parti sostanzjali tal-elettorat ma marx jivvota, astjena.  Kif ukoll f’dak fejn hemm listi Ċivici varji, immexxija minn persuni moderati li rebħu, bħal Clemente Mastella, li ġie rivindikat għal darb’oħra.  Ħareġ messaġġ iktar ċar minn dan għaċ-ċentru-lemin: li m’għadux rilevanti u m’hemmx bżonnu.

 

Lura fiċ-ċentru

 

8.      L-elettorat juri biċ-ċar li hemm bżonn lura partit Demokratiku-Kristjan.  Wieħed li hemm bżonn li jiġi rivalutat u l-vantaġġi, il-preġji u l-progressi soċjali u ekonomiċi li wettaq jiġu lura għad-diskussjoni.  Għax proprju wieħed mid-difetti ta’ dan il-partit kien li ma xandarx biżżejjed dak li wettaq.  Li ma fakkarx dak li mmarka.  Hemm bżonn lura partit moderat, li jwieġeb għall-bżonnijiet soċjali tal-poplu.  Partit li jħaddan, b’intelliġenza aġġornata, il-ġustizzja soċjali biex id-diffikultajiet li diversi klassijiet qed imissu jsibu soluzzjoni.  Il-klima politika mhix lura lejn il-Faxxiżmu, imma lejn forza demokratika taċ-ċentru, dik Demokratika-Kristjana.

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...